Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0445

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/445 tas- 17 ta' Marzu 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 74, 18.3.2015, p. 1–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/445/oj

    18.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 74/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/445

    tas-17 ta' Marzu 2015

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(6) u 8(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (2) jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili.

    (2)

    Xi Stati Membri sabu li ċerti rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 iqiegħdu piż amministrattiv jew ekonomiku sproporzjonat u inutli fuqhom infushom jew fuq il-partijiet interessati u nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jagħtu approvazzjoni għal xi derogi minn ċerti rekwiżiti skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

    (3)

    Dawk l-approvazzjonijiet proposti għad-derogi ġew analizzati mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u rriżultaw f'rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-konformità tal-approvazzjonijiet proposti mal-kundizzjonijiet applikabbli.

    (4)

    L-Istati Membri u l-partijiet involuti tal-avjazzjoni ġenerali identifikaw ukoll ċerti rekwiżiti li huma kkunsidrati bħala sproporzjonati fil-kuntest tal-attivitajiet involuti u r-riskji assoċjati.

    (5)

    Ġew identifikati wkoll għadd ta' żbalji editorjali fir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 li wasslu għal diffikultajiet ta' implimentazzjoni mhux intenzjonati.

    (6)

    Għalhekk, ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 għandhom jiġu emendati sabiex jiġu introdotti derogi li għandhom effett ta' tfassil ta' regoli ċari, li jintroduċu ċerti dispensi għall-avjazzjoni ġenerali u li jiġu korretti ċerti żbalji editorjali.

    (7)

    Barra minn hekk, fuq il-bażi tar- reazzjonijiet mill-Istati Membri u l-partijiet interessati instab li r-rekwiżiti tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 jistgħu ikunu sproporzjonati għall-attività u r-riskju assoċjat ta' organizzazzjonijiet ta' taħriġ li jipprovdu taħriġ biss għal-liċenzja ta' bdot ta' inġenji tal-ajru żgħar, għal-liċenzja ta' bdot privat, għal-liċenzja ta' bdot ta' blalen tal-ajru jew għal-liċenzja ta' bdot ta' gliders.

    (8)

    L-Istati Membri u l-partijiet interessati jaqblu li għalhekk hemm ħtieġa ġenerali li jitħalla jgħaddi aktar żmien biex jissawwar sett aktar xieraq ta' regoli għall-attivitajiet tal-avjazzjoni ġenerali li huma adatti aħjar għall-attivitajiet ta' dan is-settur tal-avjazzjoni mingħajr ma jitnaqqsu l-istandards tas-sikurezza.

    (9)

    Barra minn hekk, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien sabiex jissawru dawk ir-regoli, id-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 għall-organizzazzjonijiet ta' taħriġ li jipprovdu taħriġ biss għal liċenzji nazzjonali li huma eliġibbli għall-konverżjoni f'liċenzji Parti-FCL ta' bdoti ta' inġenji tal-ajru ħfief, liċenzji ta' bdot ta' blalen tal-ajru jew liċenzji ta' bdot ta' gliders għandha tiġi posposta għat-8 ta' April 2018.

    (10)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 għandu għalhekk jigi emendat skont dan.

    (11)

    Peress li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 290/2012 (3), li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011, fih dispożizzjoni awtonoma fid-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Annessi VI u VII tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, dan għandu wkoll jiġi emendat sabiex jiżgura ċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali.

    (12)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-Opinjoni tal-Kumitat tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 jinbidel b'li ġej:

    “1.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, u meta ma jkun hemm l-ebda ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz li jkopri l-liċenzjar tal-bdoti, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw liċenzji, klassifikazzjonijiet jew ċertifikati ta' pajjiżi terzi, u ċertifikati mediċi relatati maħruġa minn pajjiżi terzi jew f'isimhom, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Anness III ta' dan ir-Regolament.”

    (2)

    Fl-Artikolu 10a, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    “3.   L-organizzazzjonijiet ta' taħriġ konformi mal-JAR għandhom jitħallew jipprovdu taħriġ għal liċenzja Parti-FCL ta' bdot privat (PPL), għal klassifikazzjonijiet assoċjati inklużi fir-reġistrazzjoni u għal liċenzja ta' bdot ta' inġenji tal-ajru ħfief (LAPL) sat-8 ta' April 2018 mingħajr ma jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Anness VI u VII, sakemm ikunu ġew reġistrati qabel it-8 ta' April 2015.”

    (3)

    L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    “2.   B'deroga mill-paragrafu 1, sat-8 ta' April 2015 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Anness I li ġejjin:

    (a)

    id-dispożizzjonijiet relatati mal-liċenzji tal-bdoti ta' inġenji tal-ajru bil-powered-lift u vapuri tal-ajru;

    (b)

    id-dispożizzjonijiet tal-punt FCL.820;

    (c)

    fil-każ tal-ħelikopters, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 8 tas-Subparti J;

    (d)

    id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 11 tas-Subparti J.”

    (b)

    għandu jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

    “2a.   B'deroga mill-paragrafu 1, sat-8 ta' April 2018 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Anness I li ġejjin:

    (a)

    id-dispożizzjonijiet relatati mal-liċenzji tal-bdoti ta' gliders u blalen tal-ajru;

    (b)

    id-dispożizzjonijiet tas-Subparti B;

    (c)

    id-dispożizzjonijiet tal-punti FCL.800, FCL.805, FCL.815;

    (d)

    id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 10 tas-Subparti J.”

    (c)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   B'deroga mill-paragrafu 1, sat-8 ta' April 2016 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għall-bdoti li jkollhom liċenzja u ċertifikat mediku assoċjat maħruġa minn pajjiż terz li jkunu involuti fit-tħaddim ta' inġenji tal-ajru għat-trasport mhux kummerċjali kif speċifikati fl-Artikolu 4(1)(b) jew (c) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.”

    (5)

    L-Annessi I, II, III, VI u VII huma emendati skont l-Annessi għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 290/2012, fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2, il-punt (f) huwa mħassar.

    Artikolu 3

    1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-8 ta' April 2015.

    2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-emendi għad-dispożizzjonijiet f'FCL315.A, FCL.410.A, FCL.725.A tal-Anness I għandhom japplikaw mit-8 ta' April 2018.

