EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1383

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1383 tat-28 ta' Mejju 2015 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 rigward il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà marbuta mar-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-annimali għall-appoġġ akkoppjat skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU L 214, 13.8.2015, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R2529

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/1383/oj

13.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1383

tat-28 ta' Mejju 2015

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 rigward il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà marbuta mar-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-annimali għall-appoġġ akkoppjat skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(9)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 l-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ akkoppjat lill-bdiewa skont il-kundizzjonijiet stipulati f'Kapitolu 1 tat-Titolu IV ta' dak ir-Regolament u f'att delegat li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (2), meta l-miżura tal-appoġġ akkoppjat tkun tikkonċerna l-annimali tal-ifrat u/jew in-nagħaġ u l-mogħoż, l-Istati Membri, bħala kundizzjoni għall-eliġibbiltà għall-appoġġ, iridu jiddefinixxu r-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-annimali kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jew fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (4) rispettivament. Bħala konsegwenza, annimal li ma jikkonformax ma' dawk ir-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni mqar darba, jibqa' mhux eliġibbli għal appoġġ akkoppjat volontarju tul ħajtu kollha, irrispettivament jekk dak li jkun ikunx għamel tajjeb għan-nuqqas wara.

(3)

Sabiex jiġu rimedjati sitwazzjonijiet bħal dawn, l-Artikolu 117 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (5) kien jipprevedi li fil-każ tal-pagamenti għaċ-ċanga u għall-vitella, annimal kellu jitqies eliġibbli jekk l-informazzjoni meħtieġa tkun ngħatat lill-awtorità kompetenti fl-ewwel jum tal-perjodu taż-żamma tal-annimal.

(4)

Minħabba l-fatt li l-pagamenti għaċ-ċanga u għall-vitella ġew aboliti u peress li l-perjodu taż-żamma ma għadux kundizzjoni ta' eliġibbiltà għal appoġġ akkoppjat volontarju, l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 ma fihx dispożizzjoni simili.

(5)

Madankollu, sabiex tkun żgurata l-proporzjonalità u mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet oħra applikabbli ta' eliġibbiltà li jkunu stabbiliti mill-Istat Membru, l-annimali tal-ifrat għandhom jitqiesu eliġibbli għall-appoġġ sakemm jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni sa ċertu data. Sabiex tinżamm il-konsistenza, dik ir-regola għandha tapplika wkoll għan-nagħaġ u għall-mogħoż.

(6)

Dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem marbuta mas-sena kalendarja tal-2015 u mas-snin sussegwenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014, jiżdiedu s-sottoparagrafi li ġejjin:

“Madankollu, mingħajr preġudizzju għal kundizzjonijiet oħra ta' eliġibbiltà, annimal għandu jitqies ukoll eliġibbli għall-appoġġ meta r-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni msemmijin fl-ewwel sottoparagrafu jiġu ssodisfati sa data li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru u li ma għandhiex tkun iktar tard:

(a)

mill-ewwel jum tal-perjodu taż-żamma tal-annimal, meta jiġi applikat perjodu taż-żamma;

(b)

minn data magħżula abbażi ta' kriterji oġġettivi u konsistenti mal-miżura korrispondenti nnotifikata skont l-Anness I, meta ma jiġi applikat l-ebda perjodu taż-żamma.

Sal-15 ta' Settembru 2015, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dati msemmija fit-tieni sottoparagrafu.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Mejju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta' appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta' dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta' Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).


Top