EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2173

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2173 tal-24 ta' Novembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 11 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 307, 25.11.2015, p. 11–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2173/oj

25.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 307/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2173

tal-24 ta' Novembru 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 11

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fis-6 ta' Mejju 2014, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà ppubblika emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 11 Arranġamenti Konġunti intitolat Kontabilità għall-Akkwisti ta' Interessi f'Operazzjonijiet Konġunti. L-emendi jipprovdu gwida ġdida dwar it-trattament tal-kontabilità ta' akkwist ta' interess f'operazzjoni konġunta li fiha l-attività tal-operazzjoni konġunta tikkostitwixxi negozju.

(3)

L-emendi għall-IFRS 11 jinkludu referenzi għall-IFRS 9 li attwalment ma jistgħux jiġu applikati billi l-IFRS 9 ma ġiex adottat mill-Unjoni. Għalhekk kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament għandha tinqara bħala referenza għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

(4)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rapportar Finanzjarju tikkonferma li l-emendi għall-IFRS 11 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nr 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 11 Arranġamenti Konġunti jiġi emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament;

2.   Kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament tinqara bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

Artikolu 2

Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

Kontabilizzazzjoni tal-akkwiżizzjonijiet ta' Interessi f'Operazzjonijiet Konġunti

(Emendi għall-IFRS 11)

“Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra miż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' riproduzzjoni għall-użu personali jew għal skopijiet oħra in bona fide. Aktar tagħrif jista' jinkiseb mill-IASB fuq www.iasb.org”

Emendi għal IFRS 11 Arranġamenti Konġunti

Jiżdied il-paragrafu 21. Il-paragrafi 20–21 ġew inklużi għall-ħeffa ta' referenza iżda mhumiex emendati.

Operazzjonijiet konġunti

20.

Operatur konġunt għandu jirrikonoxxi b'rabta mal-interess tiegħu f'operazzjoni konġunta:

(a)

l-assi tiegħu, inkluż sehmu minn kwalunkwe assi miżmum b'mod konġunt;

(b)

l-obbligazzjonijiet tiegħu, inkluż sehmu minn kwalunkwe obbligazzjoni mġarrba b'mod konġunt;

(c)

id-dħul tiegħu mill-bejgħ ta' sehmu mill-eżitu li jirriżulta mill-operazzjoni konġunta;

(d)

sehmu mid-dħul mill-bejgħ tal-eżitu tal-operazzjoni konġunta; kif ukoll

(e)

l-ispejjeż tiegħu, inkluż sehmu minn kwalunkwe spiża mġarrba b'mod konġunt.

21.

Operatur konġunt għandu jikontabilizza l-assi, l-obbligazzjonijiet, id-dħul u l-ispejjeż marbuta mal-interess tiegħu f'operazzjoni konġunta skont l-IFRSs applikabbli għall-assi, l-obbligazzjonijiet, id-dħul u l-ispejjeż partikolari.

21A

Meta entità takkwista interess f'operazzjoni konġunta li fiha l-attività tal-operazzjoni konġunta tikkostitwixxi negozju, kif definit fl-IFRS 3, hija għandha tapplika, sal-limitu tas-sehem tagħha skont il-paragrafu 20, il-prinċipji kollha dwar il-kontabilizzazzjoni ta' kombinamenti ta' negozju, fl-IFRS 3, u IFRSs oħra, li ma jkunux f'kunflitt mal-linji gwida f'dan l-IFRS u tiddivulga l-informazzjoni li hija meħtieġa f'dawk l-IFRSs f'relazzjoni mal-kombinamenti ta' negozju. Dan japplika għall-akkwiżizzjoni kemm ta' interess inizjali u kemm ta' interessi addizzjonali f'operazzjoni konġunta li fiha l-attività tal-operazzjoni konġunta tikkostitwixxi negozju. Il-kontabilizzazzjoni għall-akkwiżizzjoni ta' interess f'operazzjoni konġunta bħal din hija speċifikata fil-paragrafi B33 A–B33D.

Fl-Appendiċi B, l-intestatura ewlenija qabel il-paragrafu B34 hija emendata u jiżdiedu l-paragrafi B33 A–B33D u l-intestatura relatata tagħhom.