    3.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Annessi VI u VII għal organizzazzjoni ta' taħriġ li tipprovdi taħriġ biss għal-liċenzja nazzjonali li hija eliġibbli skont l-Artikolu 4(3) tar Regolament (UE) Nru 1178/2011, għall-konverżjoni f'liċenzja Parti-FCL ta' bdot ta' inġenji tal-ajru ħfief (LAPL), liċenzja ta' bdot ta' gliders (SPL) u liċenzja ta' bdot ta' blalen tal-ajru (BPL) sat-8 ta' April 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Marzu 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 290/2012 tat-30 ta' Marzu 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġ tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 100, 5.4.2012, p. 1).


    ANNESS I

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Il-paragrafu FCL.065 jinbidel b'dan li ġej:

    “FCL.065   Tnaqqis tal-privileġġi tad-detenturi tal-liċenzja li jkolllhom 60 sena jew aktar fit-trasport kummerċjali bl-ajru

    (a)

    Età bejn is-60 u l-64 sena. Ajruplani u ħelikopters. Id-detentur ta' liċenzja ta' bdot li jkun għalaq 60 sena m'għandux jaġixxi bħala bdot ta' inġenju tal-ajru involut fit-trasport kummerċjali bl-ajru għajr jekk ikun membru ta' ekwipaġġ b'aktar minn bdot wieħed.

    (b)

    Età ta' 65 sena. Għajr fil-każ ta' detentur ta' liċenzja ta' bdot ta' ballun tal-ajru jew glider, detentur ta' liċenzja ta' bdot li jkun għalaq 65 sena m'għandux jaġixxi bħala bdot ta' inġenju tal-ajru involut fit-trasport kummerċjali bl-ajru.

    (c)

    Età ta' 70 sena. Detentur ta' liċenzja ta' bdot li għalaq 70 sena m'għandux jaġixxi bħala bdot ta' ballun tal-ajru jew glider involut fit-trasport kummerċjali bl-ajru.”

    (2)

    Il-paragrafu FCL.105.B jinbidel b'dan li ġej:

    “FCL.105.B   LAPL(B) — Privileġġi

    Il-privileġġi tad-detentur ta' LAPL għall-blalen tal-ajru huma li jaġixxi bħala PIC fuq blalen tal-arja sħuna jew żepellini li jaħdmu bl-arja sħuna b'massimu ta' kapaċità tal-envelopp ta' 3 400 m3 jew blalen tal-gass b'massimu ta' kapaċità tal-envelopp ta' 1 260 m3, li jġorru mhux aktar minn tliet (3) passiġġieri, b'tali mod li qatt ma jkun hemm aktar minn erba' (4) persuni abbord il-ballun tal-ajru.”

    (3)

    F'FCL.210.A, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

    “(a)

    L-applikanti għal PPL(A) għandhom ikunu kkompletaw mill-inqas 45 siegħa ta' tagħlim fit-titjir fl-ajruplani jew TMGs, li ħamsa (5) minnhom għandhom ikunu saru f'FSTD, inklużi mill-inqas:

    (1)

    25 siegħa ta' tagħlim fit-titjir b'żewġ bdoti; u

    (2)

    10 sigħat ta' ħin ta' titjir bi bdot waħdu ssorveljat, inklużi mill-inqas ħames (5) sigħat ta' ħin ta' titjir cross-country bi bdot waħdu b'mill-inqas titjira waħda cross-country ta' mill-inqas 270 km (150 NM), li waqtha għandu jsir inżul b'waqfien sħiħ f'żewġ (2) ajrudromi differenti mill-ajrudrom tat-tluq.”

    (4)

    FCL.230.B jinbidel b'dan li ġej:

    “FCL.230.B   BPL — Rekwiżiti riċenti

    (a)

    Id-detenturi ta' BPL għandhom jeżerċitaw biss il-privileġġi tal-liċenzja tagħhom meta, fi klassi waħda ta' blalen tal-arja, ikunu kkompletaw fl-aħħar 24 xahar mill-inqas:

    (1)

    sitt (6) sigħat ta' ħin ta' titjir bħala PIC, inklużi 10 telgħat u nżulijiet l-art; u

    (2)

    titjira waħda (1) ta' taħriġ ma' struttur f'ballun tal-ajrufil-klassi xierqa;

    (3)

    barra minn hekk, fil-każ ta' bdoti kkwalifikati biex isuqu aktar minn klassi waħda ta' blalen tal-arja, sabiex jeżerċitaw il-privileġġi tagħhom fil-klassi l-oħra, għandhom ikunu lestew mill-inqas 3 sigħat ta' ħin ta' titjir f'dik il-klassi fl-aħħar 24 xahar, inklużi 3 telgħat u nżulijiet.

    (b)

    Id-detenturi ta' BPL għandhom iħaddmu biss ballun tal-istess grupp tal-ballun tal-ajru li fih ikun ġiet ikkompletata it-titjira ta' taħriġ jew ballun tal-ajru ta' grupp ta' envelopp iżgħar;

    (c)

    Id-detenturi ta' BPL li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti f'(a), qabel ikomplu jeżerċitaw il-privileġġi tagħhom, għandhom:

    (1)

    jgħaddu minn kontroll tal-profiċjenza ma' eżaminatur f'ballun fil-klassi adegwata; jew

    (2)

    iwettqu l-ħin ta' titjir addizzjonali jew it-tlugħ u l-inżul, titjir b'żewġ bdoti jew titjir bi bdot waħdu taħt is-sorveljanza ta' struttur, sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti f'(a).

    (d)

    Fil-każ ta' (c)(1) id-detentur ta' BPL għandu jħaddem biss ballun tal-istess grupp tal-ballun tal-ajru li fih ikun ġie kkompletat il-kontroll tal-profiċjenza jew ballun tal-ajru ta' grupp ta' envelopp iżgħar.”

    (5)

    Fit-Taqsima 2 “Rekwiżiti speċifiċi għall-kategorija tal-ajruplan” fis-subparti D, il-punt li ġej FCL.315.A CPL — Kors ta' taħriġ jinżied dan li ġej:

    “FCL.315.A   CPL — Kors ta' taħriġ

    Għarfien teoriku u tagħlim fit-titjir għall-ħruġ ta' CPL(A) għandu jinkludi taħriġ ta' prevenzjoni ta' disturbi u taħriġ dwar l-irkupru.”

