Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1039

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1039 tat-30 ta' Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tal-ittestjar tat-titjir (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 167, 1.7.2015, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1039/oj

1.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1039

tat-30 ta' Ġunju 2015

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tal-ittestjar tat-titjir

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikoli 5(5) u 7(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (2) għandu jiġi emendat sabiex jirregola, bħala parti mill-kundizzjonijiet tat-titjira, il-kompetenza u l-esperjenza għall-piloti u għall-inġiniera responsabbli għall-ittestjar tat-titjira, skont il-kumplessità tat-testijiet tat-titjira mwettqa u tal-inġenju tal-ajru, bil-ħsieb li tiżdied is-sikurezza u tissaħħaħ l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tal-kompetenza u tal-esperjenza għall-membri tal-ekwipaġġ tal-ittestjar tat-titjira fl-Unjoni.

(2)

Ir-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet tad-disinn u l-produzzjoni li jwettqu l-ittestjar tat-titjiriet, rekwiżit li jkun hemm manwal tal-operat tal-ittestjar tat-titjira li jiddefinixxi l-politiki tal-organizzazzjoni u l-proċeduri neċessarji fir-rigward tal-ittestjar tat-titjira għandhom ukoll jiġu introdotti, sabiex jippromwovu t-twettiq bla periklu ta' ttestjar tat-titjira. Dak il-manwal għandu jinkludi politiki u proċeduri għall-kompożizzjoni u l-kompetenza tal-ekwipaġġ, il-preżenza abbord ta' persuni minbarra l-membri tal-ekwipaġġ, il-ġestjoni tar-riskju u tas-sikurezza, l-identifikazzjoni tal-istrumenti u t-tagħmir li huwa meħtieġ li jinġarru.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2042/2003 (3) ġie riformulat għaċ-ċarezza. Peress li l-Formola 15a tal-EASA, kif stipulata fl-Appendiċi II tal-Anness I (Parti 21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012, tirreferi għar-Regolament (KE) Nru 2042/2003, jeħtieġ li dik ir-referenza tiġi aġġornata.

(4)

Jeħtieġ li jingħata żmien suffiċjenti għall-industrija tal-ajrunawtika u għall-Istati Membri biex jadattaw għal dawn ir-rekwiżiti. Għalhekk, għandhom jiġu previsti dispożizzjonijiet tranżitorji xierqa. Għal ċerti emendi speċifiċi, madankollu, għandha tingħata data tal-applikazzjoni differita fid-dawl tan-natura ta' dawk l-emendi.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-opinjoni maħruġa mill-Aġenzija skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda

L-Anness I (Parti 21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   L-Istati Membri li fil-21 ta' Lulju 2015 ħarġu liċenzji nazzjonali għall-membri tal-ekwipaġġ tal-ittestjar tat-titjira li mhumiex bdoti jistgħu jkomplu jagħmlu dan skont il-liġi nazzjonali tagħhom sal-31 ta' Diċembru 2017. Id-detenturi ta' dawk il-liċenzji jistgħu jkomplu jeżerċitaw il-privileġġi tagħhom sa dik id-data.

2.   Wara l-31 ta' Diċembru 2017, l-applikanti għal, jew id-detenturi ta' permess għat-titjir jistgħu jkomplu jużaw is-servizzi ta' bdoti involuti fit-testijiet tat-titjira tal-Kategorija Tlieta jew Erbgħa imsemmija fl-Appendiċi XII tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 u tal-inġiniera tal-ittestjar tat-titjira li kienu qed iwettqu attivitajiet tal-ittestjar tat-titjira skont ir-regoli applikabbli tal-liġi nazzjonali qabel dik id-data. Kull użu bħal dan għandu jibqa' limitat għall-ambitu tal-funzjonijiet ta' membri tal-ekwipaġġ tal-ittestjar tat-titjira kif stabbilit qabel il-31 ta' Diċembru 2017.

