EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0329

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/329 tat- 2 ta' Marzu 2015 li jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika fir-rigward tal-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' ikel ta' oriġini mill-annimali destinat għall-Expo Milano 2015 f'Milan (l-Italja) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 58, 3.3.2015, p. 52–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/329/oj

3.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/52


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/329

tat-2 ta' Marzu 2015

li jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika fir-rigward tal-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' ikel ta' oriġini mill-annimali destinat għall-Expo Milano 2015 f'Milan (l-Italja)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari t-tielet inċiż tal-Artikolu 8(5), l-Artikolu 9(2)(b) u l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (2), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta' April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta' ċerti sustanzi u residwi tagħhom f'annimali ħajjin u prodotti tal-annimali u li tħassar id-Direttivi 85/358/KEE u 86/469/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/187/KEE u 91/664/KEE (3), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-Italja se tkun qed tilqa' il-fiera universali msejħa “EXPO Milano 2015” li se ssir f'Milan mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru 2015. It-tema ċentrali ta' din il-fiera hija “Nitimgħu lill-pjaneta — Enerġija għall-ħajja”. Huwa ppjanat li se jieħdu sehem madwar 150 pajjiż fl-“EXPO Milano 2015” u, skont it-tema, huwa mistenni li prodotti tal-ikel, fosthom il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, se jkollhom jiġu introdotti fl-Unjoni minn pajjiżi terzi.

(2)

L-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali lejn l-Unjoni hija mogħtija lil pajjiżi terzi abbażi ta' għadd ta' rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li jqisu t-tħassib dwar is-saħħa tal-annimali u dik pubblika. Madankollu, mhux il-pajjiżi kollha li qed jieħdu sehem fl-“EXPO Milano 2015” huma kompletament awtorizzati biex jesportaw prodotti li joriġinaw mill-annimali lejn l-Unjoni. Għaldaqstant, huwa opportun li jiġu stabbiliti ċerti derogi għar-rekwiżiti tas-saħħa għall-importazzjoni attwali sabiex tkun awtorizzata l-introduzzjoni ta' dawn il-prodotti esklussivament għall-fini tal-użu tagħhom fl-“EXPO Milano 2015”.

(3)

Fir-rigward tal-aspetti tas-saħħa tal-annimali, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jagħtu lok għal riskju ta' introduzzjoni ta' mard tal-annimali fl-Unjoni, bħal-laħam frisk u l-prodotti tal-laħam, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib u prodotti oħra li joriġinaw mill-annimali, iridu jiġu importati fl-Unjoni biss jekk il-garanziji rilevanti kollha tas-saħħa tal-annimali stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-importazzjoni jiġu sodisfatti. L-istess japplika għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali fi tranżitu mill-Unjoni sakemm jiġu trasportati f'pajjiż terz. Biex jiġu awtorizzati l-importazzjoni jew it-tranżitu mill-Unjoni, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom joriġinaw minn pajjiżi terzi elenkati speċifikament fil-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa tal-annimali rilevanti għall-importazzjoni u jkunu għaddew mit-trattamenti speċifiċi stipulati fit-tali leġiżlazzjoni.

(4)

Għaldaqstant, biex jiġi protett l-istatus tas-saħħa tal-annimali tal-Unjoni, huma biss il-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Unjoni għas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni jew ir-rekwiżiti ta' tranżitu li għandhom ikunu awtorizzati li jidħlu fl-Unjoni għall-fini tal-użu tagħhom fl-“EXPO Milano 2015”.

(5)

Meta wieħed iqis ir-riskji li tinvolvi l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li mhumiex konformi mar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika tal-Unjoni u, fl-istess ħin, il-bżonn li tiġi protetta s-saħħa pubblika, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li dawk il-prodotti jkunu konformi mar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika tal-pajjiż terz tal-oriġini u li jkunu tajbin għall-konsum uman f'dak il-pajjiż. Dan jirriżulta fl-istess riskji li vjaġġaturi mill-Unjoni jiffaċċjaw waqt li jivvjaġġaw u li jikkunsmaw dawn il-prodotti fil-pajjiż terz rilevanti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti Taljani taw garanziji maħsuba biex jiġi evitat li r-riskji msemmija hawn fuq jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv is-saħħa tal-bniedem fl-Unjoni.

