Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2013

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2013 tal-11 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' devjazzjonijiet standard fir-rigward ta' sistemi ta' ugwalizzazzjoni tar-riskju tas-saħħa skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 295, 12.11.2015, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2013/oj

    12.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 295/9


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2013

    tal-11 ta' Novembru 2015

    li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' devjazzjonijiet standard fir-rigward ta' sistemi ta' ugwalizzazzjoni tar-riskju tas-saħħa skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbilità II) (1), u b'mod partikolari it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 109 a(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Għall-finijiet tal-kalkolu tal-modulu ta' sottoskrizzjoni tar-riskju tas-saħħa tal-formula standard għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, devjazzjonijiet standard għar-riskju tal-primjum u tar-riżerva għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward ta' miżuri leġiżlattivi nazzjonali speċifiċi li jippermettu l-qsim ta' ħlasijiet ta' pretensjonijiet fir-rigward tar-riskju tas-saħħa fost l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

    (2)

    Tali devjazzjonijiet standard għandhom jiġu stabbiliti biss f'dak li għandu x'jaqsam maz-Zorgverzekeringswet (l-Att dwar l-Assigurazzjoni tal-Kura tas-Saħħa) li jipprovdi għal assigurazzjoni medika bażika obbligatorja (basisverzekering) fin-Netherlands (minn hawn 'il quddiem is-“sistema ta' ugwalizzazzjoni tar-riskju tas-saħħa fin-Netherlands”). Skont stħarriġ mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, is-sistema ta' ugwalizzazzjoni tar-riskju tas-saħħa fin-Netherlands hija l-unika sistema bħal din fl-Unjoni li tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 109a(4) u (5) tad-Direttiva 2009/138/KE.

    (3)

    Id-devjazzjonijiet standard stabbiliti f'dan ir-Regolament ġew determinati billi ġew meqjusal-kalkoli pprovduti mid-De Nederlandsche Bank.

    (4)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni.

    (5)

    L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1094/2010 (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Devjazzjonijiet standard

    Għall-assigurazzjoni ta' spejjeż mediċi u r-riassigurazzjoni proporzjonali soġġetti għal sistema ta' ugwalizzazzjoni tar-riskju tas-saħħa fin-Netherlands, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jużaw fil-kalkolu tal-modulu tar-riskju ta' sottoskrizzjoni tas-saħħa d-devjazzjonijiet standard li ġejjin:

    (a)

    2,7 % għar-riskju ta' premium tal-assigurazzjoni medika tal-NSLT;

    (b)

    5 % għar-riskju ta' riserva tal-assigurazzjoni medika tal-NSLT.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).


    Top