L-ambitu tal-funzjonijiet ta' membru tal-ekwipaġġ tal-ittestjar tat-titjira għandu jkun stabbilit mill-applikant għal jew id-detentur ta' permess għat-titjir li juża jew qed jippjana li juża s-servizzi tagħhom, fuq il-bażi tal-esperjenza u t-taħriġ tal-membri tal-ekwipaġġ tal-ittestjar tat-titjira, u fuq ir-rekords rilevanti tal-applikant għal jew id-detentur ta' permess għat-titjir. Dak l-ambitu tal-funzjonijiet ta' membru tal-ekwipaġġ tal-ittestjar tat-titjira għandu jsir disponibbli lill-awtorità kompetenti.

Kull żieda jew kwalunkwe emenda oħra fl-ambitu tal-funzjonijiet stabbilit għal dawn il-membri tal-ekwipaġġ tal-ittestjar tat-titjira mill-applikant għal jew mid-detentur ta' permess għat-titjir li juża jew jippjana li juża s-servizzi tagħhom għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Appendiċi XII tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 748/2012.

3.   Sal-31 ta' Diċembru 2015, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkomplu joħorġu l-Formola 15a taċ-ċertifikat tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà tal-EASA kif stipulat fl-Appendiċi II tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 748/2012, li jkunu fis-seħħ qabel il-21 ta' Lulju 2015. Ċertifikati maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 jibqgħu validi sakemm jiġu mibdula, sospiżi jew revokati.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta' Lulju 2015.

Madankollu:

(a)

il-punti 2 u 3 tal-Anness għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2016; il-punt (b) japplika sakemm issir referenza għall-Appendiċi XII tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 748/2012.

(b)

il-punt 6 tal-Anness fir-rigward tal-punt D tal-Appendiċi XII għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2018, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti li diġà jirriżultaw mill-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (4).

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta' Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta' inġenji tal-ajru u ta' prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet tad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2042/2003 tal-20 ta' Novembru 2003 dwar il-kapaċità kontinwata li jintużaw fl-ajru ta' inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiku, u dwar l-approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet u persunal involut f'dan ix-xogħol (ĠU L 315, 28.11.2003, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).


ANNESS

L-Anness I (il-Parti 21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-werrej (Kontenut) tiżdied l-entrata li ġejja:

“Appendiċi XII — Kategoriji ta' testijiet tat-titjira u l-kwalifiki tal-ekwipaġġ assoċjat tat-titjir bi prova”;

(2)

Fil-punt 21.A.143(a), jiżdied il-punt 13 li ġej:

“13.

manwal tat-titjir bi prova li jiddefinixxi l-politiki u l-proċeduri tal-operazzjonijiet tal-organizzazzjoni b'rabta mat-testijiet tat-titjira, fil-każ li se jitwettqu testijiet tat-titjir. Il-manwal tal-operazzjonijiet tat-titjir bi prova għandu jinkludi:

(i)

deskrizzjoni tal-proċessi tal-organizzazzjoni għat-testijiet tat-titjira, inklużi l-involviment tal-organizzazzjoni tat-testijiet tat-titjira fil-permess għall-proċess tal-ħruġ tat-titjiriet;

(ii)

politika dwar l-ingaġġ tal-ekwipaġġ, inklużi l-kompożizzjoni, il-kompetenza, il-limitazzjonijiet ta' validità u ta' ħinijiet ta' titjir, skont l-Appendiċi XII ta' dan l-Anness I (il-Parti 21), fejn applikabbli;

(iii)

proċeduri gћall-ġarr ta' persuni minbarra l-membri tal-ekwipaġġ u għat-taħriġ tat-testijiet tat-titjira, meta applikabbli;

(iv)

politika ta' ġestjoni tar-riskju u tas-sikurezza u metodoloġiji assoċjati;

(v)

proċeduri biex jiġu identifikati l-istrumenti u t-tagħmir li għandu jinġarr;