(6)

Għaldaqstant, l-awtoritajiet Taljani għandhom jiżguraw li l-ebda wieħed mill-prodotti mhux konformi ma jiġi kkunsmat u mqiegħed fis-suq barra l-“EXPO Milano 2015”.

(7)

Meta jitqiesu r-riskji importanti għas-saħħa pubblika marbuta ma' molluski bivalvi, l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' molluski bivalvi f'kull forma destinati għall-“EXPO Milano 2015” għandha tkun permessa biss jekk dawk il-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni, dawn il-prodotti għandhom jiġu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(8)

Meta jitqiesu r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali rrappreżentati minn prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi terzi li għalihom ġew jew se jiġu adottati miżuri ta' protezzjoni jew ta' ħarsien speċjali minħabba t-tħassib dwar is-saħħa pubblika u tal-annimali f'konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE (4), huwa xieraq li dawk il-prodotti jiġu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(9)

Sabiex jitnaqqsu r-riskji marbuta mal-introduzzjoni fl-Unjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali, li ma jissodisfawx kull rekwiżit tas-saħħa pubblika u tal-annimali tal-Unjoni, dawk il-prodotti għandhom ikunu soġġetti għal miżuri stretti ta' kontroll u jkunu traċċabbli fl-istadji kollha ta' trasport, ħżin, twassil u rimi tal-fdal tagħhom jew skart u jintużaw biss għall-finjiet tal- “EXPO Milano 2015”, u b'hekk tkun imwaqqfa l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fl-Unjoni.

(10)

Biex jippermettu li dawk il-prodotti jkunu jistgħu jidħlu fl-Unjoni u fl-istess ħin jiġi evitat it-tqegħid tagħhom fis-suq tal-Unjoni, dawn għandhom jitqiegħdu taħt il-proċedura ta' importazzjoni temporanja skont l-Artikolu 576(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (5) sakemm dawn jiġu kkunsmati fuq il-post fl-“EXPO Milano 2015” jew sakemm kull fdal ta' dawn il-prodotti jintrema f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) bħala materjal tal-Kategorija 1 jew jiġu esportati mill-ġdid. Fejn meħtieġ, qabel ma jitqiegħdu taħt il-proċedura ta' importazzjoni temporanja, dawn il-prodotti għandhom jitqiegħdu taħt il-proċedura ta' tranżitu estern imsemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (7) mill-punt fejn dawn ikunu daħlu fl-Unjoni lejn l-Italja. Il-konsum jew il-qerda ta' dawn il-prodotti għandhom jitqesu bħala esportazzjoni mill-ġdid f'konformità mal-Artikolu 582(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

(11)

Barra minn hekk, biex ikun żgurat li dawk il-prodotti li ma jikkonformawx ma jitqiegħdux fis-suq tal-Unjoni, dawn għandhom jiġu ttrasportati direttament lejn l-“EXPO Milano 2015” jew, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet loġistiċi, lejn imħażen doganali approvati speċifikament kif stipulat fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 97/78/KE għall-ħażna intermedja qabel il-kunsinna aħħarija tagħhom għall-“EXPO Milano 2015”.

(12)

Sabiex tiġi żgurata t-traċċabilità tal-prodotti mhux konformi li joriġinaw mill-annimali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw is-sistema kompjuterizzata veterinarja integrata (TRACES) introdotta bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE (8) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “is-Sistema TRACES”) għar-reġistrazzjoni tad-dejta rilevanti li tikkonċerna l-prodotti mill-mument tal-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni sakemm jiġu kkunsmati fis-sit tal-“EXPO Milano 2015” jew mormija wara tmiem l-avveniment.

