EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0498

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/498 tal- 24 ta' Marzu 2015 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċedura tal-approvazzjoni superviżorja biex jintużaw parametri speċifiċi għall-impriża konformi mad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 79, 25.3.2015, p. 8–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/498/oj

25.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/498

tal-24 ta' Marzu 2015

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċedura tal-approvazzjoni superviżorja biex jintużaw parametri speċifiċi għall-impriża konformi mad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 111(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-applikazzjonijiet biex jintużaw il-parametri speċifiċi għall-impriża minn impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni għandhom jitħejjew fuq bażi prudenti u realistiku, u għandhom jinkludu l-fatti rilevanti kollha meħtieġa għal valutazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji. Dan għandu jinkludi valutazzjoni ta' kif il-kriterji għall-kompletezza, il-preċiżjoni u l-adattezza tad-dejta użata se jkunu ssodisfati.

(2)

L-informazzjoni li trid tiġi inkluża minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fl-applikazzjoni tagħha għandha tkun speċifikata sabiex tiġi żgurata bażi konsistenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji.

(3)

L-applikazzjoni biex jintużaw parametri speċifiċi għall-impriża hija deċiżjoni strateġika għall-iskopijiet ta' ġestjoni tar-riskju u ta' ppjanar tal-kapital. Ibbażat fuq ir-responsabbiltà aħħarija ta' korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju għall-konformità kif stabbilit fl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2009/138/KE, l-involviment tagħha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa.

(4)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli għall-awtoritajiet superviżorji sabiex ikunu f'pożizzjoni jadottaw proċeduri adegwati. Regoli dettaljati dwar il-valutazzjoni u l-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu stabbiliti. Dawn għandhom ikunu adattati proporzjonalment għall-kumplessità tal-applikazzjonijiet biex jimmaniġġjaw il-proċess ta' approvazzjoni. Il-proċess ta' approvazzjoni jista' jieħu inqas minn sitt xhur meta jkun proporzjonat mal-kumplessità.

(5)

Id-deċiżjoni għall-applikazzjoni tal-użu ta' parametri speċifiċi għall-impriża partikolari ma għandhiex tiġi ddettata biss billi jitnaqqas r-rekwiżit tal-kapital. Madankollu, l-użu għat-twettiq ta' parametri speċifiċi ma għandux jipprevjeni impriża milli tmur lura għall-parametri standardizzati, jekk l-parametri speċifiċi għall-impriża ma jkunux għadhom jirriflettu l-profil tar-riskju tagħha, f'liema każ l-impriża għandha tinforma lill-awtorità superviżorja bir-raġunijiet għaliex dawn il-parametri ma għadhomx aktar xierqa.

(6)

Il-proċeduri ta' approvazzjoni jipprevedu komunikazzjoni kontinwa bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Dan jinkludi komunikazzjoni qabel ma titressaq applikazzjoni formali lill-awtoritajiet superviżorji u, wara li l-applikazzjoni tkun ġiet approvata, permezz ta' proċess ta' rieżami superviżorju. Tali komunikazzjoni kontinwa hija meħtieġa biex tiżgura li l-valutazzjonijiet superviżorji jkunu bbażati fuq informazzjoni rilevanti u aġġornata.

(7)

Bħala parti mill-proċess ta' approvazzjoni, jeħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jivvalutaw, inter alia, id-dejta użata biex jiġu kkalkolati l-parametri speċifiċi għall-impriża u li jivverifikaw jekk id-dejta użata tikkonformax ma' dawn il-kriterji tal-kwalità tad-dejta stipulati fl-Artikolu 219 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (2). Biex tissodisfa r-rekwiżit għall-kompletezza tad-dejta skont l-Artikolu 219 ta' dak ir-Regolament, l-impriża għandha tuża l-valuri tal-parametri speċifiċi għall-impriża miksuba permezz ta' metodu approvat bid-dejta rilevanti l-aktar reċenti.

(8)

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistgħu jissostitwixxu biss subsett tal-parametri standardizzati fil-moduli tar-riskju tas-sottoskrizzjoni b'parametri speċifiċi għall-impriża. Dan ifisser li xi wħud mill-inputs użati biex jiġu kkalkolati dawn il-parametri ser ikunu simili jew identiċi għall-inputs użati għall-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi.