(vi)

lista ta' dokumenti li jridu jiġu ppreżentati għal testijiet tat-titjira.”;

(3)

Fil-punt 21.A.243, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

l-organizzazzjoni tad-disinn għandha tipprovdi manwal lill-Aġenzija li jiddeskrivi, direttament jew billi ssir referenza għalihom, l-organizzazzjoni, il-proċeduri rilevanti u l-prodotti jew it-tibdiliet fil-prodotti li se jiġu ddisinjati. Fil-każ li se jitwettqu operazzjonijiet tat-testijiet tat-titjiria, manwal tat-titjir bi prova li jiddefinixxu l-politiki u l-proċeduri tal-organizzazzjoni f'relazzjoni ma' test tat-titjira għandha tkun fornuta. Il-manwal tal-operazzjonijiet tat-titjir bi prova għandu jinkludi:

(i)

deskrizzjoni tal-proċessi tal-organizzazzjoni għat-testijiet tat-titjira, inklużi l-involviment tal-organizzazzjoni tat-testijiet tat-titjira fil-permess għall-proċess tal-ħruġ tat-titjiriet;

(ii)

politika dwar l-ingaġġ tal-ekwipaġġ, inklużi l-kompożizzjoni, il-kompetenza, il-limitazzjonijiet ta' validità u ta' ħinijiet ta' titjir, skont l-Appendiċi XII ta' dan l-Anness I (il-Parti 21), fejn applikabbli;

(iii)

proċeduri gћall-ġarr ta' persuni minbarra l-membri tal-ekwipaġġ u għat-taħriġ tat-testijiet tat-titjira, meta applikabbli;

(iv)

politika ta' ġestjoni tar-riskju u tas-sikurezza u metodoloġiji assoċjati;

(v)

proċeduri biex jiġu identifikati l-istrumenti u t-tagħmir li għandu jinġarr;

(vi)

lista ta' dokumenti li jridu jiġu ppreżentati għal testijiet tat-titjira.”;

(4)

Fil-punt 21.A. 708 (b), il-punt 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.

kwalunkwe kundizzjoni jew restrizzjoni imposta fuq l-ekwipaġġ tat-titjira biex itajjar l-inġenju tal-ajru, barra dawk definiti fl-Appendiċi XII ta' dan l-Anness I (il-Parti 21).”;

(5)

L-Appendiċi II jinbidel b'dan li ġej:

Appendiċi II

Ċertifikat ta' Reviżjoni tal-Airworthiness — Formola 15a tal-EASA

Image

Test ta 'immaġni

(6)

L-Appendiċi XII li ġej huwa miżjud:

“Appendiċi XII

Kategoriji ta' testijiet tat-titjira u l-kwalifiki tal-ekwipaġġ assoċjat tat-titjir bi prova

A.   Ġenerali

Dan l-Appendiċi jistabbilixxi l-kwalifiki meħtieġa għall-ekwipaġġ tat-titjira involut fit-twettiq ta' testijiet tat-titjira għal inġenji tal-ajru ċċertifikati jew li se jkunu ċċertifikati skont CS-23 għal inġenji tal-ajru b'massa ta' tluq massima (MTOM) ta' jew ogħla minn 2 000 kg, CS-25, CS-27, CS-29 jew kodiċijiet ekwivalenti tal-airworthiness.

B.   Definizzjonijiet

1.

‘Inġinier tat-titjir bi prova’ tfisser kwalunkwe inġinier involut f'operazzjonijiet tat-titjir bi prova fuq l-art jew fl-ajru.

2.

‘Inġinier responsabbli għat-titjir bi prova’ tfisser inġinier tat-titjir bi prova assenjat għal kompiti f'inġenju tal-ajru għall-fini tat-twettiq tat-testijiet tat-titjira jew tal-assistenza għall-bdot fl-operat tal-inġenju tal-ajru u tas-sistemi tagħha matul l-attivitajiet tat-test tat-titjira.

