Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0082

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 tal- 21 ta' Jannar 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u ta' rieżamijiet interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

ĠU L 15, 22.1.2015, pp. 8–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/04/2021: This act has been changed. Current consolidated version: 18/11/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/82/oj

22.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/82

tal-21 ta' Jannar 2015

li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u ta' rieżamijiet interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikoli 9(4), 11(2), (3) u (5) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni ta' antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1193/2008 (2), impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2918 14 00 u ex 2918 15 00 li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”) (“il-miżuri oriġinali”). Il-miżuri ħadu l-forma ta' dazju ad valorem li jvarja bejn 6,6 % u 42,7 %.

(2)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”), permezz tad-Deċiżjoni 2008/899/KE (3) aċċettat impenji fuq il-prezzijiet offruti minn sitt produtturi esportaturi Ċiniżi (inkluż grupp ta' produtturi esportaturi) flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tal-Importaturi u l-Esportaturi tal-Metalli, l-Minerali u l-Kimiki.

(3)

Il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2012/501/UE, (4) irtirat l-impenn offrut minn produttur esportatur wieħed, jiġifieri Laiwu Taihe Biochemistry Co. Ltd. (“Laiwu”).

1.2.   Talba għal rieżami ta' skadenza

(4)

Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' skadenza imminenti (5) tal-miżuri oriġinali, fit-2 ta' Awwissu 2013 il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza ta' dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. It-talba tressqet minn S.A. Citrique Belge u Jungbunzlauer Austria AG (“l-applikanti”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw 100 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-aċidu ċitriku.

(5)

It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għal kontinwazzjoni ta' dumping u għal rikorrenza ta' ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Talba għal rieżami interim parzjali

(6)

L-applikanti ressqu wkoll talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku b'kamp ta' applikazzjoni limitat sabiex jiġi eżaminat id-dumping tal-kumpanija Laiwu. L-applikanti pprovdew evidenza prima facie li turi li mill-aħħar perjodu ta' investigazzjoni Laiwu kellha żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni, u żiedet il-firxa ta' prodotti tagħha.

(7)

Peress li Laiwu ngħatat trattament tal-ekonomija tas-suq fl-investigazzjoni oriġinali, l-applikanti pprovdew kalkolu tal-marġni tad-dumping ibbażat fuq paragun bejn il-valur normali maħdum (spejjeż tal-manifattura, il-bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi u l-profitt) fir-RPĊ fin-nuqqas allegat ta' bejgħ domestiku rappreżentattiv u tal-prezz tal-esportazzjoni ta' Laiwu lejn l-Unjoni. Huwa indika li l-marġni tad-dumping jidher li huwa ogħla mil-livell attwali tal-miżuri. Għalhekk, l-applikanti allegaw li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri fil-livell eżistenti, li kienet ibbażata fuq il-livell ta' dumping stabbilit qabel, ma kinitx biżżejjed sabiex tpatti għall-effetti ta' ħsara tad-dumping L-applikanti, sostnew ukoll li Laiwu tista' ma tkunx aktar eliġibbli għal trattament tal-ekonomija tas-suq.

1.4.   Bidu ta' rieżami ta' skadenza u rieżamijiet interim

(8)

Fit-30 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni ta' antidumping fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-RPĊ (“il-pajjiż ikkonċernat”) u ppubblikat notifika ta' bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) (“in-notifika ta' bidu”). Il-bidu kien magħmul minn:

rieżami ta' skadenza mibdi fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku,

rieżami interim parzjali limitat għall-eżaminazzjoni ta' dumping ta' Laiwu, mibdi fuq il-bażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku,

rieżami interim parzjali limitat għall-eżaminazzjoni tal-forma tal-miżuri, mibdi fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, u

rieżami interim parzjali limitat għall-aspetti ta' ħsara, mibdi fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

1.5.   Il-partijiet interessati

(9)

Fin-notifika ta' bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-applikanti, lill-produtturi esportaturi magħrufa, lill-awtoritajiet Ċiniżi, l-importaturi u l-utenti magħrufa dwar il-bidu tar-rieżamijiet u stednithom sabiex jipparteċipaw. Fin-notifika ta' bidu, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li hija pprevediet lill-Kanada bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq (“pajjiż analogu”) skont it-tifsira tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-produtturi fil-Kanada dwar it-tnedija u stednithom sabiex jipparteċipaw.