    (6)

    Fl-FCL.410.A, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

    “(a)

    Kors. Applikant għal MPL għandu jkun lesta kors ta' taħriġ dwar għarfien teoriku u tagħlim fit-titjir f'ATO skont l-Appendiċi 5 ta' din il-Parti. Għarfien teoriku u tagħlim fit-titjir għall-ħruġ ta' MPL għandu jinkludi taħriġ ta' prevenzjoni ta' disturbi u taħriġ dwar l-irkupru.”

    (7)

    Fl-FCL.725.A, jiżdied il-punt (c) li ġej:

    “(c)

    Ajruplani b'aktar minn bdot wieħed. Il-kors ta' taħriġ għall-ħruġ ta' klassifikazzjoni tat-tip ta' ajruplan b'aktar minn bdot wieħed għandu jinkludi għarfien teoriku u tagħlim fit-titjir dwar il-prevenzjoni ta' disturbi u l-irkupru.”

    (8)

    Fil-paragrafu FCL.740.A, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

    “(b)

    Validazzjoni mill-ġdid ta' klassifikazzjoni tal-klassi ta' magna waħda u bi bdot wieħed.

    (1)

    Klassifikazzjonijiet tal-klassi ta' ajruplani b'magna waħda bil-pistin u klassifikazzjoni tat-TMG. Għall-validazzjoni mill-ġdid ta' klassifikazzjoni tal-klassi ta' ajruplani bi bdot wieħed u b'magna waħda bil-pistin jew klassifikazzjoni tal-klassi tat-TMG, l-applikant għandu:

    (i)

    fi żmien 3 xhur qabel id-data ta' skadenza tal-klassifikazzjoni, jgħaddi minn kontroll tal-profiċjenza fil-klassi rilevanti skont l-Appendiċi 9 ta' din il-Parti ma' eżaminatur; jew

    (ii)

    fi żmien 12-il xahar qabel id-data ta' skadenza tal-klassifikazzjoni, iwettaq 12-il siegħa ta' ħin ta' titjir fil-klassi rilevanti, inklużi:

    sitt (6) sigħat bħala PIC,

    12-il tlugħ u 12-il inżul l-art,

    taħriġ ta' fakkir il-moħħ ta' mill-inqas titjira ta' siegħa waħda (1) f'ħin totali ma' struttur tat-titjir (FI) jew ma' struttur tal-klassifikazzjoni tal-klassi (CRI). L-applikanti għandhom ikunu eżentati minn dan it-taħriġ ta' fakkir il-moħħ jekk ikunu għaddew minn kontroll tal-profiċjenza; eżami tal-ħiliet jew evalwazzjoni tal-kompetenza fi kwalunkwe klassi jew tip ta' ajruplan ieħor.

    (2)

    Meta l-applikanti jkollhom kemm klassifikazzjoni tal-klassi ta' ajruplan fuq l-art b'magna waħda bil-pistin u klassifikazzjoni ta' TMG, dawn jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' (1) f'kull klassi jew kombinazzjoni tagħhom, u jiksbu validazzjoni mill-ġdid taż-żewġ klassifikazzjonijiet.

    (3)

    Ajruplani turboprop bi bdot wieħed u b'magna waħda. Għall-validazzjoni mill-ġdid tal-klassifikazzjonijiet tal-klassi ta' turbopropp b'magna waħda, l-applikanti għandhom jgħaddu minn kontroll tal-profiċjenza dwar il-klassi rilevanti skont l-Appendiċi 9 ta' din il-Parti ma' eżaminatur, fi żmien 3 xhur qabel id-data ta' skadenza tal-klassifikazzjoni.

    (4)

    Meta l-applikanti jkollhom kemm klassifikazzjoni tal-klassi ta' ajruplan fuq l-art b'magna waħda bil-pistin u klassifikazzjoni ta' klassi ta' ajruplan li jinżel fil-baħar b'magna waħda tal-pistin, dawn jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' (1)(ii) f'kull klassi jew kombinazzjoni tagħhom, u jiksbu l-issodisfar ta dawn ir-rekwiżiti għaż-żewġ klassifikazzjonijiet. Mill-inqas siegħa (1) ta' ħin hija meħtieġa għall-PIC u sitta (6) mit-12 il-tlugħ u nżul għandhom jiġu kkompletati f'kull klassi.”

    (9)

    Fl-FCL.825 il-punt (g), paragrafu (6) jinbidel b'dan li ġej:

    “(6)

    Għal EIR b'aktar minn magna waħda, il-kontroll tal-profiċjenza għall-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid, u t-titjira ta' taħriġ meħtieġa fil-punt (g) (2) (ii) iridu jitlestew f'ajruplan b'iktar minn magna waħda. Jekk il-bdot ikollu wkoll EIR b'magna waħda, din il-verifika tal-profiċjenza għandha tikseb ukoll validazzjoni mill-ġdid jew tiġdid tal-EIR b'magna waħda. It-taħriġ tat-titjir ikkompletat f'ajruplan b'iktar minn magna waħda għandu jissodisfa wkoll ir-rekwiżit għal titjira ta' taħriġ tal-EIR b'magna waħda.”

    (10)

    Fl-FCL.915, jiżdied il-punt (d) li ġej:

    “(d)

    Il-kreditu għal estensjoni għal tipi oħra għandu jqis l-elementi rilevanti ddefinit fid-dejta tal-adegwatezza operattiva skont il-Parti 21.”

    (11)

    Il-punt FCL.945 li ġej hu miżjud:

    “FCL. 945   Obbligi għall-istruttur

    Mat-tlestija tat-taħriġ fit-titjir għal validazzjoni mill-ġdid ta' SEP jew klassifikazzjoni tal-klassi jew TMG skont FCL.740.A (b)(1) u biss f'każ ta' ssodisfar tal-kriterji ta' validazzjoni mill-ġdid l-oħrajn kollha meħtieġa skont FCL.740.A (b)(1) l-istruttur għandu japprova l-liċenzja tal-applikant bid-data ta' skadenza l-ġdida tal-klassifikazzjoni jew taċ-ċertifikat, jekk ikun awtorizzat speċifikament għal dak l-għan mill-awtorità kompetenti responsabbli mill-liċenzja tal-applikant.”