3.

‘testijiet tat-titjira’ tfisser:

3.1.

titijiriet għall-fażi tal-iżvilupp ta' disinn ġdid (inġenju tal-ajru, sistemi tal-propulsjoni, parts u apparat);

3.2.

titjiriet biex juru l-konformità mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni jew il-konformità fid-disinn tat-tip;

3.3.

titjiriet maħsuba bħala esperimenti ta' kunċetti ġodda tad-disinn, li jeħtieġu manuvri jew profili mhux konvenzjonali li permezz tagħhom jista' jkun possibbli li wieħed joħroġ mill-istruttura diġà approvata tal-inġenju tal-ajru;

3.4.

titjiriet ta' taħriġ tat-titjir bi prova.

C.   Kategoriji ta' testijiet tat-titjira

1.   Ġenerali

Id-deskrizzjonijiet ta' hawn taħt jindirizzaw titjiriet imwettqa permezz ta' organizzazzjonijiet tad-disinn u l-produzzjoni skont l-Anness I (il-Parti 21).

2.   Kamp ta' applikazzjoni

Jekk ikun hemm aktar minn ajruplan wieħed involut f'test, kull inġenju tal-ajru individwali tat-titjira għandu jiġi vvalutat skont dan l-Appendiċi biex jiġi ddeterminat jekk huwiex test tat-titjira u, meta xieraq, il-kategorija tiegħu.

It-titjiriet imsemmija f'punt (B)(3) huma l-uniċi titjiriet li jappartjenu għall-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-Appendiċi.

3.   Kategoriji ta' testijiet tat-titjira

Testijiet tat-titjira jinkludu l-erba' kategoriji li ġejjin:

3.1.

Kategorija Wieħed (1)

(a)

titjir(a/iet) inizjali ta' tip ġdid ta' inġenju tal-ajru jew ta' inġenju tal-ajru li t-titjir tiegħu jew l-karatteristiċi tal-immaniġġjar tiegħu setgħu ġew mibdula b'mod sinifikanti;

(b)

titjiriet li matulhom jista' jkun previst li potenzjalment jiltaqgħu ma' karatteristiċi tat-titjira li huma differenti b'mod sinifikanti minn dawk diġà magħrufa;

(c)

titjiriet biex jiġu investigati karatteristiċi jew tekniki ġodda jew mhux tas-soltu tad-disinn tal-inġenji tal-ajru;

(d)

titjiriet li jistabbilixxu jew jespandu l-‘flight envelope’;

(e)

titjiriet biex jiġu ddeterminati l-prestazzjoni regolatorja, il-karatteristiċi u l-kwalitajiet tal-immaniġġjar tat-titjir meta l-limiti tal-‘flight envelope’ jiġu avviċinati;

(f)

taħriġ tat-titjir bi prova għal testijiet tat-titjira tal-Kategorija 1.

3.2.

Kategorija Tnejn (2)

(a)

titjiriet mhux klassifikati tal-Kategorija 1 fuq inġenju tal-ajru li t-tip tiegħu jkun għadu ma ġiex iċċertifikat;

(b)

titjiriet mhux klassifikati tal-Kategorija 1 fuq inġenju tal-ajru ta' tip diġà ċċertifikat, wara l-inkorporazzjoni ta' modifika li għadha mhix approvata u li:

(i)

jeħtieġu evalwazzjoni tal-imġiba ġenerali tal-inġenju tal-ajru; jew

(ii)

jeħtieġu evalwazzjoni tal-proċeduri bażiċi tal-ekwipaġġ, meta topera jew hija meħtieġa sistema ġdida jew modifikata; jew

(iii)

huma meħtieġa li jittajru intenzjonalment barra mil-limiti tal-‘envelope’ operazzjonali approvat bħalissa, iżda fil-limiti tal-‘flight envelope’ investigat.

