Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1844

    Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1844 tat-13 ta' Lulju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2013 dwar l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta' Kjoto wara l-2012 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 268, 15.10.2015, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/1844/oj

    15.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 268/1


    REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1844

    tat-13 ta' Lulju 2015

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2013 dwar l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta' Kjoto wara l-2012

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(5) u (6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto, adottat l-emenda ta' Doha li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, li jibda mill-1 ta' Jannar 2013 u jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2020 (“l-Emenda ta' Doha”). L-Unjoni approvat l-Emenda ta' Doha bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1339 (2) (id-Deċiżjoni ta' Ratifika).

    (2)

    L-implimentazzjoni teknika neċessarja tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto għandha titwettaq fir-Reġistru tal-Unjoni u fir-reġistri nazzjonali tal-Protokoll ta' Kjoto. Huwa neċessarju wkoll li tiġi żgurata l-konsistenza mad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u mad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-implimentazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti tal-kontabbiltà maqbula internazzjonalment biex tiġi ottimizzata t-trasparenza u tiġi żgurata l-eżattezza tal-kontabbiltà tal-AAUs, ir-RMUs, l-ERUs, is-CERs, it-tCERs u l-lCERs mill-Unjoni u l-Istati Membri, filwaqt li, safejn huwa possibbli, jiġu evitati l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi, inklużi dawk relatati mas-sehem tar-rikavat u l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-IT.

    (3)

    Ladarba l-Emenda ta' Doha tidħol fis-seħħ, l-Unjoni u l-Istati Membri se jkunu meħtieġa joħorġu fir-reġistri rispettivi tagħhom tal-Protokoll ta' Kjoto, unitajiet tal-ammont assenjat (AAUs) li jkun ugwali għall-ammont assenjat lilhom skont id-Deċiżjoni ta' Ratifika, u jżidu l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3(7 bis) tal-Protokoll ta' Kjoto.

    (4)

    Wara kull aġġustament 'il fuq tal-allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali ta' Stat Membru skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE jew skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, jista' jkun li wara tmiem it-tieni perjodu ta' impenn ikollu jakkwista AAUs addizzjonali jekk juża din l-allokazzjoni addizzjonali tal-emissjonijiet annwali biex ikopri l-emissjonijiet tiegħu skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE jew jittrasferiha lil Stat Membru ieħor. Jekk l-emissjonijiet ta' Stat Membru jkunu ogħla mill-ammont assenjat, dan jista' juża wkoll ir-Riżerva Żejda mill-Perjodu Preċedenti tiegħu msemmija fl-Artikolu 3(13b) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013. Kull akkwiżizzjoni ta' AAU li tirriżulta tkun suġġetta għall-applikazzjoni tas-sehem tar-rikavat fl-ewwel trasferiment internazzjonali ta' AAUs imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013. Fejn huwa xieraq, dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala inkonsistenzi tal-kontabbiltà fit-tqabbil tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mar-regoli maqbula skont il-Protokoll ta' Kjoto fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 10(7) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

    (5)

    Għandu jiġi stabbilit proċess ta' kklerjar fi tmiem it-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto biex jipprovdi għas-saldu f'AAUs ta' kull trasferiment nett tal-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet annwali skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE.

    (6)

    Skont l-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE, l-istallazzjoni stazzjonarja u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu jiskambjaw CERs u ERUs għall-kwoti. Is-CERs u l-ERUs skambjati li huma validi għall-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, potenzjalment jirrappreżentaw l-emissjonijiet EU ETS fit-tieni perjodu ta' impenn. Peress li l-Emenda ta' Doha tistabbilixxi l-limiti tat-trasferiment tas-CERs u l-ERUs mill-ewwel għat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, l-Istati Membri għandhom jittrasferixxu fl-Unjoni għadd korrispondenti ta' AAUs validi għall-ewwel perjodu ta' impenn biex ikopru dawn l-emissjonijiet potenzjali u l-Unjoni għandha tittrasferixxi lill-Istati Membri s-CERs u l-ERUs korrispondenti validi għall-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto riċevuti mill-istallazzjoni stazzjonarja u mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru bħala skambju għall-kwoti.

    (7)

    Għalhekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 (5) għandu jigi emendat skont dan.