(10)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkumentaw dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.6.   Kampjunar

(11)

Fin-notifika ta' bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista' tieħu kampjuni minn produtturi esportaturi u importaturi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.6.1.   Kampjunar tal-importaturi

(12)

Biex tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-notifika ta' bidu.

(13)

Sitt importaturi mhux relatati pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' tliet importaturi mhux relatati fuq il-bażi tal-akbar volum ta' importazzjonijiet fl-Unjoni. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, hija kkonsultat mal-importaturi kollha magħrufa kkonċernati dwar l-għażla tal-kampjun. Ħadd minnhom ma ssottometta kummenti.

1.6.2.   Il-kampjunar ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ

(14)

Sabiex tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni kollha speċifikata fin-notifika ta' bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-RPĊ għall-Unjoni Ewropea biex tidentifika u/jew tikkuntattja produtturi esportaturi oħra, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(15)

Disa' produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat, li tnejn minnhom huma relatati ma' xulxin, ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Fid-dawl tal-kumplessità tal-każ u l-istruttura tal-industrija kkonċernata, il-Kummissjoni ddeċidiet li t-teħid ta' kampjuni ma kienx meħtieġ. Ħadd mill-produtturi esportaturi ma kkummenta dwar il-kampjunar. Sebgħa mid-disa' produtturi esportaturi ssottomettew tweġibiet għall-kwestjonarju u tnejn irtiraw il-kooperazzjoni tagħhom.

1.7.   Formola ta' talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”)

(16)

Għall-finijiet tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bagħtet il-formola ta' talba għal TES lil Laiwu.

1.8.   Risposti għall-kwestjonarju

(17)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lis-seba' produtturi esportaturi li kkooperaw sabiex tevalwa l-probabilità ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' dumping. Is-seba' produtturi esportaturi wieġbu. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju separat lil Laiwu sabiex tevalwa n-natura permanenti taċ-ċirkostanzi mibdula fir-rigward tad-dumping. Il-kumpanija wieġbet.

1.9.   Żjarat ta' verifika

(18)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset bħala meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dumping, il-ħsara li tirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)   Produtturi tal-Unjoni

S.A. Citrique Belge N.V., Tienen, il-Belġju,

Jungbunzlauer Austria AG, Vjenna, l-Awstrija,

Jungbunzlauer Ladenburg GmbH, Ladenburg, il-Ġermanja;

(b)   Importaturi

Azelis S.A., Lussemburgu, il-Lussemburgu,

RFI Food Ingredients Handelsgesellschaft mbH, Düsseldorf, il-Ġermanja;

(c)   Utenti

Bristol-Myers Squibb France Sarl, Rueil Malmaison, Franza,

Procter & Gamble International Operations SA, Petit Lancy, l-Isvizzera,

Reckitt Benckiser (ENA) BV, Schiphol, il-Pajjiżi l-Baxxi;

(d)   Produtturi esportaturi fir-RPĊ

Cofco Biochemical (Anhui) Co., Ltd, Bengbu,

Laiwu Taihe Biochemistry Co Ltd, Laiwu,

RZBC Group, Rizhao,

Weifang Ensign Industry Co., Ltd, Changle, Weifang;

(e)   Produtturi fil-Pajjiż Analogu

Jungbunzlauer Kanada Inc., Port Colborne, il-Kanada.

1.10.   Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat

(19)

L-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2012 u t-30 ta' Settembru 2013 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami” jew “PIR”). L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopriet il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott ikkonċernat

(20)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-aċidu ċitriku (inkluż id-deidrat taċ-ċitrat tat-trisodju) li joriġina mir-RPĊ, li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi NM 2918 14 00 u ex 2918 15 00 (“il-prodott ikkonċernat”).

(21)

L-aċidu ċitriku jintuża bħala aċidifikant u regolatur tal-pH f'firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet, pereżempju xarbiet, ikel, deterġenti, kosmetiċi u farmaċewtiċi. Prinċipalment huwa magħmul miz-zokkor/ġulepp, it-tapjoka, il-qamħirrum jew il-glukożju (miksub miċ-ċereali) u diversi aġenti għall-fermentazzjoni bil-mikrobi taħt l-ilma tal-karboidrati.