(c)

taħriġ tat-titjir bi prova għal testijiet tat-titjira tal-Kategorija 2.

3.3.

Kategorija Tlieta (3)

Titjiriet imwettqa għall-ħruġ ta' dikjarazzjoni ta' konformità għal inġenji tal-ajru ġodda li ma jirrikjedux titjir barra mil-limitazzjonijiet taċ-ċertifkat tat-tip jew tal-manwal tat-titjir tal-inġenju tal-ajru.

3.4.

Kategorija Erbgħa (4)

Titjiriet mhux klassifikati bħala tal-Kategorija 1 jew 2 fuq inġenju tal-ajru ta' tip diġà ċċertifikat, f'każ ta' inkorporazzjoni ta' bidla fid-disinn li għada ma ġietx approvata.

D.   Kompetenza u esperjenza ta' bdoti u inġiniera responsabbli għat-testijiet tat-titjira

1.   Ġenerali

Il-bdoti u l-inġiniera responsabbli għat-testijiet tat-titjira għandu jkollhom il-kompetenzi u l-esperjenza speċifikati fit-tabella li ġejja.

 

Kategoriji tat-testijiet tat-titjira

Inġenji tal-ajru

1

2

3

4

CS-23 ajruplan tal-ivvjaġġar jew inġenji tal-ajru b'veloċità pprogrammata ta' nżul bis-salt (Md) ogħla minn 0,6 jew tal-għoli massimu ta' aktar minn 7 260  m (25 000 pied), CS-25, CS-27, CS-29 jew kodiċijiet ekwivalenti tal-airworthiness

Kompetenza tal-livell 1:

Kompetenza tal-livell 2:

Kompetenza tal-livell 3:

Kompetenza tal-livell 4:

CS-23 oħra b'MTOM ta' 2 000  kg jew aktar

Kompetenza tal-livell 2:

Kompetenza tal-livell 2:

Kompetenza tal-livell 3:

Kompetenza tal-livell 4:

1.1.   Kompetenza tal-livell 1

1.1.1.

Il-bdoti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament tal-Kummissjjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta' Novembru 2011 (1).

1.1.2.

L-inġinier responsabbli għat-titjir bi prova għandu:

(a)

ikun wettaq b'mod sodisfaċenti kors ta' taħriġ fil-Kompetenza tal-livell 1; u

(b)

ikollu mill-inqas 100 siegħa ta' esperjenza fit-titjir, inkluż taħriġ fit-titjir bi prova.

1.2.   Kompetenza tal-livell 2

1.2.1.

Il-bdoti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011.

1.2.2.

L-inġinier responsabbli għat-titjir bi prova għandu:

(a)

ikun wettaq b'mod sodisfaċenti kors ta' taħriġ fil-kompetenza tal-livell 1 jew tal-livell 2; u

(b)

ikollu mill-inqas 50 siegħa ta' esperjenza fit-titjir, inkluż taħriġ fit-titjir bi prova.

Il-korsijiet ta' taħriġ fil-kompetenza tal-livell 1 jew tal-livell 2 għall-Inġinier responsabbli għat-titjir bi prova għandhom ikopru mill-inqas is-suġġetti li ġejjin:

(i)

il-prestazzjoni;

(ii)

l-istabilità u kwalitajiet ta' kontroll/tal-immaniġġjar;

(iii)

is-sistemi;

(iv)

il-ġestjoni tat-test; u

(v)

il-ġestjoni tar-riskju/tas-sikurezza.

1.3.   Kompetenza tal-livell 3

1.3.1.