    (12)

    FCL.910.TRI huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

    “(b)

    TRI għal ajruplani u għal inġenji tal-ajru bil-powered-lift — TRI(A) u TRI(PL). Il-privileġġi ta' TRI huma ristretti għat-tip ta' ajruplan jew inġenju tal-ajru bil-powered-lift li fih kienu saru t-taħriġ u l-valutazzjoni tal-kompetenza. Sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor fid-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont il-Parti 21, il-privileġġi tat-TRI għandhom ikunu estiżi għal aktar tipi meta t-TRI jkun:

    (1)

    tlesta fi żmien 12-il xahar li jiġu qabel l-applikazzjoni, mill-inqas 15-il settur tar-rotot, inklużi tlugħ u nżul fuq it-tip ta' inġenju tal-ajru applikabbli, li minnhom 7 setturi jistgħu jitlestew f'FFS;

    (2)

    lesta l-partijiet tat-taħriġ tekniku u t-tagħlim fit-titjir tal-kors ta' TRI rilevanti;

    (3)

    għadda mit-taqsimiet rilevanti tal-valutazzjoni tal-kompetenza skont FCL.935 sabiex juri lil FIE jew TRE kkwalifikat skont is-Subparti K il-kapaċità tiegħu li jipprovdi tagħlim lil bdot sal-livell meħtieġ għall-ħruġ tal-klassifikazzjoni tat-tip, inkluż it-tagħlim ta' qabel it-titjir, ta' wara t-titjir u tal-għarfien teoriku.”

    (b)

    il-punt (c), paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “(c)

    TRI għall-ħelikopters — TRI(H).

    (1)

    Il-privileġġi ta' TRI(H) huma ristretti għat-tip ta' ħelikopter li fih sar it-test tal-ħiliet għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta' TRI. Sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor fid-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont il-Parti 21, il-privileġġi tat-TRI għandhom ikunu estiżi għal aktar tipi meta t-TRI jkun:

    (i)

    lesta l-parti teknika tat-tip adattata tal-kors ta' TRI fuq it-tip ta' ħelikopter applikabbli jew FSTD li jirrappreżentaw dak it-tip;

    (ii)

    wettaq mill-inqas sagħtejn ta' tagħlim fit-titjir fuq it-tip applikabbli, taħt is-sorveljanza ta' TRI(H) ikkwalifikat b'mod adegwat; u

    (iii)

    għadda mit-taqsimiet rilevanti tal-valutazzjoni tal-kompetenza skont FCL.935 sabiex juri lil FIE jew TRE kkwalifikat skont is-Subparti K il-kapaċità tiegħu li jipprovdi tagħlim lil bdot sal-livell meħtieġ għall-ħruġ tal-klassifikazzjoni tat-tip, inkluż it-tagħlim ta' qabel it-titjir, ta' wara t-titjir u tal-għarfien teoriku.”

    (13)

    Fl-FCL.905.CRI, fil-punt (a), jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

    “(3)

    estensjoni tal-privileġġi LAPL(A) għal klassi jew varjant ieħor ta' ajruplan.”

    (14)

    Fl-FCL.1005, fil-punt (a), paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “(1)

    li lilhom ikunu pprovdew aktar minn 25 % tat-tagħlim fit-titjir rikjest għal-liċenzja, il-klassifikazzjoni jew iċ-ċertifikat li għalihom ikunu qed isiru t-test tal-ħiliet jew il-valutazzjoni tal-kompetenza; jew”

    (15)

    Fl-FCL.1005.CRE, jiżdied il-punt (c) li ġej:

    “(c)

    testijiet tal-ħiliet għal estensjoni tal-privileġġi LAPL(A) għal klassi jew varjant ieħor ta' ajruplan.”

    (16)

    It-Taqsima A tal-Appendiċi 1 tiġi emendata kif ġej:

    (a)

    it-titolu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “A.   

    L-AKKREDITAR TAL-GĦARFIEN TEORIKU GĦALL-ĦRUĠ TA' LIĊENZJA TA' BDOT — STRUZZJONI PONT U REKWIŻITI TAL-EŻAMINAZZJONIJIET”

    (b)

    Il-paragrafu 1.2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.2.

    Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu ta' hawn fuq, għall-ħruġ ta' LAPL, PPL, BPL jew SPL, id-detentur ta' liċenzja f'kategorija oħra ta' inġenju tal-ajru għandu jingħata tagħlim fl-għarfien teoriku u jgħaddi mill-eżamijiet tal-għarfien teoriku fil-livell adattat fis-suġġetti li ġejjin:

    Il-Prinċipji tat-Titjir,

    Il-Proċeduri Operattivi,

    Il-Prestazzjoni u l-Ippjanar tat-Titjira,

    Għarfien Ġenerali dwar l-Inġenju tal-Ajru,

    In-navigazzjoni.”

    (c)

    għandu jiżdied il-paragrafu 1.4 li ġej:

    “1.4.

    Minkejja l-paragrafu 1.2, għall-ħruġ ta' LAPL(A), id-detentur ta' LAPL(S) b'estensjoni għal TMG għandu juri livell xieraq ta' għarfien teoriku tal-klassi ta' magna waħda bil-pistin skont FCL.135.A(a)(2).”

    (17)

    Fl-Appendiċi 6 it-Taqsima A hija emendata kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.

    L-għan tal-kors ta' taħriġ modulari fit-tajran ibbażat fuq il-kompetenzi huwa li jħarreġ id-detenturi ta' PPL jew ta' CPL għall-kwalifika tal-istrumenti, filwaqt li jqis l-istruzzjoni jew l-esperjenza fit-titjir bl-istrumenti preċedenti. Huwa mfassal biex jipprovdi l-livell ta' profiċjenza meħtieġa biex jitħaddmu l-ajruplani taħt IFR u f'IMC. Il-kors għandu jittieħed f'ATO jew ikun jikkonsisti minn kombinazzjoni ta' struzzjoni fit-titjir bl-istrumenti mogħtija minn IRI(A) jew FI(A) li jkollhom il-privileġġ li jagħtu taħriġ għall-IR u struzzjoni fit-titjir fi ħdan ATO.”