(13)

Sabiex jgħarrfu lill-viżitaturi u l-persunal tal-“EXPO Milano 2015” bir-riskju possibbli mill-konsum ta' kwalunkwe prodott li ma jikkonformax u biex jiżguraw li dawk il-prodotti ma jiġux ikkunsmati u mqiegħda fis-suq barra l-“EXPO Milano 2015” minħabba r-riskju li jistgħu jippreżentaw għas-saħħa pubblika, l-awtoritajiet Taljani għandhom jipprovdu informazzjoni li ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali li joriġinaw minn pajjiżi terzi ma jikkonformawx mal-istandards ta' saħħa pubblika tal-Unjoni iżda jikkonformaw biss mal-istandards tal-pajjiżi terzi rilevanti tal-oriġini u li l-konsum u l-bejgħ ta' dawk il-prodotti huwa projbit barra mis-sit tal-fiera “EXPO Milano 2015”.

(14)

Peress li l-“EXPO Milano 2015” se tkun avveniment temporanju, id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għal perjodu limitat ta' żmien.

(15)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistipula deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar regoli tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika li jirregolaw l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali jew ikel li jkun fih dawk il-prodotti fl-Unjoni u li jkunu ddestinati għas-sit tal-fiera “EXPO Milano 2015” kif deskritt fil-punt 1 tal-Anness I (“Is-sit tal-fiera tal-EXPO Milano 2015”).

Dan ir-Regolament ma japplikax għall-molluski bivalvi msemmija fil-punt 2.1. tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jew għall-ikel li ġej minn dawn l-annimali.

Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta' salvagwardja adottati f'konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/78/KE u fis-seħħ matul il-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Rekwiżiti għall-prodotti maħsuba għas-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-introduzzjoni ta' kunsinni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali jew ikel li jkun fih dawk il-prodotti minn pajjiżi terzi jew stabbilimenti li minnhom l-importazzjoni ta' dawk il-prodotti jew ikel li jkun fih dawk il-prodotti lejn l-Unjoni ma tkunx permessa skont il-liġi tal-Unjoni, għall-fini tal-użu tagħhom fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015” biss u jekk:

(a)

ikunu ġejjin minn pajjiż terz li jkun se jieħu sehem uffiċjalment fl-“EXPO Milano 2015” u huma maħsuba għall-istand ta' dak il-pajjiż terz fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”; u

(b)

ikunu ppakkjati f'kontenituri ssiġillati jew pakketti li ma jippermettu l-ebda ħruġ tal-kontenut u jkunu mmarkati bil-kliem “għad-destinazzjoni esklużiva EXPO Milano 2015” bl-aħmar u l-abjad f'daqs li jinqara, proporzjonat mad-dimensjoni ta' dawk il-kontenituri jew il-pakketti; kif ukoll

(c)

jekk ikunu elenkati fl-Anness II u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

ikunu awtorizzati għat-tranżitu mill-Unjoni f'konformità mar-rekwiżiti għat-tranżitu mill-Unjoni stabbiliti fl-atti legali msemmija fl-Anness II għal kull prodott li għandu japplika b'analoġija,

(ii)

ikunu akkumpanjati miċ-ċertifikat veterinarju għat-tranżitu jew il-ħażna stabbilit fid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Anness II għal kull prodott elenkat li għandu japplika b'analoġija,

(iii)

ikunu akkumpanjati miċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness III,

(iv)

ikunu mqiegħda taħt il-proċedura ta' importazzjoni temporanja skont l-Artikolu 576(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93,

(v)

meta huma maħsuba biex jiġu mċaqalqa minn post ta' spezzjoni fil-fruntiera, li huwa elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE (9) jew fi kwalunkwe ftehim rilevanti bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi, barra mill-Italja lejn l-Italja, dawn jitqiegħdu għal dak il-għan, taħt il-proċedura ta' tranżitu estern imsemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 qabel jitqiegħdu taħt il-proċedura ta' importazzjoni temporanja skont l-Artikolu 576(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 fl-Italja;