2.2.   Prodott simili

(22)

L-investigazzjoni wriet li dawn il-prodotti għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

(1)

il-prodott ikkonċernat;

(2)

il-prodott li huwa mmanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tar-RPĊ;

(3)

il-prodott li huwa mmanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Kanada, li serviet bħala pajjiż analogu; u

(4)

il-prodott li huwa mmanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(23)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma għaldaqstant prodotti simili skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   ID-DUMPING

3.1.   Il-probabilità ta' kontinwazzjoni ta' dumping fil-qafas tar-rieżami ta' skadenza

(24)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk id-dumping kienx qed isseħħ fil-preżent u jekk kienx probabbli li d-dumping jitkompla jew jerġa' jseħħ fil-possibiltà li jiskadu l-miżuri fis-seħħ fuq importazzjonijiet mir-RPĊ.

3.1.1.   Il-valur normali

—   Il-pajjiż analogu

(25)

Billi r-RPĊ hija meqjusa bħala pajjiż li m'għandux ekonomija tas-suq, il-valur normali ġie ddeterminat fuq il-bażi tal-prezz f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-pajjiż analogu kellu jintgħażel (ara l-premessa 9 hawn fuq).

(26)

Fin-notifika ta' bidu, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li hija pprevediet llil-Kanada bħala pajjiż analogu xieraq u stiednet lill-partijiet interessati sabiex jikkummentaw. Ħadd minnhom ma ssottometta kummenti.

(27)

Il-Kanada serviet bħala pajjiż analogu fl-investigazzjoni oriġinali. Billi l-kumpanija Kanadiża lesta li tikkoopera kienet l-unika produttur ta' aċidu ċitriku fil-Kanada u relatata ma' wieħed mill-produtturi li għamlu l-ilment, il-Kummissjoni esplorat possibbiltajiet għal kooperazzjoni minn pajjiżi produtturi magħrufa oħra bħall-Istati Uniti, il-Brażil, it-Tajlandja u l-Ukraina. Kumpanija Brażiljana u oħra Tajlandiża wrew ir-rieda li jikkooperaw iżda fl-aħħar ma weġbux għall-kwestjonarju. L-uniku produttur Kanadiż ta' aċidu ċitriku biss ipprovda l-informazzjoni mitluba.

(28)

B'differenza għall-Istati Uniti, il-Brażil, it-Tajlandja u l-Ukraina, il-Kanada ma għandha l-ebda dazju antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku. Barra minn hekk, ir-rata ta' dazju konvenzjonali hija ta' 0 % (7).

(29)

Billi hemm kompetizzjoni ħielsa fis-suq Kanadiż, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Kanada huwa pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni stabbilixxiet valur normali fuq il-bażi ta' bejgħ domestiku lill-klijenti li mhumiex relatati tal-produttur Kanadiż.

(30)

Tip wieħed ta' prodott ma ġiex immanifatturat u mibjugħ fil-pajjiż analogu u għalhekk ma setax jiġi mqabbel ma' dan it-tip ta' prodott li jiġi prodott fir-RPĊ u esportat lejn l-Unjoni. Għalhekk, il-valur normali għal dan it-tip ta' prodott kellu jkun maħdum skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-manifattura tal-prodott simili tal-produttur tal-pajjiż analogu flimkien ma' ammont raġonevoli għall-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi (“SG &A”) u l-profitt.

3.1.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(31)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prezz tal-esportazzjoni abbażi ta' prezzijiet tal-esportazzjoni li effettivament jiġu mħallsa jew li għandhom jitħallsu lill-klijenti indipendenti fl-Unjoni. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw kollha ħlief Laiwu esportaw lejn l-Unjoni direttament lill-klijenti indipendenti skont it-termini tal-impenn.

3.1.3.   Tqabbil

(32)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw fuq bażi ex–works.

(33)

Fejn iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, l-assigurazzjoni, il-ġestjoni, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, l-imballaġġ, il-kreditu u l-kummissjonijiet.

3.1.4.   Il-marġni tad-dumping

(34)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta' kull tip tal-prodott simili fil-pajjiż analogu bil-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip li jikkorrispondi mal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(35)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, fil-PIR instabu sa 38 %.

(36)

Il-livell ta' kooperazzjoni kien għoli minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw irrappreżentaw kważi l-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-PIR.