Rapporti finanzjarji ta' partijiet f'arranġament konġunt (il-paragrafu 21 A–22)

Kontabilizzazzjoni għal akkwiżizzjonijiet ta' interessi f'operazzjonijiet konġunti

B33A

Meta entità takkwista interess f'operazzjoni konġunta li fiha l-attività tal-operazzjoni konġunta tikkostitwixxi negozju, kif definit fl-IFRS 3, għandha tapplika, sal-limitu tas-sehem tagħha skont il-paragrafu 20, il-prinċipji kollha dwar il-kontabilizzazzjoni ta' kombinamenti ta' negozju, fl-IFRS 3, u IFRSs oħra, li ma jkunux f'kunflitt mal-linji gwida f'dan l-IFRS u tiddivulga l-informazzjoni li hija meħtieġa f'dawk l-IFRSs f'relazzjoni mal-kombinamenti ta' negozju. Il-prinċipji tal-kontabilizzazzjoni tà kombinamenti ta' negozju li ma jkunux f'kunflitt mal-linji gwida f'dan l-IFRS jinkludu iżda mhumiex limitati għal:

(a)

il-kejl ta' assi u obbligazzjonijiet identifikabbli skont il-valur ġust, ħlief għal entrati li hemm eċċezzjonijiet għalihom fl-IFRS 3 u IFRSs oħrajn;

(b)

ir-rikonoxximent tal-kostijiet relatati mal-akkwiżizzjoni bħala spejjeż fil-perjodi meta ġġarrbu l-kostijiet u ngħataw is-servizzi, bl-eċċezzjoni li l-kostijiet għall-ħruġ ta' titoli ta' dejn jew ta' ekwità jiġu rikonoxxuti skont l-IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni u l-IFRS 9; (1)

(c)

ir-rikonoxximent ta' assi ta' taxxa differita u ta' obbligazzjonijiet ta' taxxa differita li joriġinaw mir-rikonoxximent inizjali ta' assi jew obbligazzjonijiet, ħlief għal obbligazzjonijiet ta' taxxa differita li joriġinaw mir-rikonoxximent inizjali tal-avvjament, kif meħtieġ skont l-IFRS 3 u l-IAS 12 Taxxi fuq l-introjtu għal kombinamenti ta' negozji;

(d)

rikonoxximent tal-eċċess tal-korrispettiv trasferit fuq in-nett tal-ammonti fid-data tal-akkwiżizzjoni tal-assi identifikabbli akkwistati u l-obbligazzjonijiet merfugħa, jekk ikun hemm, bħala avvjament; kif ukoll

(e)

ittestjar għall-indeboliment ta' unità li tiġġenera l-flus li għaliha jkun ġie allokat avvjament tal-anqas darba fis-sena, u kull meta jkun hemm indikazzjoni li l-unità tista' tkun indebolita, kif meħtieġ mill-IAS 36 Indeboliment ta' Assi għal avvjament akkwistat f'kombinament ta' negozji.

B33B

Il-paragrafi 21 A u B33 A japplikaw ukoll għall-formazzjoni ta' operazzjoni konġunta jekk, u biss jekk, negozju eżistenti, kif definit fl-IFRS 3, jiġi kkontribwit lill-operazzjoni konġunta mal-formazzjoni tagħha minn waħda mill-partijiet li jipparteċipaw fl-operazzjoni konġunta. Madankollu, dawn il-paragrafi ma japplikawx għall-formazzjoni ta' operazzjoni konġunta jekk il-partijiet kollha li jipparteċipaw f'operazzjoni konġunta jikkontribwixxu biss assi jew gruppi ta' assi li ma jikkostitwixxux negozji lill-operazzjoni konġunta mal-formazzjoni tagħha.

B33C

Operatur konġunt jista' jżid l-interess tiegħu f'operazzjoni konġunta li fiha l-attività tal-operazzjoni konġunta tikkostitwixxi negozju, kif definit fl-IFRS 3, billi jakkwista interess addizzjonali fl-operazzjoni konġunta. F'każijiet bħal dawn, interessi miżmuma preċedentement fl-operazzjoni konġunta ma jerġgħux jitkejlu jekk l-operatur konġunt iżomm kontroll konġunt.