    (b)

    il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    fil-punt (a)(i), B hu mibdul b'dan li ġej:

    “(B)

    esperjenza preċedenti ta' ħin ta' titjira bi strument bħala PIC fuq l-ajruplani, skont klassifika li tipprovdi l-privileġġi li jtir taħt l-IFR u fl-IMC.”

    (ii)

    fil-punt (b)(i), (B) hu mibdul b'dan li ġej:

    “(B)

    esperjenza preċedenti ta' ħin ta' titjira bi strument bħala PIC fuq l-ajruplani, skont klassifika li tipprovdi l-privileġġi li jtir taħt l-IFR u fl-IMC.”

    (18)

    Fit-Taqsima A tal-Appendiċi 9, il-paragrafi 4 u 5 huma mibdula b'dan li ġej:

    “4.

    Sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor fid-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont il-Parti 21, is-sillabu tat-tagħlim tat-titjir, l-eżami tal-ħiliet u l-kontroll tal-profiċjenza għandhom jikkonformaw ma' dan l-Appendiċi. Is-sillabu, -eżami tal-ħiliet u l-kontroll tal-profiċjenza jistgħu jitnaqqsu biex jiġi rikonoxxut il-kreditu għall-esperjenza preċedenti fuq tipi ta' inġenji tal-ajru simili, kif stabbilit fid-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont il-Parti 21.

    5.

    Għajr fil-każ ta' testijiet tal-ħiliet għall-ħruġ ta' ATPL, meta jkun definit b'dan il-mod fid-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont il-Parti 21 għall-inġenju tal-ajru speċifiku, jista' jingħata kreditu għal punti tat-test tal-ħiliet komuni għal tipi oħrajn jew għal varjanti oħrajn meta l-bdot ikun ikkwalifikat.”


    ANNESS II

    Fit-Taqsima A tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, il-punt (d) tal-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “(d)

    jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-tabella ta' hawn taħt:

    Liċenzja nazzjonali fil-pussess tad-detentur

    Esperjenza f'sigħat totali ta' titjir

    Rekwiżiti addizzjonali oħra

    Sostituzzjoni ta' liċenzja tal-Parti FCL u kondizzjonijiet (fejn japplika)

    Tneħħija ta' kondizzjonijiet

     

    (1)

    (2)

    (3)

    (4)

    (5)

     

    ATPL(A)

    > 1 500 siegħa bħala PIC fuq ajruplani b'aktar minn bdot wieħed

    Xejn

    ATPL(A)

    Mhux applikabbli

    (a)

    ATPL(A)

    > 1 500 fuq ajruplani b'aktar minn bdot wieħed

    Xejn

    bħal f'(c)(4)

    bħal f'(c)(5)

    (b)

    ATPL(A)

    > 500 fuq ajruplani b'aktar minn bdot wieħed

    Juri għarfien dwar ippjanar ta' titjir u prestazzjoni kif mitlub minn FCL.515

    ATPL(A), bi klassifikazzjonitat-tip ristretta għall-kopilota.

    Juri l-kapaċità li jaġixxi bħala PIC kif mitlub mill-Appendiċi 9 tal-Parti FCL

    (c)

    CPL/IR(A) u għadda minn test tat-teorija fl-Istat Membru tal-ħruġ tal-liċenzja

     

    (i)

    juri għarfien dwar ippjanar ta' titjir u prestazzjoni kif mitlub minn FCL.310 u FCL.615(b);

    (ii)

    jissodisfa r-rekwiżiti li jifdal ta' FCL.720.A(c)

    CPL/IR(A) bi krediti fit-teorija ATPL

    Mhux applikabbli

    (d)

    CPL/IR(A)

    > 500 fuq ajruplani b'aktar minn bdot wieħed, jew f'operazzjonijiet b'aktar minn bdot wieħed fuq ajruplani ta' kategorija CS-23 ta' vvjaġġar minn post għall-ieħor bi bdot wieħed jew ekwivalenti skont ir-rekwiżiti tal-Parti CAT jew il-Parti-ORO għal trasport kummerċjali bl-ajru

    (i)

    jgħaddi minn eżami tal-għarfien dwar ATPL(A) fl-Istat Membru tal-ħruġ tal-liċenzja (*);

    (ii)

    jissodisfa r-rekwiżiti li jifdal ta' FCL.720.A(c)

    CPL/IR(A) bi krediti fit-teorija ATPL

    Mhux applikabbli

    (e)

    CPL/IR(A)

    < 500 bħala PIC fuq ajruplani bi bdot wieħed

    Xejn

    CPL/IR(A) bi klassifikazzjonijiet tl-klassi u t-tip ristretti għal ajruplani bi bdot wieħed

    Jikseb klassifikazzjoni tat-tip b'aktar minn bdot wieħed skont il-Parti FCL

    (f)

    CPL/IR(A)

    < 500 bħala PIC fuq ajruplani bi bdot wieħed

    Juri għarfien dwar ippjanar u prestazzjoni ta' titjir għal-livell CPL/IR

    Bħal (4)(f)

    Bħal (5)(f)

    (g)

    CPL(A)

    < 500 bħala PIC fuq ajruplani bi bdot wieħed

    Klassifikazzjoni għal billejl, jekk tapplika

    CPL(A), bi klassifikazzjonijiet tat-tip/klassi ristretti għal ajruplani bi bdot wieħed

     

    (h)

    CPL(A)

    < 500 bħala PIC fuq ajruplani bi bdot wieħed

    (i)

    Klassifikazzjoni għal billejl, jekk tapplika;

    (ii)

    juri għarfien dwar ippjanar ta' titjir u prestazzjoni kif mitlub minn FCL.310

    bħal (4)(h)

     

    (i)

    PPL/IR(A)

    ≥ 75 skont IFR

     

    PPL/IR(A) (IR hija ristretta għal PPL)

    Juri għarfien dwar ippjanar ta' titjir u prestazzjoni kif mitlub minn FCL.615(b)

    (j)

    PPL(A)

    ≥ 70 fuq ajruplani

    Juri l-użu ta' għajnuniet tan-navigazzjoni bir-radju

    PPL(A)

     

    (k)


    (*)  Id-detenturi ta' CPL li diġà jkollhom klassifikazzjoni tat-tip għal ajruplan b'aktar minn bdot wieħed ma jkunx jeħtiġilhom li jkunu għaddew minn eżami ta' għarfien teoriku fuq ATPL(A) waqt li jkomplu jħaddmu dak l-istess tip ta' ajruplan, iżda ma jingħatawx krediti fit-teorija ATPL(A) għal liċenzja tal-Parti FCL. Jekk ikunu jeħtieġu klassifikazzjoni oħra tat-tip għal ajruplan differenti b'aktar minn bdot wieħed, għandhom jikkonformaw mal-kolonna (3), linja (e)(i) tat-tabella ta' hawn fuq.”