(37)

Dan il-kalkolu wera d-dumping anke għal produtturi esportaturi soġġetti għal impenji. Qed jiġi mfakkar li l-prezz minimu tal-importazzjoni (“PMI”) fl-impenji kien ibbażat fuq il-prezz mhux ta' ħsara (ir-regola tad-dazju inferjuri) u b'hekk l-impenji ma neħħewx għal kollox id-dumping li ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

3.2.   Żvilupp tal-importazzjonijiet f'każ li jiġu revokati l-miżuri

3.2.1.   Il-probabilità ta' kontinwazzjoni ta' dumping

(38)

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, l-investigazzjoni attwali fittxet li tistabbilixxi jekk hemmx il-probabilità ta' kontinwazzjoni ta' dumping. Id-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-esportazzjoni ma tistax tiġi limitata għal eżaminazzjoni tal-imġiba tal-esportaturi fil-passat, iżda trid teżamina wkoll l-iżvilupp probabbli tal-prezzijiet tal-esportazzjoni fil-futur. Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-passat humiex affidabbli bħala indikazzjoni tal-prezzijiet probabbli tal-esportazzjoni futuri. F'dan il-kuntest, huwa mfakkar li ħames kumpaniji jesportaw lejn l-Unjoni skont it-termini ta' impenn. Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-eżistenza ta' dawn l-impenji influwenzatx il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-passat, b'mod li tagħmilhom inaffidabbli għall-ħolqien ta' imġiba futura tal-esportazzjoni.

(39)

Sabiex teżamina jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienux affidabbli u minħabba l-eżistenza ta' impenji, il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni ġew analizzati fir-rigward mal-PMI tal-impenji. Fil-fatt kien meħtieġ li jiġi aċċertat jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni ġewx iffissati f'ċertu livell prinċipalment minħabba l-PMI stabbilit mill-impenji u, għaldaqstant, jekk kienux sostenibbli jew le. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat jekk, fuq bażi ta' medja ponderata fil-livell ta' kull kumpanija, il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienux sostanzjalment aktar ogħla mill-PMI jew le. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll kif dawn il-prezzijiet irrelataw ma' prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

(40)

Għall-kumpaniji kollha li ħadu l-impenn, il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni bħala medja kienu fil-livell tal-PMI. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom lejn l-Unjoni kienu b'mod sinifikanti aktar ogħla mill-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Konsegwentement, huwa probabbli ħafna li fin-nuqqas ta' impenji l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni jqarrbu lejn il-livell tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħra.

(41)

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni matul il-PIR tal-kumpaniji li ħadu l-impenn ġew għaldaqstant meqjusa li huma influwenzati mill-impenji u għalhekk mhumiex affidabbli biżżejjed sabiex jintużaw għad-determinazzjoni ta' jekk id-dumping huwiex ser jitkompla fil-kuntest tar-rieżami tal-iskadenza.

(42)

Fin-nuqqas ta' prezz tal-esportazzjoni affidabbli għal dawn il-produtturi esportaturi Ċiniżi, minħabba l-eżistenza tal-impenji f'dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat possibbiltà oħra biex jiġi stabbilit il-prezz tal-esportazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk huwiex probabbli li d-dumping jitkompla. Minħabba li l-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu qed ibigħu l-aċidu ċitriku fis-suq dinji, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni effettivament imħallsa jew li jitħallsu lill-pajjiżi terzi kollha fl-PIR kinux soġġetti għal dumping.

(43)

Il-Kummissjoni qabblet dawn il-prezzijiet tal-esportazzjoni mal-valur normali stabbilit fil-pajjiż analogu (ara l-premessi 26 et seq hawn fuq). Il-marġnijiet tad-dumping stabbiliti hekk ivarjaw minn 43 % sa 85 %. Dawn il-marġnijiet tad-dumping huma ogħla minn dawk stabbiliti fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni matul il-PIR (ara l-premessa 36 hawn fuq).

3.2.2.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-konsum fil-pajjiż ikkonċernat

(44)

Fit-talba għar-rieżami, l-applikanti stmaw li l-kapaċità żejda tal-produzzjoni ta' aċidu ċitriku fir-RPĊ kienet ogħla mid-domanda annwali totali tal-UE għall-aċidu ċitriku. Il-kapaċità totali tal-aċidu ċitriku kienet stmata għal 1 800 000 tunnellata. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-applikanti ssopravvalutaw il-kapaċità żejda.

