Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0782

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/782 tad-19 ta' Mejju 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u biex jinġabar definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, billi jżid kumpanija mal-lista ta' produtturi mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina elenkati fl-Anness I

    C/2015/3229

    ĠU L 124, 20.5.2015, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/11/2017

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/782/oj

    20.5.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 124/9


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/782

    tad-19 ta' Mejju 2015

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u biex jinġabar definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, billi jżid kumpanija mal-lista ta' produtturi mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina elenkati fl-Anness I

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra importi li jifqgħu s-suq minn pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1),

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 tat-12 ta' Settembru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (2), u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA PREĊEDENTI

    (1)

    Il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni fuq-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) bir- Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 f'konformità mal-Artikolu 9 tar- Regolament (KE) Nru 1225/2009.

    (2)

    L-investigazzjoni oriġinali kienet limitata għal kampjun ta' produtturi esportaturi Ċiniżi f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

    (3)

    Il-Kunsill impona fuq il-kumpaniji fil-kampjun rati individwali ta' dazju fuq l-importazzjonijiet ta' madum taċ-ċeramika li jvarjaw minn 26,3 % sa 36,5 %. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta' dazju ta' 30,6 %. Lista ta' produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tinsab fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011. Il-Kunsill impona wkoll rata ta' dazju ta' 69,7 % fuq l-importazzjoni ta'madum taċ-ċeramika minn kumpaniji Ċiniżi li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

    (4)

    Il-lista ta' produtturi esportaturi li kkooperaw li jinsabu fl-Anness I tar- Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 kien emendat mir- Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 567/2012 (3).

    (5)

    L-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 jiddikjara li fejn xi produttur ta' oġġetti taċ-ċeramika fir-RPĊ jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

    (1)

    ma jkunx esporta lejn l-Unjoni madum taċ-ċeramika li joriġina fir-RPĊ matul il-perjodu ta' investigazzjoni mill-1 ta' April 2009 sal- 31 ta' Marzu 2010;

    (2)

    mhux relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi li huma soġġetti għall-miżuri antidumping imposti minn dak ir-Regolament; kif ukoll

    (3)

    huwa jew effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jew daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni, jiġifieri wara il-31 ta' Marzu 2010;

    għalhekk l-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament jista' jiġi emendat billi l-produttur esportatur il-ġdid jingħata r-rata tad-dazju applikabbli, għall-kumpaniji li jikkoperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri għar-rata ta' dazju ponderata ta' 30,6 %.

    B.   TALBIET GĦAL TRATTAMENT TA' PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

    (6)

    Produttur esportatur mir-RPĊ (“l-applikant”) saħaq li huwa jissodisfa t-tliet kriterji stabbiliti hawn fuq fil-premessa (4) u li għalhekk għandhu jingħata l-istess rata ta' dazju bħal dik applikabbli għall-kumpaniji li jikkooperaw u mhux inklużi fil-kampjun. Sabiex jissostanzja t-talba tiegħu pprovda tweġiba għall-kwestjonarju u evidenza ta' sostenn.

    (7)

    Il-Kummissjoni Ewropea eżaminat il-provi u kkonkludiet li l-applikant jissodisfa t-tliet kriterji msemmija iktar 'il fuq u li għalhekk jista' jiġi kkunsidrat bħala produttur esportatur ġdid.

    (8)

    Għalhekk, l-applikant għandu jiġi miżjud mal-kumpaniji elenkati fl-Anness I tar- Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011, u, bħala konsegwenza, jiġu attribit rata ta' dazju ta' 30,6 %.

    (9)

    L-applikant u l-Industrija tal-Unjoni kienu mgħarrfa bis-sejbiet ta' din l-investigazzjoni u ngħataw l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom. Ma waslu l-ebda kummenti.

    (10)

    Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-kumpanija segwenti tiżdied mal-lista ta' produtturi esportaturi mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011.

    Isem

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    “Everstone Industry (Qingdao) Co., Ltd.

    B998 ”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Mejju 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 238, 15.9.2011, p. 1

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 567/2012 tas- 26 ta' Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u biex jinġabar definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, billi jżid kumpanija mal-lista ta' produtturi mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina elenkati fl-Anness I (ĠU L 169, 29.6.2012, p. 11).


    Top