B33D

Il-paragrafi 21 A u B33 A-B33C ma japplikawx għall-akkwiżizzjoni ta' interess f'operazzjoni konġunta meta l-partijiet li jaqsmu l-kontroll konġunt, inkluż l-entità li takkwista l-interess fl-operazzjoni konġunta, ikunu taħt kontroll komuni tal-istess parti jew partijiet aħħarija li jikkontrollaw, kemm qabel kif ukoll wara l-akkwiżizzjoni, u dak il-kontroll ma jkunx tranżitorju.

Fl-Appendiċi C, jiżdiedu l-paragrafu C1AA u l-paragrafu C14 A u l-intestatura relatata tiegħu.

DATA EFFETTIVA

C1AA

Kontabilizzazzjoni għal Akkwiżizzjonijiet ta' interessi f'Operazzjonijiet Konġunti (Emendi fl-IFRS 11) maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-intestatura wara l-paragrafu B33 u żied il-paragrafi 21 A, B33 A–B33D u C14 A u l-intestaturi relatati tagħhom. Entità għandha tapplika dawk l-emendi b'mod prospettiv f'perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar kmieni. Jekk entità tapplika dawk l-emendi f'perjodu aktar kmieni, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

Kontabilizzazzjoni għal akkwiżizzjonijiet ta' interessi f'operazzjonijiet konġunti

C14A

Kontabilizzazzjoni għal Akkwiżizzjonijiet ta' interessi f'Operazzjonijiet Konġunti (Emendi fl-IFRS 11) maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-intestatura wara l-paragrafu B33 u żied il-paragrafi 21 A, B33 A–B33D, C1AA u l-intestaturi relatati tagħhom. Entità għandha tapplika dawk l-emendi b'mod prospettiv għal akkwiżizzjonijiet ta' interessi f'operazzjonijiet konġunti li fihom l-attivitajiet tal-operazzjonijiet konġunti jikkostitwixxu n-negozji, kif definit fl-IFRS 3, għal dawk l-akkwiżizzjonijiet li jseħħu mill-bidu tal-ewwel perjodu li fih tapplika dawk l-emendi. Konsegwentement, ammonti rikonoxxuti għal akkwiżizzjonijiet ta' interessi f'operazzjonijiet konġunti li jseħħu f'perjodi preċedenti ma għandhomx jiġu aġġustati.

Emendi konsegwenzjali għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju

Jiżdied il-paragrafu 39 W.

DATA EFFETTIVA

39W

Kontabilizzazzjoni għall-Akkwiżizzjonijiet ta' Interessi f'Operazzjonijiet Konġunti (Emendi fl-IFRS 11), maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafu C5. Entità għandha tapplika dik l-emenda f'perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016. Jekk entità tapplika l-emendi relatati mal-IFRS 11 mill-Kontabilizzazzjon għal Akkwiżizzjonijiet ta' Interessi f'Operazzjonijiet Konġunti (Emendi fl-IFRS 11) f'perjodu aktar kmieni, l-emenda għall-paragrafu C5 għandha tiġi applikata għal dak il-perjodu aktar kmieni.

Fl-Appendiċi C, il-paragrafu C5 huwa emendat.

Appendiċi C

Eżenzjonijiet għal kombinamenti ta' negozji

C5

L-eżenzjoni għal kombinamenti ta' negozji fl-imgħoddi tapplika wkoll għal akkwiżizzjonijiet fl-imgħoddi ta' investimenti f'assoċjati, interessi f'kumpaniji konġunti u interessi f'operazzjonijiet konġunti li fihom l-attività tal-operazzjoni konġunta tikkostitwixxi negozju, kif definit fl-IFRS 3. Barra minn dan, id-data magħżula fil-paragrafu C1 tapplika wkoll għal kull akkwiżizzjoni bħal din.


(1)  Jekk entità tapplika dawn l-emendi imma għadha ma tapplikax l-IFRS 9, kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 għandha tinqara bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.


Top