(45)

Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-produtturi esportaturi Ċiniżi veru għandhom kapaċità żejda sinifikanti. Il-kapaċità żejda tal-produtturi esportaturi li kkooperaw fir-RPĊ tammonta għal madwar 192 000 tunnellata li jikkorrispondu għal madwar 41 % tal-konsum tal-UE.

(46)

Barra minn hekk, studju speċifiku għall-industrija — l-IHS Chemical Economics Handbook (8) — li ġie msemmi minn diversi partijiet waqt l-investigazzjoni — fl-2012 stima l-kapaċità annwali totali fir-RPĊ fuq livell li jaqbeż il-konsum totali fis-suq tal-Unjoni bosta drabi. Fl-2012 ir-RPĊ kienet responsabbli għal “59 % tal-produzzjoni dinjija; fl-2012 kienet responsabbli wkoll għal 69 %, 74 % u 12 % tal-kapaċità dinjija, tal-esportazzjonijiet u tal-konsum, rispettivament.” (9) Din id-dejta tissuġġerixxi li r-RPĊ għandha kapaċità tal-produzzjoni ġenerali sinifikanti

(47)

Filwaqt li l-konsum huwa mistenni li jikber fir-RPĊ, skont l-IHS Chemical Economics Handbook il-konsum totali annwali taċ-Ċina huwa stmat li jkun ferm inqas minn dak tas-suq tal-Unjoni. It-tkabbir sal-2018 mhux se jaqbeż il-konsum attwali fl-Unjoni.

(48)

Din id-dejta tikkonferma li l-produzzjoni u l-kapaċità Ċiniża huma prinċipalment destinati għall-esportazzjoni.

3.2.3.   Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet fl-Unjoni u fil-pajjiż ikkonċernat.

(49)

Skont id-dejta dwar il-prezzijiet tal-aċidu ċitriku miksuba matul l-investigazzjoni, il-prezzijiet domestiċi Ċiniżi kienu madwar 48 % anqas minn dawk fis-suq tal-Unjoni kollu.

(50)

Għalhekk, is-suq tal-Unjoni jibqa' attraenti għall-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi.

3.2.4.   Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet lejn pajjiżi terzi u fis-suq tal-Unjoni

(51)

Matul il-PIR il-prezzijiet għal swieq ta' pajjiżi terzi kienu bħala medja 40 % iktar baxxi minn dawk lejn l-Unjoni.

(52)

L-esportaturi Ċiniżi għandhom inċentiv qawwi tal-prezz biex jerġgħu jibagħtu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni, jekk il-miżuri jiġu revokati.

(53)

Din il-konklużjoni hija msaħħa aktar permezz tal-livell tal-prezz tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni minn Laiwu kif ukoll mid-differenza fil-prezz bejn il-prezzijiet ta' Laiwu lejn l-Unjoni u ta' pajjiżi terzi.

(54)

Il-prezzijiet baxxi tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni li saru fi kwantitajiet limitati mill-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f'din l-investigazzjoni jappoġġaw ukoll il-konklużjoni ta' hawn fuq.

3.2.5.   Il-konklużjoni dwar il-probabilità tat-tkomplija tad-dumping

(55)

Il-kapaċità totali tal-produzzjoni (inkluża l-kapaċità żejda) fir-RPĊ meta mqabbla mad-daqs tas-suq tal-Unjoni tissuġġerixxi li l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni x'aktarx jiżdiedu jekk il-miżuri jiġu rrevokati. Dawn l-esportazzjonijiet x'aktarx li jkomplu jsiru b'mod sinifikanti bi prezzijiet li huma soġġetti għal dumping.

(56)