    (8)

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza peress li huwa neċessarju biex jitwettqu t-trasferimenti tranżizzjonali qabel tmiem il-perjodu addizzjonali għat-twettiq tal-impenji skont l-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto msemmi fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

    (9)

    Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto, sakemm ma jipprovdix għat-trasferimenti tranżizzjonali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 389/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Jiddaħħal l-Artikolu 73a li ġej:

    “Artikolu 73a

    Trasferiment ta' CERs u ERUs skambjati fl-EU ETS

    1.   L-amministratur ċentrali għandu jinforma lil kull amministratur nazzjonali bl-għadd ta' CERs u ERUs validi għall-ewwel perjodu ta' impenn trasferiti skont l-Artikolu 60 minn kontijiet ta' depożitu ta' operatur u kontijiet ta' depożitu ta' operaturi tal-inġenji tal-ajru amministrati mill-Istat Membru. Ma' dak l-għadd, l-amministratur ċentrali għandu jżid porzjon tal-għadd ta' CERs u ERUs validi għall-ewwel perjodu ta' impen trasferiti skont l-Artikolu 60 minn kontijiet ta' depożitu ta' operaturi u kontijiet ta' depożitu ta' operaturi tal-inġenji tal-ajru amministrati mill-Istat Membri mingħajr reġistru tal-Protokoll ta' Kjoto fl-ewwel perjodu ta' impenn, proporzjonalment għal-limiti numeriċi rispettivi tal-Istati Membri għat-trasferiment ta' CERs u ERUs mill-ewwel għat-tieni perjodu ta' impenn.

    2.   Skont l-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto msemmi fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, qabel tmiem il-perjodu addizzjonali ta' twettiq tal-impenji, l-amministratur ċentrali għandu jittrasferixxi lil kull reġistru nazzjonali tal-Protokoll ta' Kjoto għadd ta' CERs u ERUs validi għall-ewwel perjodu ta' impenn mill-Kontijiet ta' Kreditu Internazzjonali tal-UE li jkun ugwali għall-għadd totali stabbilit skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    3.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li l-EUTL jipprevjeni t-tranżazzjonijiet kollha ta' unitajiet trasferiti skont il-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni ta':

    (a)

    il-kanċellazzjoni ta' unitajiet skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013;

    (b)

    l-irtirar ta' unitajiet skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013;

    (c)

    it-trasferiment ta' unitajiet mill-ewwel għat-tieni perjodu ta' impenn skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013;

    (d)

    it-trasferiment ta' unitajiet f'reġistru wieħed tal-Protokoll ta' Kjoto.

    4.   Immedjatament wara t-trasferiment li jitwettaq skont il-paragrafu 2, kull amministratur nazzjonali għandu jittrasferixxi għadd ta' AAUs fil-kont ta' depożitu tal-Parti rilevanti fir-Reġistru tal-Unjoni li jkun ugwali għall-għadd ta' krediti trasferiti lura lil dak l-Istat Membru skont il-paragrafu 2.”

    (2)

    Jiddaħlu l-Artikoli 73b sa 73 g li ġejjin:

    “Artikolu 73b

    Ħruġ u Depożitu ta' AAUs

    1.   Qabel it-tranżazzjoni ta' rtirar skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), l-amministratur ċentrali għandu:

    (a)

    joħroġ għadd ta' AAUs li jkun ugwali għall-ammont mogħti mill-Unjoni stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1339 (**) fil-Kont ta' AAU tal-UE fir-Reġistru tal-Unjoni;

    (b)

    jittrasferixxi immedjatament għadd ta' AAUs li jkun ugwali għall-għadd ta' kwoti ġenerali maħluqa skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/634/UE (***) mill-Kont ta' AAU tal-UE għall-Kont ta' Depożitu ta' AAU tal-ETS fir-Reġistru tal-Unjoni.

    2.   Skont l-Artikolu 31, mill-inqas tliet xhur qabel l-għeluq tal-Kont tal-Konformità mad-Deċiżjoni tal-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESD) għall-2020, kull amministratur nazzjonali għandu:

    (a)

    joħroġ għadd ta' AAUs li jkun ugwali għall-ammont mogħti mill-Istat Membru rispettiv tiegħu stabbilit skont id-Deċiżjoni ta' Ratifika fil-Kont ta' depożitu tal-Parti fir-Reġistru tal-Protokoll ta' Kjoto tiegħu;

    (b)

    jittrasferixxi immedjatament għadd ta' AAUs li jkun ugwali għall-għadd korrispondenti ta' AEAs għall-allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali għall-Istat Membru tiegħu għas-snin kollha skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE kif inhu stabbilit qabel kull emenda skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 mill-Kont ta' depożitu tal-Parti għall-Kont ta' Depożitu ta' AAU tal-ESD fir-Reġistru tal-Protokoll ta' Kjoto tiegħu.