(d)

jekk mhux elenkati fl-Anness II ikunu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

ikunu akkumpanjati miċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness III,

(ii)

jikkonformaw mal-kundizzjonijiet elenkati fil-punt (iv) u (v) tal-paragrafu (c) ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Dħul tal-prodotti

Il-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2 għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jiddaħħlu fl-Unjoni minn post tal-ispezzjoni tal-fruntiera elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/821/KE jew fi kwalunkwe ftehim rilevanti bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi, u

(b)

jiġu notifikati lill-post ta' spezzjoni fil-fruntieri tad-dħul minn tal-inqas jumejn ta' xogħol qabel il-wasla tagħhom.

Artikolu 4

Kompiti tal-post tal-ispezzjoni tal-fruntiera tad-dħul u tal-awtoritajiet tad-dwana kompetenti

1.   Il-post tal-ispezzjoni tal-fruntiera tad-dħul għandu:

(a)

iwettaq verifika tad-dokumenti u tal-identità kif stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 97/78/KE;

(b)

jivverifika jekk il-kunsinni tal-prodotti msemmija fl- Artikolu 2 li joriġinaw minn wieħed mill-pajjiżi terzi li jkunu qed jieħdu sehem fl-“EXPO Milano 2015” huwa maħsub għall-istand tal-fiera ta' dak il-pajjiż terz fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”; u

(c)

joħroġ Dokument Veterinarju Komuni għad-Dħul (CVED) bis-sistema TRACES, destinat għall-unità veterinarja lokali ta' TRACES Milano Città IT03603 imsemmija fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2009/821/KE (“unità veterinarja lokali Milano Città IT03603”) jew, f'każ li l-prodotti l-ewwel jintbagħtu lejn maħżen tad-dwana msemmi fil-punt 2 tal-Anness I, lejn l-unità ta' TRACES responsabbli mill-maħżen tad-dwana rilevanti;

(d)

jiżgura li l-kunsinni jintbagħtu direttament lejn is-sit tal-fiera tal-“EXPO Mialno 2015” jew lejn maħżen tad-dwana msemmi fil-punt 2 tal-Anness I;

(e)

jippermetti t-tranżitu tal-kunsinni mhux koperti bl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE (10) sakemm dawn jintbagħtu direttament lejn is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015” jew lejn maħżen doganali msemmi fil-punt 2 tal-Anness I;

(f)

jiċħad jew jeqred il-prodotti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2.

2.   Il-post ta' spezzjoni fil-fruntiera tad-dħul u l-awtoritajiet doganali kompetenti għandhom jiżguraw li:

(a)

il-prodotti jitqiegħdu taħt il-proċedura ta' importazzjoni temporanja f'konformità mal-Artikolu 576(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 sakemm jiġu kkonsmati fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015” jew jiġu meqruda kif stipulat fil-punti 10 u 11 tal-Artikolu 7;

(b)

fejn meħtieġ, il-prodotti jiġu mċaqalqa taħt il-proċedura ta' tranżitu estern imsemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 mill-punt fejn dawn daħlu fl-Unjoni lejn l-Italja qabel ma jitqiegħdu taħt importazzjoni temporanja.

Artikolu 5

Kompiti tal-postijiet ta' spezzjoni tal-fruntiera responsabbli mill-imħażen tad-dwana msemmija fl-Anness I

Meta l-kunsinni jkunu ntbagħtu lejn maħżen tad-dwana msemmi fil-punt 2 tal-Anness I, il-postijiet ta' spezzjoni tal-fruntiera responsabbli mill-imħażen tad-dwana għandhom:

(a)

jiżguraw li l-kunsinni jintbagħtu mill-maħżen tad-dwana msemmi fl-Anness I direttament lejn is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”;

(b)

jiżguraw li l-kunsinni jiġu trasportati lejn s-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015” taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti f'vetturi jew kontenituri ssiġillati minn dawk l-awtoritajiet;

(c)

jiżguraw li l-veterinarju uffiċjali fil-maħżen tad-dwana jinforma lill-unità veterinarja lokali Milano Città IT03603 fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”, permezz ta' TRACES tal-wasla pjanata tal-kunsinna fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”;

(d)

jieħdu nota ta' u jirreġistraw l-informazzjoni riċevuta permezz ta' TRACES dwar il-wasla tal-kunsinna mill-unità veterinarja lokali Milano Città IT03603 fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”;

(e)

jirreġistraw id-dejta msemmija fil-punt A tal-Anness IV fir-rigward tal-kunsinna mibgħuta lejn is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”.