Wara d-divulgazzjoni, il-partijiet interessati ddubitaw is-sejbiet li l-prezzijiet għas-suq tal-UE taħt il-PMI matul is-snin li għaddew mhumiex sostenibbli u għalhekk se jonqsu b'mod sostanzjali, fejn saħansitra jilħqu l-livell ta' prezzijiet tal-esportazzjoni ta' pajjiż terz. Huma ddubitaw ukoll mill-fatt li l-esportazzjonijiet Ċiniżi, li huma stabbli, x'aktarx jiżdiedu fil-volum u li fin-nuqqas ta' miżuri mġedda dawn ikomplu jseħħu bi prezzijiet li huma soġġetti għal dumping. Madankollu, l-investigazzjoni stabbilixxiet b'mod ċar li d-dumping jkompli anki abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni li mhumiex meqjusa affidabbli peress li huma miżjuda mill-PMI tal-impenji. Dawn il-prezzijiet instabu li kienu ogħla b'mod sinifikanti mill-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn swieq oħra għall-produtturi esportaturi kollha soġġetti għall-impenji. Dawn il-produtturi esportaturi huma mdorrija li jesportaw bi prezzijiet ħafna aktar baxxi minn dawk lejn l-UE. Barra minn hekk, ta' min jiftakar li l-investigazzjoni oriġinali stabbilixxiet li importazzjonijiet li huma soġġetti għal dumping bi prezz baxx mir-RPĊ lejn l-Unjoni żdiedu bi 37 % bejn l-2004 u t-tnax-il xahar li spiċċaw f'Ġunju 2007(il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali) (10). Dawn l-elementi kollha, flimkien mal-kapaċità żejda sinifikanti fir-RPĊ li ma ġietx dubitata, jappoġġjaw b'mod ċar is-sejba li jekk il-miżuri jiġu revokati l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni wisq probabbli jkomplu jsiru bi prezzijiet li huma soġġetti għal dumping u b'volumi akbar.

3.3.   Rieżami interim parzjali limitat għad-dumping fir-rigward ta' Laiwu

3.3.1.   Il-valur normali

3.3.1.1.   Trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”)

(57)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeterminat jekk il-valur normali setax jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku f'każ li Laiwu kienet konformi mal-kriterji tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u jekk għaldaqstant tistax tingħata t-TES.

(58)

Għal referenza faċli biss, dawn il-kriterji huma ppreżentati f'forma mqassra kif ġej:

Id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali jsiru b'reazzjoni għas-sinjali tas-suq u mingħajr l-interferenza sinifikanti tal-Istat; u l-ispejjeż ewlenin tal-produzzjoni jirriflettu b'mod sostanzjali l-valuri tas-suq,

L-intrapriżi għandhom sett wieћed ċar ta' rekords kontabilistiċi bażiċi li jiġu awditjati b'mod indipendenti skont l-istandards kontabilistiċi internazzjonali u jiġu applikati fil-każijiet kollha,

Ma hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti li ntirtet mis-sistema preċedenti ta' ekonomija mhux tas-suq,

Il-liġijiet tal-falliment u tal-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbiltà legali,

Il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu skont ir-rati tas-suq.

(59)

Biex jiġi ddeterminat jekk il-kriterji fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku humiex sodisfatti, il-Kummissjoni talbet lil Laiwu sabiex timla formola ta' talba għal TES. Laiwu wieġbet sad-data tal-iskadenza. Il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni ppreżentata fl-uffiċċji tal-Laiwu.

(60)

Il-Kummissjoni sabet li Laiwu ma rrispettatx il-kriterji 2 u 3 tat-TES skont l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(61)

Fir-rigward tal-kriterju 2, il-kumpanija naqset milli turi li qed iżżomm sett komplut tal-kontabilità skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità. Barra minn hekk, ir-rekords tagħha fihom nuqqas ta' evidenza dokumentata ġustifikattiva sabiex issostni l-eżattezza u l-kompletezza tal-kontabilità tagħha. Il-kumpanija kellha nuqqas ta' evidenza dokumentata li tissostanzja ċerti prenotazzjonijiet fil-kontabilità tagħha. Barra minn hekk, ir-rapporti finanzjarji tagħha ma kienx fihom dikjarazzjoni tal-bidliet fl-ekwità għal ċerti perjodi. Dawn in-nuqqasijiet kisru l-prinċipju tar-rappreżentazzjoni ġusta tal-informazzjoni dwar il-kontabilità u r-rapporti finanzjarji u, aktar importanti minn hekk, dawn ma ġewx innutati mill-awditur. Konsegwentement, la ż-żamma tar-rekords u lanqas l-awditjar ma saru skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità.

(62)

Laiwu sostniet li r-rekords tal-kontabilità tagħha huma ċari biżżejjed biex jissodisfaw il-Prinċipji Ċiniżi ta' Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati. Il-kumpanija argumentat ukoll li l-inkonsistenzi msemmija fid-dokument ta' divulgazzjoni tat-TES ma jaffettwawx l-affidabbiltà tal-kontabilità tagħha. Il-kumpanija kkunsidrat li r-rekwiżiti tal-kontabilità għandhom jiġu meqjusa fid-dawl tal-għan tagħhom (pereż. biex jipproteġu lill-investituri).

