Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1494

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1494 tal-4 ta' Settembru 2015 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (“REACH”) fir-rigward tal-benżen (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 233, 5.9.2015, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1494/oj

    5.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 233/2


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1494

    tal-4 ta' Settembru 2015

    li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (“REACH”) fir-rigward tal-benżen

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 131 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-paragrafu 3 tal-entrata 5 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq jew l-użu tal-benżen bħala sustanza jew bħala kostitwent ta' sustanzi oħra, jew f'taħlitiet, f'konċentrazzjonijiet daqs 0,1 % jew iktar skont il-piż.

    (2)

    Minħabba partikolaritajiet ġeoloġiċi, il-gass naturali minn ċerti ġibjuni jkun fih aktar minn 0,1 % benżen fil-piż iżda inqas minn 0,1 % fil-volum.

    (3)

    It-tekniki disponibbli biex inaqqsu l-konċentrazzjoni ta' benżen f'dan il-gass naturali għal inqas minn 0,1 % fil-piż jinvolvu nefqa kapitali ta' kważi EUR 1 biljun u nefqa operazzjonali ta' madwar EUR 60 miljun fis-sena.

    (4)

    Mill-valutazzjoni tar-riskju li saret fl-2013 mir-Rijksinstituut voor Volksgezondheid en Milieu Olandiż (l-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa Pubblika u l-Ambjent) kien konkluż li l-gass naturali li jitqiegħed fis-suq għall-użu mill-konsumaturi u li jkollu limitu għal benżen ogħla minn 0,1 % fil-piż, imma anqas minn 0,1 % fil-volum, ma joħloqx riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa.

    (5)

    Fl-opinjoni (2) tiegħu tat-28 ta' Novembru 2014, il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ikkonferma li l-esponiment tal-konsumatur għal konċentrazzjonijiet tal-benżen fil-gass naturali ogħla minn 0,1 % fil-piż, imma anqas minn 0,1 % fil-volum, ma joħloqx riskju għas-saħħa tal-konsumaturi li ma jkunx kontrollat adegwatament.

    (6)

    L-ispiża għolja biex titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-benżen fil-gass naturali għal inqas minn 0,1 % fil-piż tkun sproporzjonata u, fid-dawl tal-opinjoni tar-RAC, mhix meħtieġa għall-iskopijiet tal-ġestjoni tar-riskju. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat biex jippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu ta' gass naturali b'konċentrazzjoni ta' benżen li tkun inqas minn 0,1 % fil-volum.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  http://echa.europa.eu/documents/10162/13641/rac_opinion_adopted_benzene_in_natural_gas_en.pdf


    ANNESS

    Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, mal-paragrafu 4 tal-kolonna 2 tal-entrata 5, jiżdied il-punt (c) li ġej:

    “(c)

    il-gass naturali li jitqiegħed fis-suq għall-użu mill-konsumaturi, diment li l-konċentrazzjoni tal-benżen tibqa' inqas minn 0,1 % volum/volum”


    Top