Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0387

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/387 tal- 5 ta' Marzu 2015 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 65, 10.3.2015, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/387/oj

    10.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 65/7


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/387

    tal-5 ta' Marzu 2015

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

    (3)

    Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' din it-tabella.

    (4)

    Jixraq li jkun previst li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2015.

    Għall-Kummissjoni,

    F'isem il-President,

    Heinz ZOUREK

    Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi-NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Apparat elettrikuli jikkonsisti minn qafas tal-metall ċilindriku li jinkorpora lampa li tarmi r-radjazzjani ultravjola (UV) u apparat elettroniku b'indikaturi tad-dawl li jindikaw l-istatus tal-apparat. Il-potenza elettrika tad-dawl UV ivarja minn 14 sa 39 W. L-apparat huwa fornut b'vultaġġ standard ta' 220 V.

    Huwa ppreżentat biex jintuża għall-purifikazzjoni fotokimika tal-ilma. Il-purifikazzjoni ssir permezz tal-irradjazzjoni UV tal-ilma ġieri, b'hekk teqred il-batterji, il-virusijiet u mikro-organiżmi oħra li jkun hemm fih. Huwa ppreżentat għall-użu f'ambjent domestiku, mediku jew industrijali.

    8421 21 00

    Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċijiet NM 8421 u 8421 21 00 .

    Il-funzjoni tal-apparat hija l-purifikazzjoni tal-ilma, li hija funzjoni deskritta fl-intestatura 8421 . Il-fatt li l-batterji, il-virusijiet u l-mikro-organiżmi mhumiex separati fiżikament imma meqruda ma jeskludix il-klassifikazzjoni taħt din l-intestatura. L-intestatura tkopri filtri u purifikaturi ta' kull tip (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 8421 , punt (II)). Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8543 bħala magni u apparati elettriċi, b'funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi bnadi oħra hija għaldaqstant eskluża.

    Għalhekk, dan l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8421 21 00 bħala apparat għall-filtrazzjoni u l-purifikazzjoni tal-ilma.


    Top