(63)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 2(7)(c) fit-tieni inċiż tar-Regolament bażiku jistipula li l-intrapriżi għandu jkollhom sett wieħed ċar ta' rekords bażiċi tal-kontabilità li jiġu indipendentement awditjati skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità. Dan huwa tabilħaqq rekwiżit formali. Kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-kumpanija, il-kontijiet għandhom ikunu skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità ikun xi jkun l-istatus tal-kumpanija stabbilit permezz tal-liġi nazzjonali tal-kontabilità.

(64)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-kontabilità ta' Laiwu ma kinitx miżmuma skont il-Liġi Ċiniża tal-Kontabilità għaliex l-awditur ma kkummentax dwar il-ksur tal-Liġi Ċiniża tal-Kontabilità stabbilit fil-premessa 61.

(65)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, id-dikjarazzjonijiet kellhom jiġu miċħuda.

(66)

Fir-rigward tal-kriterju 3, il-kumpanija naqset milli turi li hija ma kinitx soġġetta għal distorsjonijiet sinifikanti li ntirtu mis-sistema preċedenti ta' ekonomija mhux tas-suq. B'mod aktar speċifiku, il-kumpanija bħala “Intrapriża ta' Teknoloġija Avvanzata u Ġdida” tibbenefika minn sistema preferenzjali ta' taxxa fuq l-introjtu korporattiva li taffettwa b'mod sinifikanti s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

(67)

Laiwu argumentat li s-sistema preferenzjali tat-taxxa ma tistax tiġi trattata skont il-kriterju 3 tat-TES peress li hija forma ta' sussidju.

(68)

Il-Kummissjoni tinnota li l-valutazzjoni skont il-kriterju 3 tat-TES għandha l-għan li tistabbilixxi jekk il-produtturi humiex soġġetti għal distorsjonijiet sinifikanti li ntirtu mis-sistema preċedenti ta' ekonomija mhux tas-suq.

(69)

Il-benefiċċju mill-Istat riċevut minn Laiwu f'forma ta' rata tat-taxxa preferenzjali huwa benefiċċju ta' natura permanenti previst mill-Artikolu 28 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi adottata fl-2007. Dan il-benefiċċju ġie stabbilit skont il-Preambolu tal-Kostituzzjoni tar-RPĊ, fejn “Il-Parti trid issostni u ttejjeb is-sistema ekonomika bażika, bis-sjieda pubblika li għandha rwol dominanti u setturi ekonomiċi differenti li jiżviluppaw id f'id…”.

(70)

Wieħed mill-għanijiet ta' dan il-benefiċċju huwa li jattira kapital b'rati ta' skont. Dan jikkawża distorsjoni fis-swieq kapitali. Fil-fatt, sistema tat-taxxa fuq l-introjtu li tittratta b'mod favorevoli ċerti kumpaniji li huma meqjusin mill-Gvern bħala strateġiċi jindika li s-sistema fiskali mhijiex waħda ta' ekonomija tas-suq, iżda għadha influwenzata b'mod qawwi mill-ippjanar tal-Istat, karatteristika ta' sistema ta' ekonomija mhux tas-suq. Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-distorsjonijiet li ġejjin mit-tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu huma wkoll sinifikanti, billi dawn ibiddlu l-ammont tal-profitti ta' qabel it-taxxa li l-kumpanija trid tikseb sabiex tkun attraenti għall-investituri.

(71)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, id-dikjarazzjonijiet kellhom jiġu miċħuda.

(72)

Il-Kummissjoni żvelat ir-riżultati tal-investigazzjoni tat-TES lill-Laiwu, l-awtoritajiet tar-RPĊ u l-applikanti. Il-Kummissjoni stednithom sabiex jikkummentaw u jitolbu seduta ta' smigħ. Il-kummenti li waslu ma kinux tali li jbiddlu s-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni.

(73)

Laiwu argumentat li l-Kummissjoni pproponiet li tiġi miċħuda t-TES għal raġunijiet differenti minn dawk li wasslu għall-bidu tal-investigazzjoni. Fl-opinjoni tal-kumpanija l-Kummissjoni missha llimitat il-valutazzjoni tat-TES fuq il-kriterju 1 tat-TES.