Artikolu 6

Kompiti tal-unità veterinarja lokali Milano Città IT03603 fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”

L-unità veterinarja lokali Milano Città IT03603 fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015” għandha:

(a)

twettaq verifika dokumentarja u tal-identità fil-mument tal-wasla ta' kull kunsinna ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 2 fis-sit tal-fuera tal-“EXPO Milano 2015” u tivverifika l-integrità tas-siġilli u l-korrispondenza tal-kunsinni li jkunu waslu mal-informazzjoni fis-CVED fi TRACES;

(b)

tiżgura li l-kunsinna hija effettivament introdotta fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”;

(c)

tinforma lill-post ta' ispezzjoni fil-fruntiera tad-dħul jew lill-post ta' spezzjoni fil-fruntiera responsabbli mill-maħżen tad-dwana tad-dispaċċ permezz ta' TRACES bil-wasla tal-kunsinna fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015” u l-integrità ta' dik il-kunsinna;

(d)

tirreġistra d-dettalji msemmija fil-punt B tal-Anness IV li jikkonċernaw il-kunsinni rċevuti;

(e)

tiżgura li l-ikel jintuża biss għall-wiri u/jew biex wieħed iduqhom fuq il-post.

Artikolu 7

Kompiti tal-unità veterinarja lokali Milano Città IT03603 wara l-wasla tal-prodotti fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”

Ladarba l-kunsinni msemmija fl- Artikolu 2 jaslu fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”, l-unità veterinarja lokali Milano Città IT03603 għandha:

(1)

iżżomm ir-reġistru msemmi fl-Artikolu 6(d) aġġornat b'informazzjoni dwar l-użu tal-kunsinni;

(2)

tiżgura li l-kunsinni ma jirrappreżentawx alterazzjonijiet jew ħsarat evidenti li jistgħu jagħmluhom mhux tajbin għall-użu propost tagħhom;

(3)

tikkonfiska u teqred il-kunsinni li, għal xi raġuni, ma jistgħux jitqiesu bħala xierqa biex wieħed iduqhom fuq il-post;

(4)

tidentifika persuna fuq l-istand tal-fiera fejn se jiġu esposti l-prodotti li tkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fl-Artikolu 8(2);

(5)

tinforma lill-persuna responsabbli msemmija fil-punt 4 bl-obbligi stipulati fl-Artikolu 8(2);

(6)

tidentifika l-postijiet kollha fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”, fejn il-prodotti tal-kunsinna se jintwerew jew jintużaw biex wieħed iduqhom fuq il-post;

(7)

tiggarantixxi t-traċċabilità sħiħa tal-kunsinni fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”;

(8)

tiżgura li l-ikel jintuża biss għall-wiri u/jew biex wieħed iduqu fuq il-post;

(9)

tiżgura li l-ebda prodott ma jinbiegħ jew ikun magħmul disponibbli għal dawk li jkunu qed iżuru jew jaħdmu fl-“EXPO Milano 2015” jgħal finijiet oħra għajr għall-wiri jew biex wieħed iduqu fuq il-post;

(10)

tiżgura li l-kunsinni kollha jew partijiet minnhom li ma jkunux użati għall-wiri jew biex wieħed iduqhom fuq il-post jinġabru u jintremew bħala materjal tal-kategorija 1 f'konformità mal-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 jew jiġu esportati mill-ġdid lejn pajjiż terz sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2015;

(11)

tiżgura li l-kontenituri speċjali li fihom il-kunsinni jew partijiet minnhom imsemmija fil-punt 10 ikunu jistgħu jħallu s-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015” biss jekk ikunu ssiġillati ermetikament u destinati għall-post ta' destinazzjoni fejn il-materjal jintrema skont il-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 jew jiġu esportati mill-ġdid lejn pajjiż terz sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2015;

(12)

fi tmiem l-“EXPO Milano 2015” u sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2015, tinforma lill-awtoritajiet tad-dwana kompetenti dwar il-konsum jew ir-rimi tal-prodotti.