    ANNESS III

    L-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 hu emendat kif ġej:

    (1)

    Fit-Taqsima A “VALIDAZZJONI TA' LIĊENZJI”, il-paragrafu 3, il-punt (f) jinbidel b'dan li ġej:

    “(f)

    fil-każ ta' ħelikopters, jikkonforma mar-rekwiżiti ta' esperjenza stabbiliti fit-tabella li ġejja:

    Liċenzja fil-pussess tad-detentur

    Esperjenza f'sigħat totali ta' titjir

    Privileġġi

     

    (1)

    (2)

    (3)

     

    IR valida ta' ATPL(H)

    > 1 000 bħala PIC fuq ħelikopters b'aktar minn bdot wieħed

    Trasport kummerċjali bl-ajru f'ħelikopters b'aktar minn bdot wieħed bħala PIC f'operazzjonijiet VFR u IFR

    (a)

    ATPL(H) mingħajr privileġġi IR

    > 1 000 bħala PIC fuq ħelikopters b'aktar minn bdot wieħed

    Trasport kummerċjali bl-ajru f'ħelikopters b'aktar minn bdot wieħed bħala PIC f'operazzjonijiet VFR

    (b)

    IR valida ta' ATPL(H)

    > 1 000 siegħa bħala bdot fuq ħelikopters b'aktar minn bdot wieħed

    Trasport kummerċjali bl-ajru f'ħelikopters b'aktar minn bdot wieħed bħala kopilota f'operazzjonijiet VFR u IFR

    (c)

    ATPL(H) mingħajr privileġġi IR

    > 1 000 siegħa bħala bdot fuq ħelikopters b'aktar minn bdot wieħed

    Trasport kummerċjali bl-ajru f'ħelikopters b'aktar minn bdot wieħed bħala kopilota f'operazzjonijiet VFR

    (d)

    CPL(H)/IR (*)

    > 1 000 siegħa bħala bdot fuq ħelikopters b'aktar minn bdot wieħed

    Trasport kummerċjali bl-ajru f'ħelikopters b'aktar minn bdot wieħed bħala kopilota.

    (e)

    CPL(H)/IR

    > 1 000 siegħa bħala PIC fi trasport kummerċjali bl-ajru minn meta jkun kiseb IR

    Trasport kummerċjali bl-ajru f'ħelikopters bi bdot wieħed bħala PIC

    (f)

    ATPL(H) bi privileġġi IR jew mingħajrhom, CPL(H)/IR, CPL(H)

    > 700 siegħa f'ħelikopters minbarra dawk iċċertifikati skont CS-27/29 jew ekwivalenti, inklużi 200 siegħa fl-irwol ta' attività li għaliha tkun intalbet l-aċċettazzjoni, u 50 siegħa f'dak l-irwol fl-aħħar 12-il xahar

    Eżerċizzju ta' privileġġi f'ħelikopters f'operazzjonijiet minbarra trasport kummerċjali bl-ajru

    (g)

    (2)

    Fit-Taqsima A “VALIDAZZJONI TA' LIĊENZJI”, il-paragrafu 6, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

    “(b)

    ikun impjegat, direttament jew indirettament, ta' manifattur ta' ajruplani jew ta' awtorità tal-avjazzjoni.”

    (3)

    Fit-Taqsima A “VALIDAZZJONI TA' LIĊENZJI”, jiżdiedu l-paragrafi 7 u 8 li ġejjin:

    “7.

    Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi ta' hawn fuq, l-Istati Membri jistgħu, għal titjiriet ta' kompetizzjoni jew titjiriet ta' wirja ta' tul limitat, jaċċettaw liċenzja maħruġa minn pajjiż terz li jippermetti lid-detentur jeżerċita l-privileġġi ta' PPL, SPL jew BPL sakemm:

    (a)

    qabel l-avveniment, l-organizzatur tat-titjiriet ta' kompetizzjoni jew il-wirja jipprovdi lill-awtorità kompetenti b'evidenza adegwata dwar kif se tiżgura li l-bdot se jkun familjari mal-informazzjoni rilevanti għas-sikurezza u se jimmaniġġja kwalunkwe riskju assoċjat ma' dawn it-titjiriet; u

    (b)

    l-applikant ikollu liċenzja tajba u ċertifikat mediku u klassifikazzjonijiet jew kwalifiki relatati maħruġin skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta' Chicago.

    8.

    Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi ta' hawn fuq, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw PPL, SPL jew BPL maħruġa b'konformità mar-rekwiżiti tal-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta' Chicago minn pajjiż terz għal mhux aktar minn 28 jum kalendarju kull sena għal kompiti mhux kummerċjali speċifiċi sakemm l-applikant:

    (a)

    ikollu liċenzja tajba u ċertifikat mediku u klassifikazzjonijiet jew kwalifiki relatati maħruġin skont l-Anness 1 tal-ICAO; u

    (b)

    jkun ikkompleta mill-inqas titjira waħda ta' akklimatizzazzjoni ma' struttur ikkwalifikat qabel it-twettiq tal-kompiti speċifiċi ta' tul limitat.”


    (*)  Id-detenturi ta' CPL(H)/IR fuq ħelikopters b'aktar minn bdot wieħed għandhom ikunu wrew għarfien ta' livell ATPL tal-ICAO qabel l-aċċettazzjoni.”