    3.   Qabel ma jitlestew il-proċessi ta' kklerjar skont l-Artikolu 73f, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (l-EUTL) jipprevjeni t-tranżazzjonijiet kollha ta' AAUs mill-Kont ta' Depożitu ta' AAU tal-ETS jew mill-Kontijiet ta' Depożitu ta' AAU tal-ESD, bl-eċċezzjoni ta':

    (a)

    il-kanċellazzjoni jew l-irtirar ta' għadd ta' AAUs li jkun inqas jew ugwali għall-għadd ta' AEAs trasferiti għall-Kont ta' Tħassir tal-ESD skont l-Artikolu 88(2);

    (b)

    l-irtirar ta' għadd ta' AAUs skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, li jkun ugwali għall-għadd ta' AEAs trasferiti għall-Kont ta' Tħassir tal-ESD skont l-Artikolu 31(4) ta' dan ir-Regolament li jikkorrispondi għall-kwantità ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra mdaħħla fil-Kont tal-Konformità mal-ESD skont l-Artikolu 77 ta' dan ir-Regolament;

    (c)

    il-kanċellazzjoni jew it-trasferiment ta' għadd ta' AAUs li jkun inqas jew ugwali għall-għadd ta' AEAs trasferiti għall-Kont ta' Tħassir tal-ESD skont l-Artikolu 31(4) li jaqbeż il-kwantità ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra mdaħħla fil-Kont tal-Konformità tal-ESD skont l-Artikolu 77;

    (d)

    it-trasferimenti meħtieġa għall-finijiet tal-proċessi ta' kklerjar skont l-Artikolu 73f;

    (e)

    il-konverżjoni ta' AAUs f'ERUs, sakemm l-għadd ta' AEAs ikun daqs l-għadd ta' AAUs li jridu jiġu kkonvertiti flimkien mal-għadd ta' ERUs meħtieġa biex jissodisfaw l-imposta tas-sehem tar-rikavat imsemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 jiġi trasferit għall-Kont ta' Tħassir tal-ESD skont l-Artikolu 31(4) ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 73c

    Trasferiment u użu ta' unitajiet

    1.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li l-EUTL jipprevjeni t-tranżazzjonijiet li jinvolvu s-CERs, l-ERUs, it-tCERs u l-lCERs li ntużaw skont l-Artikolu 81, bl-eċċezzjoni ta':

    (a)

    it-trasferiment ta' unitajiet mill-Kont tal-Konformità tal-ESD fir-Reġistru tal-Unjoni fir-reġistru tal-Protokoll ta' Kjoto tal-Istat Membru rilevanti skont l-Artikolu 31(3);

    (b)

    l-irtirar ta' unitajiet skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013;

    (c)

    it-trasferiment ta' unitajiet mill-ewwel għat-tieni perjodu ta' impenn skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013;

    2.   Mat-tlestija tat-trasferiment tal-unitajiet mill-ewwel għat-tieni perjodu ta' impenn skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li l-EUTL jipprevjeni l-użu ta' CERs, ERUs, tCERs jew lCERs skont l-Artikolu 81 ta' dan ir-Regolament sakemm dawk l-unitajiet ikunu validi għat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto.

    Artikolu 73d

    Kanċellazzjoni ta' unitajiet

    1.   Wara li jitlestew it-trasferimenti tal-unitajiet mill-ewwel għat-tieni perjodu ta' impenn skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, l-amministratur ċentrali għandu jikkanċella s-CERs u l-ERUs kollha li jibqgħu fil-Kont ta' Twarrib ta' Ċediment tal-Avjazzjoni.

    2.   Wara li jitlestew it-trasferimenti tal-unitajiet mill-ewwel għat-tieni perjodu ta' impenn skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, l-amministratur ċentrali għandu jitlob lill-amministraturi nazzjonali biex jikkanċellaw is-CERs u l-ERUs validi għall-ewwel perjodu ta' impenn għall-Protokoll ta' Kjoto miżmuma f'kontijiet tal-ETS li jiġu amministrati jew ikkanċellati fir-Reġistru tal-Unjoni.

    Artikolu 73e

    Irtirar ta' unitajiet

    Jekk l-emissjonijiet koperti bid-Direttiva 2003/87/KE jaqbżu l-ammont mogħti lill-Unjoni stabbilit skont id-Deċiżjoni ta' Ratifika, l-ammistratur ċentrali għandu jirtira l-AAUs mill-Kont tal-PPSR tal-UE.