Artikolu 8

Obbligi tal-EXPO 2015 S.p.A. u l-esebituri tal-“EXPO Milano 2015”

1.   L-EXPO 2015 S.p.A. għandha:

(a)

tidentifika l-esebituri kollha preżenti fl-“EXPO Milano 2015” u l-awtoritajiet kompetenti lokali jkollhom aċċess għal-listi aġġornati ta' dawk l-esebituri;

(b)

tidentifika għal kull esebitur persuna responsabbli mill-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-paragrafu 2;

(c)

tipprovdi appoġġ loġistiku għat-trasport tal-prodotti koperti b'dan ir-Regolament lil strutturi fejn dawn jistgħu jiġu ttrattati kif stipulat fil-punti 10 u 11 tal-Artikolu 7.

2.   L-esebituri tal-“EXPO Milano 2015” għandhom:

(a)

jagħtu appoġġ loġistiku lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-ħażna tal-prodotti msemmija fl- Artikolu 2;

(b)

jiżguraw li l-użu tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2 ikun limitat għall-wiri jew biex wieħed iduqhom fuq il-post;

(c)

jipprovdu fuq talba u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti, spazji separati u mezzi xierqa ddedikati għall-ħażna tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2 li ma jintużawx għall-wiri jew biex wieħed iduqhom fuq il-post;

(d)

jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bi kwalunkwe nuqqas ta' konformità jew kwalunkwe nuqqas ta' konformità possibiliment imminenti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati f'dan il-paragrafu;

(e)

jiżguraw li kwalunkwe prodott imsemmi fl-Artikolu 2 li ma jintużax għall-wiri jew biex wieħed iduqu fuq il-post ikun rreġistrat u mormi kif stipulat fil-punti 10 u 11 tal-Artikolu 7.

Artikolu 9

Informazzjoni għall-viżitaturi u għall-persunal tal-“EXPO Milano 2015”

1.   L-awtorità kompetenti Taljana għandha tiżgura li tal-anqas l-informazzjoni li ġejja għandha tintwera kemm għall-viżitaturi kif ukoll għall-persunal tal-“EXPO Milano 2015” fil-lokalitajiet tal-“EXPO Milano 2015” meta l-prodotti msemmija fl-Artikolu 2 jingħataw lill-pubbliku jew jintużaw biex jitħejja l-ikel li jkun se jingħata lill-pubbliku:

“Dan l-ikel fih prodotti li joriġinaw minn annimali li ġejjin minn pajjiżi barra l-UE u jikkonforma biss mal-istandards tas-saħħa pubblika ta' dawk il-pajjiżi. Il-konsum u d-distribuzzjoni ta' dawn il-prodotti huma projbiti barra s-sit tal-fiera tal-‘EXPO Milano 2015’.”

2.   L-EXPO 2015 S.p.A. tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti Taljani l-għodod u l-ispazji meħtieġa għall-wiri tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Marzu 2015 sal-31 ta' Ottubru 2015.

