EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0244

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/244 tas- 16 ta' Frar 2015 dwar l-awtorizzazzjoni tal-Isfar tal-Kinolina bħala addittiv fl-għalf ta' annimali li ma jintużawx fil-produzzjoni tal-ikel Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 41, 17.2.2015, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/244/oj

17.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 41/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/244

tas-16 ta' Frar 2015

dwar l-awtorizzazzjoni tal-Isfar tal-Kinolina bħala addittiv fl-għalf ta' annimali li ma jintużawx fil-produzzjoni tal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta' addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament jipprevedi l-valutazzjoni mill-ġdid ta' addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

L-Isfar tal-Kinolina kien awtorizzat mingħajr skadenza taż-żmien skont id-Direttiva 70/524/KEE, bħala parti mill-grupp ta' “Koloranti”, bħala addittiv tal-għalf ma' għadd ta' oġġetti tal-għalf għall-annimali li ma jintużawx fil-produzzjoni tal-ikel. Sossegwentement dan il-prodott iddaħħal fir-Reġistru tal-addittivi fl-għalf, stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament KE Nru 1831/2003, bħala prodott eżistenti, bi qbil mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

B'konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, u bi qbil ma' dan l-Artikolu, tressqet applikazzjoni għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-Isfar tal-Kinola bħala addittiv fl-għalf għall-annimali li ma jintużawx fil-produzzjoni tal-ikel, u bi qbil mal-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament, l-applikant talab li dan l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-“addittivi sensorji”. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata bid-dettalji u bid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tal-10 ta' Lulju 2013, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti, l-Isfar tal-Kinolina ma jħallix effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-annimali u tal-bniedem jew fuq l-ambjent. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li meta titqies l-evidenza mressqa mill-applikant, ma tistax tiġi evalwata l-effikaċja tal-Isfar tal-Kinolina fejn għandhom x'jaqsmu d-doża u t-tip ta' oġġetti tal-għalf u kif dawn għandhom ikunu pproċessati. Iżda l-Awtorità qalet ukoll li fil-każ ta' dan l-addittiv, li huwa awtorizzat li jintuża fl-ikel, fejn il-funzjoni tiegħu fl-għalf hija l-istess bħal dik fl-ikel, jista' jkun li ma hemmx bżonn iżjed provi tal-effikaċja tiegħu. Billi l-livell massimu rakkomandat ta' dan l-addittiv propost mill-Awtorità huwa simili għal-livelli li huma awtorizzati għall-ikel f'tipi differenti ta' prodotti, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li hemm biżżejjed provi tal-effikaċja ta' din is-sustanza. L-Awtorità mhijiex tal-fehma li jinħtieġu rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ wara l-kummerċjalizzazzjoni. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi tal-addittivi fl-għalf imressaq mil-Laboratorju ta' Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni tal-Isfar tal-Kinolina turi li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif jistipula l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, l-użu ta' din is-sustanza għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(6)

Billi mhijiex meħtieġa minnufih l-applikazzjoni ta' tibdiliet fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni minħabba raġunijiet ta' sikurezza, jixraq li jingħata perjodu tranżitorju biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sustanza speċifikatat fl-Anness, tal-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorji” u tal-grupp funzjonali “koloranti: sustanzi li jżidu jew ireġġgħu l-kulur fl-oġġetti tal-għalf”, hija awtorizzata bħala addittiv fl-għalf tal-annimali suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Is-sustanza speċifikata fl-Anness u l-għalf li jkun fih dik is-sustanza, li jiġu magħmula u tikkettati qabel id-9 ta' Marzu 2017 skont ir-regoli applikabbli qabel id-9 ta' Marzu 2015 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta' Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f'għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).


ANNESS

In-numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta' awtorizzazzjoni

mg ta' sustanza attiva/kg ta' għalf sħiħ b'kontenut ta' umdità ta' 12 %.

Kategorija ta' addittivi sensorji. Grupp funzjonali: Koloranti. (i) sustanzi li jżidu jew jagħtu lura l-kulur fil-prodotti tal-ikel;

2a104

Isfar tal-Kinolina

Kompożizzjoni tal-addittiv

Isfar tal-Kinolina

L-Isfar tal-Kinolina huwa deskritt bħala melħ tas-sodju (il-komponent ewlieni)

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Il-perċentwali tal-komponenti tal-Isfar tal-Kinolina huma:

2-(2-kinolil) indan-1,3-dione-disulfonati: ≥ 80 %;

2-(2-kinolil) indan-1,3-dione-monosulfonati: ≤ 11 %;

2-(2-kinolil) indan-1,3-dione-trisulfonati: ≤ 7 %.

Formula kimika: C18H9N Na2O8S2 (melħ tas-sodju)

Nru CAS: 8004-92-0 (komponent ewlieni)

Isfar tal-Kinolina f'forma solida, magħmul b'sinteżi kimika

Kriterji ta' purità:

 

Sustanza li tagħti l-kulur li ≥ 70 % minnha huma espressi bħala melħ tas-sodju

 

Imluħa tal-kalċju u tal-potassju ≤ 30 %

Metodi analitiċi  (1)

Għall-kwantifikazzjoni tat-total tal-kontenut tas-sustanzi koloranti tal-Isfar tal-Kinolina fl-addittiv tal-għalf u fl-għalf: spettrofotometrija fi 411 nm (il-monografiji FAO JECFA Nru. 1, Vol. 4).

Annimali li ma jintużawx fil-produzzjoni tal-ikel

25

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlita lesta, indika l-kundizzjonijiet tal-ħażna u tal-istabbiltà.

2.

Għas-sikurezza: waqt l-użu għandhom jintlibsu l-protezzjoni għan-nifs, in-nuċċalijiet u l-ingwanti tas-sikurezza.

Id-9 ta' Marzu 2025


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz li ġej tal-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


Top