    ANNESS IV

    L-Anness VI għar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-ARA.GEN.305 għandu jiddaħħal il-punt (ca) li ġej:

    “(ca)

    Minkejja (c), fil-każ ta' organizzazzjonijiet li jipprovdu biss taħriġ lejn LAPL, PPL, SPL jew BPL u l-klassifikazzjonijiet u ċ-ċertifikati assoċjati, għandu jiġi applikat ċiklu ta' ppjanar għas-sorveljanza li ma jaqbiżx l-48 xahar. Iċ-ċiklu ta' ppjanar tas-sorveljanza għandu jitqassar jekk ikun hemm evidenza li l-prestazzjoni tas-sikurezza tad-detentur tal-organizzazzjoni tkun naqset.

    Iċ-ċiklu ta' ppjanar għas-sorveljanza jista' jiġi estiż sa massimu ta' 72 xahar, jekk l-awtorità kompetenti tkun stabbiliet li, matul l-48 xahar ta' qabel:

    (1)

    l-organizzazzjoni tkun uriet identifikazzjoni effettiva tal-perikli għas-sikurezza tal-avjazzjoni u tal-ġestjoni tar-riskji assoċjati, kif juru r-riżultati tar-reviżjoni annwali skont ORA.GEN.200(c);

    (2)

    l-organizzazzjoni tkun dejjem żammet kontroll fuq il-bidliet kollha skont ORA.GEN.130, kif juru r-riżultati tar-reviżjoni annwali skont ORA.GEN.200(c);

    (3)

    ma jkunu ġew stabbiliti l-ebda sejbiet tal-livell 1; u

    (4)

    l-azzjonijiet korrettivi kollha jkunu ġew implimentati fil-perjodu ta' żmien aċċettat jew estiż mill-awtorità kompetenti, kif iddefinit minn ARA.GEN.350 (d)(2).”

    (2)

    Fl-ARA.FCL.200, jiżdied il-punt (d) li ġej:

    “(d)

    Approvazzjoni tal-liċenzja mill-istrutturi. Qabel ma tawtorizza speċifikament lil ċerti strutturi biex jivvalidaw mill-ġdid il-klassifikazzjoni tal-klassi ta' magna waħda bil-pistin jew ta' TMG, l-awtorità kompetenti għandha tiżviluppa proċeduri xierqa.”

    (3)

    Il-punt ARA.MED.330 li ġej hu miżjud:

    “ARA.MED. 330   Ċirkostanzi mediċi speċjali

    (a)

    Meta teknoloġija medika, mediċina jew proċeduri ġodda jkunu identifikati li jistgħu jiġġustifikaw valutazzjoni tal-istat ta' applikanti b'mod ieħor li mhux konformi mar-rekwiżiti, tista' ssir riċerka biex tinġabar evidenza dwar l-eżerċitar sigur tal-privileġġi tal-liċenzja.

    (b)

    Sabiex tagħmel riċerka, awtorità kompetenti, b'kooperazzjoni ma' tal-anqas awtorità kompetenti oħra, tista' tiżviluppa u tevalwa protokoll ta' evalwazzjoni medika li abbażi tiegħu dawn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu numru definit ta' ċertifikati mediċi tal-bdoti bil-limitazzjonijiet adatti.

    (c)

    L-AeMCs u l-AMEs jistgħu biss joħorġu ċertifikati mediċi abbażi ta' protokoll ta' riċerka jekk jingħataw struzzjonijiet biex jagħmlu dan mill-awtorità kompetenti.

    (d)

    Il-protokoll għandu jiġi miftiehem bejn l-awtoritajiet kompetenti konċernati u għandu jinkludi bħala minimu:

    (1)

    Valutazzjoni tar-riskju;

    (2)

    analiżi tal-letteratura u evalwazzjoni li jipprovdi evidenza li l-ħruġ ta' ċertifikat mediku skont il-protokoll ta' riċerka ma jipperikolax l-eżerċitar sigur tal-privileġġi tal-liċenzja;

    (3)

    kriterji ta' għażla dettaljati għall-bdoti sabiex jiġu ammessi għall-protokoll;

    (4)

    il-limitazzjonijiet li ser jiġu approvati fuq iċ-ċertifikat mediku;

    (5)

    il-proċeduri ta' monitoraġġ li għandhom jiġu implimentati mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati;

    (6)

    id-determinazzjoni ta' punti tat-tmiem għal tmiem il-protokoll.

    (e)

    Il-Protokoll għandu jkun konformi ma' prinċipji etiċi rilevanti.

    (f)

    L-eżerċitar tal-privileġġi tal-liċenzja minn detenturi ta' liċenzja b'ċertifikat mediku maħruġ fuq il-bażi tal-Protokoll għandhom ikunu ristretti għal titjiriet b'inġenji tal-ajru rreġistrati fl-Istati Membri involuti fil-protokoll ta' riċerka. Din ir-restrizzjoni għandha tiġi indikata fuq iċ-ċertifikat mediku.

    (g)

    L-awtoritajiet kompetenti li jipparteċipaw għandhom:

    (1)

    jipprovdu lill-Aġenzija:

    (i)

    il-protokoll tar-riċerka qabel l-implimentazzjoni;

    (ii)

    id-dettalji u l-kwalifiki tal-punt fokali nominat ta' kull awtorità kompetenti parteċipanti;

    (iii)

    rapporti dokumentati ta' evalwazzjonijiet regolari tal-effettività tiegħu;

    (2)

    jipprovdu l-AeMCs u l-AMEs fil-ġurisdizzjoni tagħhom b'dettalji tal-protokoll qabel l-implimentazzjoni għall-informazzjoni tagħhom.”

    (4)

    Appendiċi I huwa mibdul b'li ġej:

    “Appendiċi I

    Liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira

    Il-liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira maħruġa minn Stat Membru skont il-Parti-FCL għandha tkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Il-kontenut. In-numru tal-element indikat għandu jkun dejjem stampat b'rabta mal-intestatura tal-element. L-elementi I sa XI huma ‘permanenti’, u l-elementi XII sa XIV huma elementi ‘varjabbli’ li jistgħu jidhru fuq folja separata jew li tista' tinqala' minn mal-formola ewlenija. Kwalunkwe parti separata jew li tinqala' għandha tkun identifikata b'mod ċar bħala parti mil-liċenzja.

