Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0649

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/649 tal-24 ta' April 2015 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 rigward l-użu tal-L-lewċina bħala portatriċi għall-pilloli dolċifikanti għal fuq il-mejda (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2015/2599

    ĠU L 107, 25.4.2015, p. 17–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/649/oj

    25.4.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 107/17


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/649

    tal-24 ta' April 2015

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 rigward l-użu tal-L-lewċina bħala portatriċi għall-pilloli dolċifikanti għal fuq il-mejda

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 10(3), 14 u 30(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista ta' addittivi tal-ikel tal-Unjoni approvati għall-użu fl-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

    (3)

    Dawk il-listi jistgħu jiġu aġġornati skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, jew b'inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li titressaq applikazzjoni.

    (4)

    Fid-9 ta' Settembru 2010 tressqet applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-użu tal-L-lewċina bħala portatriċi (raffurzant tal-pilloli) għall-pilloli dolċifikanti għal fuq il-mejda mill-Ġermanja fejn l-użu ta' din is-sustanza huwa awtorizzat. Din l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

    (5)

    Hemm funzjoni u ħtieġa teknoloġika għall-użu tal-L-lewċina fil-pilloli dolċifikanti għal fuq il-mejda. Il-L-lewċina titħallat b'mod omoġenju mad-dolċifikanti qabel mal-pilloli jiġu ppressati mit-taħlita u tgħin biex jiġu ffurmati l-pilloli billi tiżgura li l-pilloli ma jibqgħux imwaħħlin mal-għodda li tippressa.

    (6)

    L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) evalwat is-sikurezza tal-amino aċidi u sustanza relatati meta użati bħala addittivi mal-ikel u esprimiet l-opinjoni tagħha fid-29 ta' Novembru 2007 (4). L-Awtorità kkonkludiet li l-espożizzjoni tal-bniedem għall-amino aċidi permezz tal-ikel hija ogħla bħala kwantità mil-livelli antiċipati ta' espożizzjoni mill-użu tagħhom bħala sustanzi aromatizzanti u li disgħa mis-sustanzi, inkluża l-L-lewċina, ma kinux ta' tħassib għas-sikurezza fil-livelli evalwati ta' konsum bħala sustanzi aromatizzanti.

    (7)

    Fl-applikazzjoni ntwera li anki konsum għoli ta' pilloli dolċifikanti ma jaqbiżx l-4 % tal-kwantità ta' konsum rrakkomandata għal-L-lewċina.

    (8)

    Għaldaqstant, huwa xieraq li l-użu tal-L-lewċina jiġi awtorizzat bħala portatriċi għall-pilloli dolċifikanti għal fuq il-mejda kif speċifikat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament u li E 641 ikun assenjat bħala n-numru-E għal dak l-addittiv tal-ikel.

    (9)

    L-ispeċifikazzjonijiet għal-L-lewċina għandhom jiġu inklużi fir-Regolament (UE) Nru 231/2012 meta tiġi inkluża għall-ewwel darba fl-elenki tal-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. F'dan ir-rigward huwa xieraq li jitqiesu l-kriterji ta' purità tal-Farmakopea Ewropea għal-L-lewċina.

    (10)

    Għaldaqstant, ir-Regolamenti (KE) Nru 1333/2008 u (UE) Nru 231/2012 għandhom jiġu emendati skont dan.

    (11)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta' April 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

    (2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

    (4)  EFSA Journal (2008) 870, 1-46.


    ANNESS I

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fil-Parti B, fit-Taqsima 3 “L-addittivi għajr kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa” l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 640:

    “E 641

    L-lewċina”

    (2)

    Fil-Parti E, fil-kategorija tal-ikel 11.4.3 “sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għal fuq il-mejda”, tiddaħħal l-entrata l-ġdida li ġejja wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 640:

     

    “E 641

    L-lewċina

    50 000 ”

     

     


    ANNESS II

    Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata għal E 640:

    E 641 L-LEWĊINA

    Sinonimi

    Aċidu 2-amminoiżobutilaċetiku; Aċidu L-2-ammino-4-metililvaleriku; Aċidu alfa-amminoiżokaprojku; Aċidu (S)-2-Ammino-4-metilpentanojku; L-Leu

    Definizzjoni

    Einecs

    200-522-0

    Numru CAS

    61-90-5

    Isem kimiku

    L-Lewċina; Aċidu L-2-ammino-4-metilpentanojku

    Formula kimika

    C6H13NO2

    Piż Molekolari:

    131,17

    Test

    Kontenut mhux inqas minn 98,5 % u mhux iktar minn 101,0 % fuq il-bażi anidruża

    Deskrizzjoni

    Trab kristallin abjad jew kważi abjad jew laqx li jleqq

    Identifikazzjoni

    Solubbiltà

    Solubbli fl-ilma, fl-aċidu aċetiku, fl-HCl dilwit u fl-idrossidi u l-karbonati alkalini; kemxejn solubbli fl-etanol

    Rotazzjoni speċifika

    [α]D 20 bejn + 14,5° u + 16,5°

    (Soluzzjoni 4 % (bażi anidruża) f' 6N HCl)

    Purità

    Telf fit-tnixxif

    Mhux aktar minn 0,5 % (100 °C – 105 °C)

    Irmied issulfat

    Mhux aktar minn 0,1 %

    Kloruri

    Mhux aktar minn 200 mg/kg

    Sulfati

    Mhux aktar minn 300 mg/kg

    Ammonju

    Mhux aktar minn 200 mg/kg

    Ħadid

    Mhux aktar minn 10 mg/kg

    Arseniku

    Mhux aktar minn 3 mg/kg

    Ċomb

    Mhux aktar minn 5 mg/kg

    Merkurju

    Mhux aktar minn 1 mg/kg”


    Top