Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0232

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/232 tat- 13 ta' Frar 2015 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva komposti tar-ram Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 39, 14.2.2015, pp. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/232/oj

14.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/232

tat-13 ta' Frar 2015

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva komposti tar-ram

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/37/KE (2) inkludiet fiha l-komposti tar-ram bħala sustanza attiva f'Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3), bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw li n-notifikatur, li fuq talba tiegħu ġew inklużi fl-Anness il-komposti tar-ram jipprovdi aktar informazzjoni ta' konferma dwar ir-riskju minn inalazzjoni u dwar il-valutazzjoni tar-riskju għal organiżmi mhux fil-mira u għall-ħamrija u l-ilma.

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu bħala approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u jinsabu elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

In-notifikatur issottometta l-informazzjoni addizzjonali f'forma ta' studji dwar ir-riskju minn inalazzjoni u dwar il-valutazzjoni tar-riskju għal organiżmi mhux fil-mira u għall-ħamrija u l-ilma lill-Istat Membru relatur Franza fil-perjodu ta' żmien previst għat-tressiq tagħha.

(4)

Franza vvalutat l-informazzjoni addizzjonali mressqa min-notifikatur. Hija ressqet il-valutazzjoni tagħha, fil-forma ta' addendum tal-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala “l-Awtorità”, fit-8 ta' Ġunju 2012.

(5)

Il-Kummissjoni kkonsultat l-Awtorità li ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-komposti tar-ram fit-22 ta' Mejju 2013 (5).

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikatur biex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-rapport tar-reviżjoni għall-komposti tar-ram.

(7)

Fid-dawl tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta min-notifikatur, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni addizzjonali ta' konferma ma ġietx ipprovduta bis-sħiħ, u li, b'mod partikolari, id-dispożizzjoni speċifika tar-ringiela 277 tal-parti A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 540/2011 dwar programmi ta' monitoraġġ għall-kontaminazzjoni bir-ram, mhijiex biżżejjed biex tintlaħaq konklużjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali.

(8)

Huwa kkonfermat li s-sustanza attiva komposti tar-ram għandha titqies bħala approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. B'mod partikolari, huwa xieraq li jkun meħtieġ li n-notifikatur iressaq quddiem il-Kummissjoni, l-Awtorità u l-Istati Membri, programm ta' monitoraġġ għal żoni fejn il-kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-ilma (inklużi d-depożiti) bir-ram hija raġuni għal tħassib jew tista' ssir raġuni għal tħassib, sabiex jiġi verifikat jekk humiex meħtieġa aktar limitazzjonijiet tal-użu bl-għan li jiġu evitati kwalunkwe effetti ambjentali mhux aċċettabbli. Ir-riżultati ta' dak il-programm ta' monitoraġġ għandhom ukoll jiġu ppreżentati.

(9)

Il-livelli massimi għal ċertu metalli tqal, kif stabbiliti fir-ringiela 277 tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 540/2011 ġew stabbiliti, bi żball, b'unità ta' kejl żbaljata meta mqabbel ma' dawk li ġew stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet rispettivi tal-FAO. Għalhekk, il-livell massimu stabbilit fl-Anness għal dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni għandu jiġi kkoreġut.

(10)

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

(11)

L-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien biex jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-komposti tar-ram.

(12)

Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-komposti tar-ram, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta' grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard minn tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(13)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

Fejn hu meħtieġ, l-Istati Membri għandhom, b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-komposti tar-ram bħala sustanza attiva sas-6 ta' Settembru 2015.

Artikolu 3

Perjodu ta' grazzja

Kwalunkwe perjodu ta' grazzja mogħti minn Stati Membri b'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mis-6 ta' Settembru 2016.

Artikolu 4

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/37/KE tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex jiġu inklużi bħala sustanzi attivi l-klormekwat, il-komposti tar-ram, il-propakwiżafop, il-kwiżalofop-P, it-teflubenżuron u ż-żeta-ċipermetrin (ĠU L 104, 24.4.2009, p. 23).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(5)  Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju bħala pestiċida tad-dejta ta' konferma ppreżentata għas-sustanza attiva Ram (I), varjanti tar-ram (II) jiġifieri idrossidu tar-ram, ossiklorur tar-ram, sulfat tar-ram tribażiku, ossidu tar-ram (I), taħlita Bordeaux. EFSA Journal 2013;11(6):3235, 40 pp. doi:10.2903/j.efsa.2013.3235. Disponibbli onlajn fuq: www.efsa.europa.eu/efsajournal.htm.