    (1)

    Elementi permanenti:

    (I)

    Stat li ħareġ il-liċenzja;

    (II)

    titolu tal-liċenzja;

    (III)

    numru tas-serje tal-liċenzja, li jibda bil-kodiċi tal-pajjiż tan-NU tal-Istat li ħareġ il-liċenzja, segwit mill-ittri ‘FCL’ u kodiċi ta' numri Għarab u/jew ittri Latini;

    (IV)

    isem id-detentur (b'kitba Latina, anke jekk il-kitba tal-lingwa/i nazzjonali mhijiex Latina);

    (IVa)

    id-data tat-twelid

    (V)

    indirizz tad-detentur;

    (VI)

    nazzjonalità tad-detentur;

    (VII)

    firma tad-detentur;

    (VIII)

    awtorità kompetenti u, fejn meħtieġ, il-kundizzjonijiet li skonthom inħarġet il-liċenzja;

    (IX)

    ċertifikazzjoni tal-validità u awtorizzazzjoni għall-privileġġi mogħtija;

    (X)

    firma tal-uffiċċjal li joħroġ il-liċenzja u d-data tal-ħruġ; u

    (XI)

    siġill jew timbru tal-awtorità kompetenti.

    (2)

    Elementi varjabbli

    (XII)

    klassifikazzjonijiet u ċertifikati: klassi, tip, ċertifikat ta' għalliem, eċċ., bid-dati ta' skadenza tagħhom. Il-privileġġi tar-radjutelefonija (R/T) jistgħu jidhru fuq il-formola tal-liċenzja jew fuq ċertifikat separat;

    (XIII)

    rimarki: jiġifieri approvazzjonijiet speċjali marbutin ma' restrizzjonijiet u approvazzjonijiet għall-privileġġi, inklużi approvazzjonijiet tal-profiċjenza tal-lingwa u klassifikazzjonijiet għall-inġenji tal-ajru tal-Anness II meta jintużaw għat-trasport kummerċjali bl-arju; u

    (XIV)

    kwalunkwe dettalji oħra meħtieġa mill-awtorità kompetenti (eż., il-post tat-twelid/il-post tal-oriġini).

    (b)

    Il-materjal. Il-karta jew materjal ieħor użat għandhom jipprevjenu jew juru mill-ewwel kwalunkwe alterazzjoni jew tħassir. Kull żieda jew tħassir fuq il-formola għandu jkun awtorizzat b'mod ċar mill-awtorità kompetenti.

    (c)

    Il-lingwa. Il-liċenzji għandhom ikunu miktubin bil-lingwa/i nazzjonali, bl-Ingliż, u b'lingwi oħra meqjusa xierqa għal dan il-għan mill-awtorità kompetenti.

    Qoxra

    Image

    Test ta 'immaġni

    Paġna 2

    Image

    Test ta 'immaġni

    Paġna 3

    Image

    Test ta 'immaġni

    Paġni addizzjonali — Rekwiżiti

    Il-paġni 1, 2 u 3 tal-liċenzja għandhom ikunu konformi mal-format stabbilit fil-mudell f'dan il-punt. L-awtorità kompetenti għandha tinkludi paġni supplementari personalizzati li jkun fihom tabelli li għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    Klassifikazzjonijiet, ċertifikati, approvazzjonijiet u privileġġi,

    Id-dati tal-iskadenza tal-klassifikazzjonijiet, il-privileġġi ta' ċertifikat tal-istruttur u l-eżaminatur,

    Dati tal-eżami jew il-kontroll,

    Rimarki u restrizzjonijiet (limitazzjonijiet operattivi),

    Oqsma għan-numru taċ-ċertifikat u l-firma tal-eżaminatur u/jew l-istruttur, skont kif ikun applikabbli,

    Taqsiriet.

    Dawn il-paġni huma intiżi biex jintużaw mill-awtorità kompetenti jew minn eżaminaturi jew strutturi li jkunu awtorizzati b'mod speċifiku.

    Kwistjonijiet tal-bidu rigward il-klassifikazzjonijiet jew iċ-ċertifikati għandhom jiddaħħlu mill-awtorità kompetenti. Il-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid ta' klassifikazzjonijiet jew ċertifikati jista' jiddaħħal mill-awtorità kompetenti jew minn eżaminaturi jew strutturi li jkunu awtorizzati b'mod speċifiku.

    Ir-restrizzjonijiet operattivi għandhom jitniżżlu taħt ‘Rimarki u Restrizzjonijiet’ skont il-privileġġ ristrett xieraq, eż. eżami tal-ħiliet fl-IR imwettaq ma' kopilota, privileġġi ta' tagħlim ristretti għat-tip ta' inġenju tal-ajru 1.

    Klassifikazzjonijiet li ma jkunux ivvalidati jistgħu jitneħħew mil-liċenzja mill-awtorità kompetenti.”

    (5)

    Fl-Appendiċi II, l-Intestatura 9 tal-istruzzjonijiet dwar il-format Standard tal-EASA għall-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Il-punt 9: Jekk l-awtorità kompetenti tkun l-entità li toħroġ l-attestazzjoni, għandhom jiddaħħlu t-terminu ‘awtorità kompetenti’ u s-siġill, it-timbru jew il-logo uffiċjali. F'dan il-każ biss, l-awtorità kompetenti tista' tiddetermina jekk siġill uffiċjali, timbru jew logo uffiċjali għandux jiddaħħal ukoll taħt l-Intestatura 8.”


    ANNESS V

    Fl-Anness VII għar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, fl-ORA.GEN.200, il-punt (c) li ġej hu miżjud:

    “(c)

    Minkejja l-punt (a), f'organizzazzjoni li tipprovdi taħriġ għal LAPL, PPL, SPL jew BPL biss u l-klassifikazzjonijiet jew iċ-ċertifikati assoċjati, il-ġestjoni tar-riskju tas-sikurezza u s-sorveljanza tal-konformità definita fil-punti (a)(3) u (a)(6) tista' ssir b'analiżi organizzattiva, li għandha ssir mill-inqas darba kull sena kalendarja. L-awtorità kompetenti għandha tiġi nnotifikata dwar ir-riżultati ta' din ir-reviżjoni mill-organizzazzjoni mingħajr dewmien żejjed.”


    Top