Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1324

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1324 tal-31 ta' Lulju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

    ĠU L 206, 1.8.2015, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/01/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0044

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1324/oj

    1.8.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 206/10


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/1324

    tal-31 ta' Lulju 2015

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta' Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 (2) jimplimenta ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK (3).

    (2)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 lestiet rieżami tal-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Annessi II u IV tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK. Permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 il-miżuri restrittivi imposti mid-Deċiżjoni 2011/137/PESK, kif emendata jiġu wkoll ikkonsolidati fi strument legali ġdid. Hija meħtieġa emenda teknika fir-Regolament (UE) Nru 204/2011 sabiex jallinja ruħu mad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333.

    (3)

    Din l-emenda taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata.

    (4)

    Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 3(2), il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

    “(c)

    l-għoti ta' assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja marbuta ma':

    (i)

    tagħmir militari, inklużi armi u materjal relatat li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-punt (b) u intiżi biss għas-sigurà jew bħala assistenza għad-diżarm għall-Gvern Libjan, kif approvat bil-quddiem mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

    (ii)

    tagħmir militari mhux letali intiż biss għas-sigurà jew bħala assistenza għad-diżarm għall-Gvern Libjan;”

    (2)

    L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 8(1), il-kliem tal-bidu u l-punt (a) huma sostitwiti b'dan li ġej:

    “1.   B'deroga mill-Artikolu 5, fir-rigward ta' persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II u l-entitajiet msemmijin fl-Artikolu 5(4), l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi in kwistjoni huma soġġetti għal garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita, jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali li tkun ingħat;

    (i)

    qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp ikunu ġew inklużi fl-Anness II; jew

    (ii)

    qabel id-data li fiha l-entità msemmija fl-Artikolu 5(4) ġiet deżinjata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;” ;

    (b)

    fil-paragrafu 8(2), il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(c)

    id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II jew III; u”.

    (3)

    fl-Artikolu 8b(2), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(a)

    l-awtorità kompetenti kkonċernata stipulat li l-pagament ma jmurx kontra l-Artikolu 5(2) u lanqas mhu għall-benefiċċju ta' entità msemmija fl-Artikolu 5(4);”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ASSELBORN


    (1)  Ara l-paġna 34 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 tat-2 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 58, 3.3.2011, p. 1).

    (3)  ĠU L 58, 3.3.2011, p. 53.


    Top