Madanakollu, il-punti 10 u 11 tal-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1)(c) u 8(2)(a) u (e) għandhom jibqgħu japplikaw sakemm il-prodotti kollha, jew partijiet minnhom, imsemmija fl-Artikolu 2 introdotti skont dan ir-Regolament ikunu ntremew f'konformità ma' dawk l-Artikoli sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(3)  ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni 2004/292/KE tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces u li temenda d-Deċiżjoni 92/486/KEE (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE tat-28 ta' Settembru 2009 dwar it-tfassil ta' lista approvata ta' postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera, li tistabbilixxi ċerti regoli dwar l-ispezzjonijiet mwettqa mill-esperti veternarji tal-Kummissjoni u tistabbilixxi l-unitajiet veterinarji fi TRACES (ĠU L 296, 12.11.2009, p. 1).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE tas-16 ta' Marzu 2011 dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet sottomessi mill-pajjiżi terzi skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE (ĠU L 70, 17.3.2011, p. 40).


ANNESS I

(1)   Is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”

Is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015” (TRACES LVU: Milano Città IT03603)

(2)   Imħażen tad-dwana awtorizzati

L-imħażen tad-dwana awtorizzati skont l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 97/78/KE mill-awtoritajiet kompetenti Taljani u ppubblikati fis-sit uffiċjali tal-Ministeru tas-Saħħa Taljan:

http://www.salute.gov.it


ANNESS II

Lista ta' prodotti u dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 2(c)

Deskrizzjoni tal-prodotti (1)

L-atti legali tal-Unjoni inklużi r-rekwiżiti għal tranżitu li għandhom jiġu applikati u l-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji rilevanti li għandhom jintużaw

Laħam

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (2) inkluż il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness III tiegħu

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 (3) inkluż il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness XI tiegħu

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/2009 (4) inkluż il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness III tiegħu

Preparazzjonijiet tal-laħam

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2000/572/KE (5) inkluż il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness III tagħha

Prodotti tal-laħam

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2007/777/KE (6) inkluż il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness IV tagħha

Ħalib u prodotti tal-ħalib

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 (7) inkluż il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fil-Parti 3 tal-Anness II tiegħu

Prodotti komposti

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 28/2012 (8) inkluż il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness II tiegħu

Bajd, prodotti tal-bajd

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 inkluż il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness XI tiegħu

Prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-akkwakultura

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 (9) inkluż il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Appendiċi IV u l-Anness VI tiegħu


(1)  Il-prodotti msemmija fl-ewwel kolonna tat-tabella jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-atti tal-Unjoni korrispondenti mniżżla fit-tieni kolonna.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta' Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kompartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta' tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/2009 tad-9 ta' Frar 2009 li jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi jew ta' partijiet minnhom, għall-importazzjoni fil-Komunità, jew għat-tranżitu minnha, ta' laħam ta' leporidae selvaġġi, ta' ċerti mammali tal-art selvaġġi u ta' fniek imrobbija fl-irziezet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 39, 10.2.2009, p. 12).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/572/KE tat-8 ta' Settembru 2000 li tfassal kundizzjonijiet dwar annimali u saħħa pubblika u ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjoni ta' kapuljat u preparazzjonijiet ta' laħam minn pajjiżi terzi (ĠU L 240, 23.9.2000, p. 19).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta' Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE (ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta' Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet ta' saħħa tal-annimali u ta' saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 28/2012 tal-11 ta' Jannar 2012 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni tal-importazzjoni għall-Unjoni u tat-tranżitu minn ġol-Unjoni ta' ċerti prodotti komposti u li jemenda d-Deċiżjoni 2007/275/KE u r-Regolament (KE) Nru 1162/2009 (ĠU L 12, 14.1.2012, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għal ċerti prodotti taħt ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 27).


ANNESS III

Mudell taċ-ċertifikat għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali jew ikel li fih dawk il-prodotti maħsuba għall-kunsinni għall-“EXPO Milano 2015”

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS IV

Id-dejta msemmija fl-Artikoli 5(e) u 6(d) u fil-punt 1 tal-Artikolu 7

A.   Dejta li għandha tiġi rreġistrata fl-imħażen tad-dwana f'konformità mal-Artikolu 5(e) mill-post tal-ispezzjoni fil-fruntiera responsabbli

Id-dejta li ġejja għandha tiġi reġistrata f'konformità mal-Artikolu 5(e):

