Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1605

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1605 tat-12 ta' Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1569/2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza għall-istandards tal-kontabbiltà applikati mill-emittenti tal-pajjiż terz ta' titoli skont id-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 249, 25.9.2015, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/1605/oj

25.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/3


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1605

tat-12 ta' Ġunju 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1569/2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza għall-istandards tal-kontabbiltà applikati mill-emittenti tal-pajjiż terz ta' titoli skont id-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1), partikolarment l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (2), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE jeżiġi li l-Kummissjoni twaqqaf mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-informazzjoni, kif meħtieġ minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni hi meħtieġa tadotta miżuri biex tistabbilixxi kriterji ġenerali tal-ekwivalenza fir-rigward tal-istandards tal-kontabbiltà rilevanti għall-emittenti ta' iktar minn pajjiż wieħed. L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE jitlob ukoll lill-Kummissjoni tieħu deċiżjonijiet marbuta mal-ekwivalenza ta' standards tal-kontabbiltà użati minn emittenti ta' pajjiż terz, u jippermetti lill-Kummissjoni tippermetti l-użu ta' standards tal-kontabbiltà ta' pajjiż terz tul perjodu tranżizzjonali xieraq. Minħabba r-rabta mill-qrib tal-informazzjoni meħtieġa skont id-Direttiva 2004/109/KE mal-informazzjoni meħtieġa skont id-Direttiva 2003/71/KE, huwa xieraq li l-istess kriterji għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza japplikaw fil-qafas taż-żewġ Direttivi.

(2)

Għalhekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 (3) stabbilixxa l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta' standards tal-kontabbiltà ta' pajjiż terz għal perjodu limitat li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2014.

(3)

Il-Kummissjoni evalwat l-utilità u t-tħaddim tal-mekkaniżmu tal-ekwivalenza għal perjodu limitat ta' żmien u kkonkludiet li għandu jiġi estiż sal-31 ta' Marzu 2016. Minħabba li l-perjodu li għalih il-Kummissjoni poġġiet fis-seħħ kundizzjonijiet għall-għoti tal-ekwivalenza tal-Prinċipji tal-Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati (GAAP) ta' pajjiżi terzi skada fil-31 ta' Diċembru 2014, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 u jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien. Dan huwa meħtieġ sabiex tingħata ċertezza legali lill-emittenti mill-pajjiżi terzi rilevanti elenkati fl-Unjoni u biex jiġi evitat ir-riskju li dawn jista' jkollhom jirrikonċiljaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom mal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS). Id-dispożizzjoni tar-retroattività għalhekk ittaffi kwalunkwe piż addizzjonali potenzjali fuq l-emittenti kkonċernati.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1569/2007 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1569/2007 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 id-data 31 ta' Diċembru 2014 tinbidel bid-data 31 ta' Marzu 2016;

(b)

Fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1), id-data 31 ta' Diċembru 2014 tinbidel bid-data 31 ta' Marzu 2016;

(c)

Fil-punt (i) tal-Artikolu 4(1)(a), id-data 31 ta' Diċembru 2014 tinbidel bid-data 31 ta' Marzu 2016;

(d)

Fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1), id-data 31 ta' Diċembru 2014 tinbidel bid-data 31 ta' Marzu 2016.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

(2)  ĠU L 390, 31.10.2004, p. 38

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza għall-istandards tal-kontabilità applikati mill-emittenti tal-pajjiż terz ta' titoli skont id-Direttiva 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 340, 22.12.2007, p. 66)


Top