(9)

Minħabba interdipendenzi bejn id-diversi applikazzjonijiet għall-approvazzjoni skont id-Direttiva 2009/138/KE, meta tapplika għall-approvazzjoni għall-użu ta' parametri speċifiċi l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkollha tinforma lill-awtorità superviżorja bl-applikazzjonijiet l-oħra li jikkonċernaw l-elementi fl-Artikolu 308a(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, li attwalment jinsabu għaddejja jew previsti fis-sitt xhur li ġejjin. Rekwiżit bħal dan huwa neċessarju biex jiġi żgurat li l-valutazzjonijiet superviżorji jkunu bbażati fuq informazzjoni trasparenti u imparzjali.

(10)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni.

(11)

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1094/2010 (3).

(12)

Sabiex titjieb iċ-ċertezza legali dwar ir-reġim superviżorju matul il-perjodu ta' introduzzjoni gradwali previst fl-Artikolu 308a tad-Direttiva 2009/138/KE, li se jibda fl-1 ta' April 2015, huwa importanti li jiġi żgurat li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun, fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-użu ta' parametri speċifiċi għall-impriża

1.   L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tressaq applikazzjoni bil-miktub għall-approvazzjoni tal-użu ta' parametri speċifiċi għall-impriża biex tissostitwixxi subsett tal-parametri tal-formula standardizzata lill-awtorità superviżorja.

2.   L-applikazzjoni tiġi ppreżentata f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha, jew f'lingwa li ntlaħaq ftehim dwarha mal-awtorità superviżorja.

3.   L-applikazzjoni mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun tinkludi dan li ġej:

(a)

l-evidenza dokumentata tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għall-proċess intern tat-teħid tad-deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjoni;

(b)

id-data ta' bidu speċifika minn meta l-użu ta' parametri li huma speċifiċi għal impriża hi mitluba;

(c)

is-subsett ta' parametri standard li huma mitluba li jiġu sostitwiti minn parametri speċifiċi għall-impriża

(d)

għal kull segment il-metodu standardizzat użat u l-valur tal-parametru speċifiku għal impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni miksub bl-użu ta' dan il-metodu;

(e)

il-kalkolu tal-parametru speċifiku għal impriża li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tapplika biex tuża u informazzjoni li l-kalkolu huwa adegwat;

(f)

l-evidenza li d-dejta użata biex jiġu kkalkolati l-parametri speċifiċi għall-impriża hija kompluta, preċiża u xierqa u li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 219 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35;

(g)

ġustifikazzjoni li kull metodu standardizzat għall-kalkolu tal-parametri speċifiċi għall-impriża għal segment wieħed jipprovdi l-iktar riżultat preċiż biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 101 tad-Direttiva 2009/138/KE.

4.   Minbarra l-materjal speċifikat fil-paragrafu 3, l-applikazzjoni għandha wkoll telenka l-applikazzjonijiet l-oħra kollha mressqa mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew attwalment previsti fis-sitt xhur li ġejjin, għall-approvazzjoni ta' xi wieħed mill-elementi elenkati fl-Artikolu 308a(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, flimkien mad-dati tal-applikazzjoni korrispondenti.

Artikolu 2

Il-preċiżjoni tar-riżultati

Meta tkun qed tintwera l-eżattezza tar-riżultati, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jivvalutaw jekk il-metodu standardizzat huwiex xieraq għad-dejta tal-impriża, jekk l-assunzjonijiet tagħhom humiex issodisfati u jekk id-dejta hijiex rilevanti għall-profil tar-riskju tal-impriża.

Artikolu 3

Il-valutazzjoni tal-awtorità superviżorja tal-għażla tal-parametri u l-metodu għall-kalkolu tal-parametri

1.   L-awtorità superviżorja tivvaluta l-għażla li tagħmel l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni rigward:

(a)

il-parametri li għandhom jiġu sostitwiti billi tikkunsidra jekk l-użu ta' parametri speċifiċi għall-impriża jirriflettix aħjar il-profil tar-riskju tas-sottoskrizzjoni tal-impriża;

(b)

is-segmenti li għalihom ġew ikkalkulati l-parametri billi jitqies jekk l-użu ta' parametri speċifiċi għall-impriża jirriflettix aħjar il-profil tar-riskju tas-sottoskrizzjoni tal-impriża;

2.   L-awtoritajiet superviżorji jivvalutaw il-ġustifikazzjoni tal-impriża għall-għażla ta' metodu standardizzat għall-kalkolu tal-parametri speċifiċi għall-impriża. L-awtoritajiet superviżorji, meta jwettqu din il-valutazzjoni, jikkunsidraw jekk is-suppożizzjonijiet dwar metodi standardizzati humiex issodisfati u jekk id-dejta tkunx rilevanti għall-profil ta' riskju tal-impriża.