(1)

Data tal-wasla fil-maħżen tad-dwana;

(2)

Deskrizzjoni tal-prodotti;

(3)

Kwantità;

(4)

Pajjiż terz ta' oriġini;

(5)

Post tal-Ispezzjoni fil-Fruntiera (BIP) tal-UE tad-dħul;

(6)

Numru tad-Dokument Veterinarju Komuni għad-Dħul (CVED) iġġenerat minn TRACES u maħruġ fil-BIP tad-dħul;

(7)

Numru tas-siġill magħmul mill-awtoritajiet tas-saħħa tal-pajjiż terz ta' oriġini (Artikolu 2(b)) u rrappurtat fiċ-ċertifikat speċifiku tas-saħħa li jakkumpanja l-kunsinni kif stabbilit fl-Anness III ta' dan ir-Regolament;

(8)

Numru tad-dokument ta' trasport doganali li taħtu l-kunsinni huma trasportati mill-BIP tad-dħul lejn il-maħżen tad-dwana awtorizzat;

(9)

Dettalji ta' kuntatt tal-persuna responsabbli mill-kunsinna;

(10)

Data tal-ħruġ tal-kunsinna/parti mill-kunsinna mill-imħażen tad-dwana awtorizzati lejn is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”;

(11)

Numru tad-dokument tat-trasport tad-dwana tal-kunsinna/parti mill-kunsinna li ntbagħtet mill-imħażen tad-dwana awtorizzati lejn is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”;

(12)

Natura tal-kunsinna/parti mill-kunsinna li ntbagħtet mill-imħażen tad-dwana awtorizzati lejn is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”;

(13)

Kwantità tal-kunsinna/parti mill-kunsinna li ntbagħtet mill-imħażen tad-dwana awtorizzati lejn is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”;

(14)

Numru tas-CVED maħruġ għall-kunsinna/parti mill-kunsinna li ntbagħtet mill-imħażen tad-dwana awtorizzati lejn is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”.

B.   Dejta li għandha tiġi rreġistrata fl-istrutturi interni tal-“EXPO Milano 2015” f'konformità mal-Artikolu 6(d) u l-punt 1 tal-Artikolu 7

Id-dejta li ġejja għandha tiġi reġistrata f'konformità mal-Artikolu 6(d) u l-punt 1 tal-Artikolu 7:

(1)

Data tal-wasla fis-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015”;

(2)

Deskrizzjoni tal-prodotti;

(3)

Kwantità;

(4)

Pajjiż terz ta' oriġini;

(5)

Post tal-Ispezzjoni fil-Fruntieri (BIP) tal-UE tad-dħul jew l-imħażen doganali awtorizzati li minnhom il-prodotti jkunu mibgħuta lejn is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015” (jekk applikabbli);

(6)

Numru tad-Dokument Veterinarju Komuni għad-Dħul (CVED) iġġenerat minn TRACES u maħruġ mill-BIP tad-dħul jew in-numru ta' CVED ġdid maħruġ mill-imħażen tad-dwana awtorizzati għall-kunsinna mibgħuta lejn is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015” (jekk applikabbli);

(7)

Numru tad-dokument tat-trasport tad-dwana tal-kunsinna/parti mill-kunsinna mibgħuta lejn is-sit tal-fiera tal-“EXPO Milano 2015” mill-BIP tad-dħul jew mill-imħażen tad-dwana awtorizzati;

(8)

Numru tas-siġill magħmul mill-awtoritajiet tas-saħħa u tad-dwana tal-BIP tad-dħul jew mill-awtoritajiet tas-saħħa u tad-dwana tal-BIP kompetenti għall-imħażen tad-dwana awtorizzati (jekk applikabbli);

(9)

Kwantità ta' prodotti tal-kunsinna diġà użati għall-finijiet tal-“EXPO Milano 2015” (jiġifieri l-wiri jew li wieħed iduq fuq il-post);

(10)

Kwantità li jkun fadal li tkun għada ma ntużatx.


Top