Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1800

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1800 tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 263, 8.10.2015, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1800/oj

    8.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 263/16


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1800

    tas-6 ta' Ottubru 2015

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b'mod parzjali jew bis-sħiħ, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ottubru 2015.

    Għall-Kummissjoni,

    F'isem il-President,

    Heinz ZOUREK

    Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Apparat elettroniku li jista' jinġarr, b'qisien ta' 7 × 60 × 110 mm u piż ta' 100 g, li jikkonsisti mill-komponenti ewlenin li ġejjin f'qafas wieħed tal-plastik:

    skrin tattilu tal-kulur b'dijodi li jemettu d-dawl (LED), b'qies djagonali tal-iskrin ta' 8,9 cm (3,5 pulzieri) u b'riżoluzzjoni ta' 960 × 640 pixels,

    unità ċentrali ta' pproċessar,

    memorja RAM ta' 256 MB;

    kapaċità ta' ħżin ta' 32 GB;

    modulu għal konnessjoni bla fili ma' apparat ieħor u mal-Internet;

    batterija tal-litju rikarikabbli;

    lawdspiker;

    mikrofonu, u

    kamera għall-ġbid ta' filmati u ritratti.

    L-apparat fih l-interfaċċi li ġejjin:

    konnettur biex l-apparat ikun jista' jiġi rikarikat u biex jiġi mqabbad ma' apparat ieħor, bħal pereżempju magna għall-ipproċessar awtomatiku tad-dejta (ADP) u

    jack plug ta' 3,5 mm.

    L-apparat jippermetti lill-utent, inter alia, jaqbad mal-Internet, iniżżel, iħaddem u jimmodifika l-applikazzjonijiet tas-softwer, jirċievi u jibgħat posta elettronika, jilgħab il-logħob, u jniżżel, jirrekordja u jirriproduċi mużika, filmati u ritratti.

    8471 30 00

    Il-klassifikazzjoni hija stabbilita bir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, nota 3 tas-Sezzjoni XVI, nota 5(A) tal-Kapitolu 84 u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 8471 u 8471 30 00 .

    L-apparat huwa ddisinjat biex iwettaq żewġ funzjonijiet jew aktar li huma kumplimentari jew alternattivi fi ħdan it-tifsira tan-nota 3 tas-Sezzjoni XVI (l-ipproċessar ta' dejta, komunikazzjoni fuq netwerk bla fili, ir-reġistrazzjoni u r-riproduzzjoni ta' kontenut awdjo u vidjo, il-ġbid ta' filmati u ritratti, u l-wiri ta' stampi statiċi u ta' stampi vidjo).

    Minħabba l-karatteristiki oġġettivi tal-apparat, b'mod partikolari l-kapaċità tiegħu li jniżżel minn fuq l-Internet, li jaħżen, jimmodifika u jħaddem il-programmi, il-funzjoni ewlenija tiegħu hija l-ipproċessar tad-dejta (ara wkoll l-Opinjonijiet tal-HS dwar il-Klassifikazzjoni 8471.30/2, 3 u 4). Il-funzjonijiet l-oħra huma meqjusa bħala sekondarji.

    Għaldaqstant l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8471 30 00 , bħala magna li tista' tinġarr għall-ipproċessar awtomatiku tad-dejta, b'piż ta' mhux aktar minn 10 kg, li tikkonsisti minn mill-inqas unità ċentrali ta' pproċessar, tastiera u skrin.


    Top