EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0576

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/576 tal- 10 ta' April 2015 li jemenda għall-229 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-netwerk ta' Al-Qaida

ĠU L 96, 11.4.2015, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/576/oj

11.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 96/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/576

tal-10 ta' April 2015

li jemenda għall-229 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-netwerk ta' Al-Qaida

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-network ta' Al-Qaida (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(1)(a), 7a(1) u 7a(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jelenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet koperti mis-sekwestrar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi skont dak ir-Regolament.

(2)

Fil-31 ta' Marzu 2015, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) iddeċieda li jneħħi persuna fiżika mil-lista tiegħu ta' persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi. Fis-7 ta' April 2015 il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jżid persuna fiżika mal-elenku tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi.

(3)

Għaldaqstant, l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 għandu jiġi aġġornat biex jirrifletti dan.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, huwa għandu jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, huwa emendat kif ġej:

(1)

L-annotazzjoni li ġejja għandha tiżdied taħt l-intestatura “Persuni naturali”:

“Maulana Fazlullah (magħruf ukoll bħala: (a) Mullah Fazlullah, (b) Fazal Hayat, (c) Mullah Radio). Data tat-twelid: 1974. Post tat-twelid: ir-raħal ta' Kuza Bandai, Swat Valley, il-provinċja ta' Khyber Pakhtunkhawa, il-Pakistan. Indirizz: Ir-reġjun tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. Informazzjoni oħra: Kmandant ta' Tehrik-e Taliban Pakistan (TTP) mis- 7.11.2013. Data ta' deżinjazzjoni mniżżla fl-Artikolu 2a(4)(b): 7.4.2015.”

(2)

L-entrata li ġejja taħt l-intestatura “Persuni naturali” titħassar:

“Abd Al-Rahman Muhammad Jaffar Ali (magħruf ukoll bħala (a) Abd al-Rahman Muhammad Jaffir; (b) Abd al-Rahman Muhammad Jafir Ali; (c) Abd al-Rahman Jaffir Ali; (d) Abdul Rahman Mohamed Jaffer Ali; (e) Abdulrahman Mohammad Jaffar; (f) Ali Al-Khal; (g) Abu Muhammad Al-Khal). Data tat-twelid: 15.1.1968 Post tat-twelid: Muharraq, il-Bahrain. Nazzjonalità: Bahrainija. Informazzjoni oħra: (a) Finanzjatur ibbażat il-Bahrain u faċilitatur għall-Al-Qaida. (b) F'Jannar 2008, instab ħati mill-Qorti Suprema Kriminali tal-Bahrain li ffinanzja t-terroriżmu, li segwa taħriġ terroristiku, li ffaċilita l-ivjaġġar ta' oħrajn biex isegwu taħriġ terroristiku f'pajjiżi oħra, u li kien membru f'organizzazzjoni terroristika. Meħlus wara l-verdett tal-Qorti u wara li skonta s-sentenza. (c) Jinsab fil-Bahrain (Mejju 2008).”


Top