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela 277 dwar is-sustanza attiva Komposti tar-Ram tinbidel b'dan li ġej:

Numru

Isem Komuni,

Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“277

Komposti tar-ram:

 

 

fl-1 ta' Diċembru 2009

fil-31 ta' Jannar 2018

PARTI A

L-użi bħala batteriċida u ta' fungiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

PARTI B

Waqt il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom ir-ram għall-użi għajr dawk tat-tadam fis-serer, l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-kriterji fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta kull data jew informazzjoni meħtieġa qabel ma tingħata awtorizzazzjoni bħal din.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-komposti tar-ram u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-23 ta' Jannar 2009.

F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

lill-ispecifikazzjoni tal-materjal tekniku kif manifatturat kummercjalment għandu jkun appoġġat b'dejta analitika xierqa. Il-materjal tat-test użat fil-fajls tat-tossiċità għandu jiġi mqabbel u vverifikat ma' din l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku;

lis-sikurezza tal-operaturi u l-ħaddiema u jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jippreskrivu l-applikazzjoni ta' tagħmir xieraq ta' protezzjoni personali fejn xieraq;

lill-protezzjoni tal-ilma u tal-organiżmi mhux fil-mira. B'rabta ma' dawn ir-riskji identifikati, il-miżuri għat-taffija tar-riskju, bħalma huma ż-żoni ta' paraventu, għandhom jiġu applikati fejn xieraq;

lill-ammont tas-sustanza attiva applikat, filwaqt li għandu jiġi żgurat li l-ammonti awtorizzati, f'termini ta' rati u għadd ta' applikazzjonijiet, huma l-minimu meħtieġ biex jitwettqu l-effetti mixtieqa, u li dawn ma jikkawżaw l-ebda effett inaċettabbli fuq l-ambjent meta jitqiesu l-livelli ta' bażi ta' ram fis-sit ta' applikazzjoni.

In-notifikaturi għandhom jippreżentaw, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità u lill-Istati Membri, programm ta' monitoraġġ għaż-żoni vulnerabbli fejn il-kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma (inkluż tad-depożiti) bir-ram hija raġuni għal tħassib jew tista' ssir raġuni għal tħassib.

Dan il-programm ta' monitoraġġ għandu jiġi ppreżentat sal-31 ta' Lulju 2015. Ir-riżultati provviżorji ta' dak il-programm ta' monitoraġġ għandhom jintbagħtu bħala rapport provviżorju ta' monitoraġġ lill-Istat Membru relatur, lill-Kumissjoni u lill-Awtorità sal-31 ta' Diċembru 2016. Ir-riżultati finali għandhom jiġu ppreżentati sal-31 ta' Diċembru 2017.”

Idrossidu tar-ram

Nru tas-CAS 20427-59-2

Nru tas-CIPAC Nru 44.305

Idrossidu tar-ram (II)

≥ 573 g/kg

Ossikloridu tar-ram

Nru tas-CAS 1332-65-6 jew 1332-40-7

Nru tas-CIPAC Nru 44.602

Diklorur tar-ram triidrossidu

≥ 550 g/kg

Ossidu tar-ram

Nru tas-CAS 1317-39-1

Nru tas-CIPAC Nru 44.603

Ossidu tar-ram

≥ 820 g/kg

Taħlita bordeaux

Nru tas-CAS 8011-63-0

Nru tas-CIPAC Nru 44.604

Mhux allokat

≥ 245 g/kg

sulfat tar-ram tribażiku

Nru tas-CAS 12527-76-3

Nru tas-CIPAC Nru 44.306

Mhux allokat

≥ 490 g/kg

L-impuritajiet li ġejjin huma ta' preokkupazzjoni tossikoloġika u ma għandhomx jaqbżu l-livelli ta' hawn taħt (fi g/g):

 

Ċomb massimu 0,0005 g/g ta' kontenut ta' ram;

 

Ċomb massimu 0,0001 g/g ta' kontenut ta' ram;

 

Arseniku massimu 0,0001 g/g ta' kontenut ta' ram.


Top