    Artikolu 73f

    Trasferiment fir-Reġistru tal-Unjoni

    L-amministratur ċentrali għandu jittrasferixxi l-AAUs kollha mill-Kont għall-Ikklerjar Ċentrali tal-ETS u l-AAUs trasferiti skont l-Artikolu 73a(4) ta' dan ir-Regolament għall-Kont tal-PPSR tal-UE stabbilit skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

    Artikolu 73g

    Proċessi ta' Kklerjar

    1.   Fi żmien sitt xhur mill-għeluq skont l-Artikolu 31 tal-Kont tal-Konformità mal-ESD għall-2020, l-amministratur ċentrali għandu jikkalkula valur ta' kklerjar għal kull Stat Membru billi jnaqqas it-trasferimenti netti ta' AEAs mill-akkwisti netti ta' AEAs bejn l-Istati Membri matul il-perjodu 2013-2020.

    2.   Jekk Stat Membru jkollu valur ta' kklerjar negattiv skont il-paragrafu 1, l-amministratur nazzjonali rilevanti għandu jittrasferixxi għadd ta' AAUs li jkun ugwali għall-valur ta' kklerjajr mill-Kont ta' Depożitu AAU tal-ESD tagħhom għall-Kont għall-Ikklerjajr Ċentrali tal-ESD.

    3.   Jekk Stat Membru jkollu valur ta' kklerjar pożittiv skont il-paragrafu 1 u wara li jsiru t-trasferimenti kollha skont il-paragrafu 2, l-amministratur ċentrali għandu jittrasferixxi għadd ta' AAUs li jkun ugwali għall-valur ta' kklerjar ta' Kont ta' depożitu tal-Parti tal-Istat Membru rilevanti.

    4.   Qabel ma jsir it-trasferiment imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-amministratur nazzjonali rilevanti għandu l-ewwel jittrasferixxi l-għadd ta' AAUs meħtieġa biex jissodisfaw is-sehem tar-rikavat applikat għall-ewwel trasferimenti internazzjonali ta' AAUs skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

    (*)  Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13)."

    (**)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1339 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-impenji taħtha (ĠU L 207, 4.8.2015, p. 1)."

    (***)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/634/UE tat-22 ta' Ottubru 2010 li taġġusta l-kwantità ta' kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont l-Iskema tal-Unjoni għall-2013 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/384/UE (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 34).”"

    (3)

    L-Anness I huwa emendat kif inhu stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Madankollu, l-Artikolu 1(2) u (3) għandu japplika mid-data tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta' komunikazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1339 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-impenji taħtha (ĠU L 207, 4.8.2015, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

    (4)  Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nru 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 u 1193/2011 (ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1).


    ANNESS

    Fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 389/2013, il-parti V bl-isem ta' “Kontijiet tal-PK fis-sistema konsolidata tar-reġistri Ewropej” tat-tabella I-I, jiżdiedu r-ringieli li ġejjin:

    Isem it-tip ta' kont

    Detentur tal-kont

    Amministratur tal-kont

    Għadd ta' kontijiet ta' dan it-tip

    Unitajiet mhux ta' Kjoto

    Unitajiet ta' Kjoto

    Kwoti

    AEAs

    AAU

    CER

    ERU

    lCER/tCER

    RMU/ERU minn RMU

    Kwoti ġenerali

    Kwoti tal-avjazzjoni

    V.   

    Kontijiet tal-PK fis-sistema konsolidata tar-reġistri Ewropej

    “Kont ta' AAU tal-UE

    UE

    Amministratur Ċentrali

    1

    Le

    Le

    Le

    Iva

    Le

    Le

    Le

    Le

    Kont ta' Depożitu ta' AAU tal-ESD

    Stat Membru

    Amministratur tar-reġistri tal-PK

    1 għal kull reġistru

    Le

    Le

    Le

    Iva

    Le

    Le

    Le

    Le

    Kont ta' Twarrib ta' Ċediment tal-Avjazzjoni

    UE

    Amministratur Ċentrali

    1

    Le

    Le

    Le

    Iva

    Iva

    Iva

    Le

    Le

    Kont tal-PPSR

    Parti għall-Protokoll ta' Kjoto

    Amministratur tar-reġistru tal-PK (fir-Reġistru tal-Unjoni: l-amministratur ċentrali)

    1 għal kull reġistru

    Le

    Le

    Le

    Iva

    Le

    Le

    Le

    Le

    Kont għall-Ikklerjar Ċentrali tal-ESD

    UE

    Amministratur Ċentrali

    1

    Le

    Le

    Le

    Iva

    Le

    Le

    Le

    Le”


    Top