Il-bdot(i) għandu(hom) ikun(u) id-detentur(i) ta' liċenzja valida adattata għall-kategorija tal-inġenju tal-ajru li qed jiġi ttestjat, maħruġa skont il-Parti-FCL u ta' Liċenzja ta' Bdot Kummerċjali (CPL) bħala minimu. Barra minn hekk, il-bdot fil-kmand għandu:

(a)

ikollu klassifikazzjoni tat-titjir bi prova, jew;

(b)

ikollu mill-inqas 1 000 siegħa ta' esperjenza fit-titjir bħala bdot fil-kmand fuq inġenji tal-ajru li għandhom kumplessità u karatteristiċi simili, u

(c)

ikun ipparteċipa, għal kull klassi jew tip ta' inġenju tal-ajru, fit-titjiriet kollha li huma parti mill-programm li jwasslu għall-ħruġ taċ-ċertifikat tal-airworthiness individwali ta' mill-inqas ħames inġenji tal-ajru;

1.3.2.

L-inġinier responsabbli għat-titjir bi prova għandu:

(a)

jissodisfa l-Kompetenza tal-livell 1 jew tal-livell 2, jew;

(b)

ikun kiseb ammont sinifikanti ta' esperjenza fit-titjir rilevanti għall-kompitu; u

(c)

ikun ipparteċipa fit-titjiriet kollha li huma parti mill-programm li jwasslu għall-ħruġ taċ-ċertifikat tal-airworthiness individwali ta' mill-inqas ħames inġenji tal-ajru.

1.4.   Kompetenza tal-livell 4

1.4.1.

Il-bdot(i) għandu jkun id-detentur(i) ta' liċenzja valida adattata għall-kategorija tal-inġenju tal-ajru li qed jiġi ttestjat, maħruġa skont il-Parti-FCL u ta' CPL bħala minimu. Il-bdot fil-kmand għandu jkollu klassifikazzjoni ta' ttestjar tat-titjira jew ikollu mill-inqas 1 000 siegħa bħala bdot fil-kmand fuq inġenji tal-ajru li għandhom kumplessità u karatteristiċi simili.

1.4.2.

Il-kompetenza u l-esperjenza tal-inġiniera responsabbli għat-titjir bi prova huma ddefiniti fil-manwal tal-operazzjonijiet tat-titjir bi prova.

2.   Inġiniera responsabbli għat-titjir bi prova

L-inġiniera responsabbli għat-titjir bi prova għandhom jirċievu awtorizzazzjoni mill-organizzazzjoni li timpjegahom li tagħti fid-dettall l-ambitu tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan l-organizzazzjoni. L-awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem;

(b)

id-data tat-twelid;

(c)

l-esperjenza u t-taħriġ;

(d)

il-kariga fl-organizzazzjoni;

(e)

l-ambitu tal-awtorizzazzjoni;

(f)

id-data tal-ewwel ħruġ tal-awtorizzazzjoni;

(g)

id-data ta' skadenza tal-awtorizzazzjoni, jekk ikun xieraq; u

(h)

in-numru ta' identifikazzjoni tal-awtorizzazzjoni.

L-inġiniera responsabbli għat-titjir bi prova għandhom jinħatru għal titjira speċifika biss jekk ikunu fiżikament u mentalment b'saħħithom biex jaqdu l-kompiti u r-responsabbiltajiet assenjati lilhom b'mod sikur.

L-organizzazzjoni għandha tagħmel disponibbli għad-detenturi, ir-rekords rilevanti kollha relatati mal-awtorizzazzjonijiet tagħhom.

E.   Kompetenza u esperjenza tal-inġiniera l-oħra tat-titjir bi prova.

L-inġiniera l-oħra tat-titjir bi prova abbord l-inġenju tal-ajru għandu jkollhom ammont ta' esperjenza u taħriġ proporzjonata mal-kompiti assenjati lilhom bħala membri tal-ekwipaġġ, u skont il-manwal tal-operazzjonijiet tat-titjir bi prova, meta applikabbli.

L-organizzazzjoni għandha tagħmel disponibbli għall-inġiniera kkonċernati tat-titjir bi prova, ir-rekords rilevanti kollha relatati mal-attivitajiet tat-titjiriet tagħhom.”


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).


Top