Artikolu 4

Il-valutazzjoni tal-applikazzjoni

1.   L-awtorità superviżorja tikkonferma li rċeviet l-applikazzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

2.   L-awtorità superviżorja tikkonferma jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta fi żmien 30 jum mid-data ta' meta tkun irċeviet l-applikazzjoni. Applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-użu ta' parametri speċifiċi għal impriża partikolari titqies bħala kompluta mill-awtorità superviżorja jekk tinkludi l-informazzjoni kollha u l-evidenza dokumentata stabbilit fil-paragrafu 3 u 4 tal-Artikolu 1. Meta l-awtorità superviżorja tiddetermina li l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, din tinforma immedjatament lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li l-perjodu ta' approvazzjoni ma jkunx beda u tispeċifika għaliex l-applikazzjoni ma tkunx ikkunsidrata bħala kompluta.

3.   Fejn l-awtorità superviżorja tkun ikkonfermat li l-applikazzjoni hija kompluta, dan ma għandux jipprevjeni lil dik l-awtorità superviżorja milli titlob informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex twettaq il-valutazzjoni tagħha. It-talba tkun tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u r-raġunijiet għat-talba.

4.   Il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tista' tinkludi talbiet għal aġġustamenti mill-awtoritajiet superviżorji dwar il-mod kif l-impriża tipproponi li tapplika l-parametru speċifiku għall-impriża. Meta l-awtorità superviżorja tiddetermina li jista' jkun possibbli li tapprova l-applikazzjoni ta' parametru speċifiku għall-impriża suġġett għat-twettiq ta' aġġustamenti, hija tinnotifika mingħajr dewmien, lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni bil-miktub, bl-aġġustamenti meħtieġa.

5.   Il-jiem bejn id-data li fiha l-awtorità superviżorja titlob tali informazzjoni jew aġġustamenti, u d-data li fiha l-awtorità superviżorja tirċievi tali informazzjoni ma għandhomx ikunu inklużi fil-perjodu ta' sitt xhur stabbilit fil-paragrafu 7.

6.   L-impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni tavża lill-awtorità superviżorja b'kull bidla fid-dettalji tal-applikazzjoni tagħha. Fejn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tinforma lill-awtorità superviżorja b'xi bidla għall-applikazzjoni tagħha din tiġi ttrattata bħala applikazzjoni ġdida sakemm:

(a)

il-bidla tkun dovuta għal talba mill-awtorità superviżorja għal informazzjoni addizzjonali jew aġġustamenti; jew

(b)

l-awtorità superviżorja tkun sodisfatta li l-bidla ma taffettwax b'mod sinifikanti l-valutazzjoni tagħha tal-applikazzjoni.

7.   L-awtorità superviżorja tiddeċiedu dwar l-applikazzjoni fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-applikazzjoni kompluta.

Artikolu 5

Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni

1.   Meta l-awtorità superviżorja tiddeċiedi li tirrifjuta l-applikazzjoni, hi tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha. L-awtorità superviżorja tapprova biss l-applikazzjoni jekk tkun sodisfatta bil-ġustifikazzjoni biex jiġi sostitwit subsett tal-parametri tal-formula standardizzata.

2.   Meta l-awtorità superviżorja tkun ħadet deċiżjoni dwar applikazzjoni, hija mingħajr dewmien, tikkomunika dan bil-miktub lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, bl-istess lingwa tal-applikazzjoni.

3.   L-awtorità superviżorja tista' tiddeċiedi li tapprova l-applikazzjoni fir-rigward ta' xi wħud iżda mhux is-segmenti jew il-parametri kollha inklużi fl-applikazzjoni.

Artikolu 6

Tħassir tal-approvazzjoni mill-awtorità superviżorja

L-awtorità superviżorja tista' tirrevoka l-approvazzjoni tagħha mogħtija lil impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni li tuża' l-metodu USP, meta

(a)

impriża li tkun ingħatat l-approvazzjoni biex jintużaw il-parametri speċifiċi għall-impriża tkun waqfet milli tkun konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 101 tad-Direttiva 2009/138/KE u l-Artikoli 218, 219 u 220 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35;

(b)

f'ċirkostanzi debitament ġustifikati, impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun tixtieq terġa' lura għall-parametri standard, billi tibgħat talba lill-awtorità superviżorja, fejn tispjega r-raġunijiet għall-inadegwatezza tal-USP u tipprovdi evidenza dokumentata għal dan.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(2)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).


Top