Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2204

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2204 tat-30 ta' Novembru 2015 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

    ĠU L 314, 1.12.2015, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2204/oj

    1.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 314/10


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2204

    tat-30 ta' Novembru 2015

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta' Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 46(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-23 ta' Marzu 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

    (2)

    Permezz tas-sentenza tagħha tat-18 ta' Settembru 2015 fil-Kawża T-121/13, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill biex tiġi inkluża Oil Industry Pension Fund Investment Company (OPIC) fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness IX għar-Regolament (UE) Nru 267/2012.

    (3)

    OPIC għandha terġa' tiġi inkluża fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi, abbażi ta' dikjarazzjoni ġdida tar-raġunijiet.

    (4)

    Ir-Regolament (UE) Nru 267/2012 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness IX għar-Regolament (UE) Nru 267/2012 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2015..

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ASSELBORN


    (1)  ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1.


    ANNESS

    L-entità elenkata hawn taħt hija mdaħħla fil-lista li tinsab fil-Parti I tal-Anness IX għar-Regolament (UE) Nru 267/2012:

    I.   Persuni u entitajiet involuti f'attivitajiet fir-rigward ta' missili nukleari jew ballistiċi u persuni u entitajiet li jagħtu appoġġ lill-Gvern tal-Iran.

    B.   Entitajiet

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “159.

    Oil industry Pension Fund Investment Company (OPIC)

    No 234, Taleghani St, Teheran, Iran

    OPIC tipprovdi appoġġ sinifikanti lill-Gvern tal-Iran billi tipprovdi riżorsi finanzjarji u servizzi ta' finanzjament għal proġetti ta' żvilupp ta' żejt u gass għal diversi entitajiet marbuta mal-Gvern tal-Iran, inkluż sussidjarji ta' kumpanniji tal-Istat (NIOC). Barra minn hekk, OPIC kellha taħt is-sjieda tagħha IOEC (Iranian Offshore Engineering Construction Co.) li hija ddeżinjata mill-UE li tipprovdi appoġġ loġistiku lill-Gvern tal-Iran.

    Is-settur taż-żejt u l-gass jikkostitwixxi sors sinifikanti ta' finanzjament għall-Gvern tal-Iran, u hemm rabta potenzjali bejn id-dħul tal-Iran miż-żejt li ġej mis-settur tal-enerġija tiegħu u l-finanzjament ta' attivitajiet tal-Iran marbutin mal-proliferazzjoni.

    Id-Direttur Maniġerjali ta' OPIC huwa Naser Maleki, li huwa individwu ddeżinjat min-Nazzjonijiet Uniti bħala Kap ta' Shahid Hemat Industrial Group (SHIG) u wkoll uffiċjal ta' MODAFL (Ministeru Iranjan għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati) li jissorvelja l-ħidma marbuta mal-programm tal-missili ballistiċi Shahab 3 (il-missili ballistika ta' medda twila tal-Iran operattiva bħalissa). SHIG huwa entità ddeżinjata min-Nazzjonijiet Uniti għar-raġuni li huwa entità li taqa' taħt l-Aerospaces Industries Organisation (AIO), li hi entità ddeżinjata mill-UE) u peress li hi involuta fil-programm tal-missili ballistiċi tal-Iran. Għaldaqstant, OPIC hi assoċjata direttament mal-attivitajiet nukleari tal-Iran marbutin mal-proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta' sistemi ta' kunsinna ta' armi nukleari.

    1.12.2015”


    Top