(74)

Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 2(7)(c) jelenka ħames kriterji kumulattivi li jridu jiġu ssodisfati kollha sabiex jingħata t-TES. Barra dan, l-oneru tal-provi qiegħed fuq il-kumpanija li titlob it-TES.

(75)

Barra minn hekk, il-punt 5.2 tan-notifika ta' bidu (11) jispeċifika r-raġunijiet għat-tnedija li jirrelataw ma' żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni ta' Laiwu u ma' kamp ta' applikazzjoni akbar tal-bejgħ tagħha. In-notifika ta' bidu bl-ebda mod ma jillimita l-investigazzjoni fuq il-valutazzjoni tal-kriterju 1 tat-TES. Barra minn hekk, l-evidenza prima facie hija vvalutata fuq il-merti tagħha stess sabiex tiġġustifika l-bidu ta' investigazzjoni. Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku l-valutazzjoni tat-TES hija eżami komplut li biha jiġi stabbilit jekk produttur speċifiku huwiex qed jopera skont kondizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq kif stabbilit fil-punt 6.1.1.2. tan-notifika ta' bidu.

(76)

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tinnota li Laiwu bagħtet formola ta' talba għal TES li fiha tiddikkjara li hija tissodisfa l-ħames kriterji kollha tat-TES. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament bażiku, kumpanija li tapplika għal TES hija mitluba sabiex turi b'suċċess li hija topera f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, jiġifieri l-oneru tal-provi li jissostanzja b'mod xieraq it-talba għal TES b'evidenza biżżejjed jaqa' f'idejn il-kumpanija. Għalhekk, it-talba għal TES ġiet miċħuda.

(77)

Wara li ġiet ipprovduta l-informazzjoni dwar l-analiżi tagħha għat-talba għal TES lill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(7)(c), il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati dwar id-deċiżjoni finali għat-TES.

3.3.1.2.   Il-pajjiż analogu

(78)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għal Laiwu ġie determinat fuq il-bażi tal-prezz f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għażlet pajjiż terz b'ekonomija tas-suq — il-Kanada (ara l-premessi 26 et seq hawn fuq).

(79)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet valur normali fuq il-bażi ta' bejgħ domestiku lil klijenti li mhumiex relatati tal-produttur Kanadiż.

3.3.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(80)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prezz tal-esportazzjoni abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni li effettivament jiġu mħallsa jew li għandhom jitħallsu minn klijenti indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.3.3.   Tqabbil

(81)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ex–works.

(82)

Fejn ġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, l-assigurazzjoni, il-ġestjoni, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, l-imballaġġ, il-kreditu u l-kummissjonijiet.

3.3.4.   Il-marġni tad-dumping

(83)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta' kull tip tal-prodott simili fil-pajjiż analogu bil-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip li jikkorrispondi mal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(84)

Fuq il-bażi ta' dan, il-marġni tad-dumping medju ponderat għal Laiwu, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huwa ta' 37,8 %.

3.3.5.   In-natura permanenti taċ-ċirkostanzi mibdula

(85)

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni analizzat jekk il-bidla fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tad-dumping tistax b'mod raġonevoli tingħad li hija ta' natura permanenti.

(86)

Il-fatt li Laiwu espandiet u mill-iżgħar saret l-ikbar produttur esportatur lejn l-UE huwa meqjus bħala bidla ta' natura permanenti. Fil-fatt, il-kumpanija kkonfermat fit-tweġiba tagħha fil-kwestjonarju li hija se tibqa' żżomm il-volum tagħha ta' esportazzjonijiet u li mhux se tibdel ix-xejra tagħha tal-esportazzjonijiet.

4.   ĦSARA

4.1.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(87)

Il-prodott simili ġie mmanifatturat minn żewġ produtturi fl-Unjoni matul il-PIR. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont is-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(88)

Hekk kif l-industrija tal-Unjoni hija magħmula minn żewġ produtturi, iċ-ċifri kollha relatati ma' dejta sensittiva kellhom jiġu indiċizzati jew mogħtija fi klassifika għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità.

4.2.   Il-Konsum tal-Unjoni

(89)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-konsum tal-Unjoni billi żiedet il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni mal-importazzjonijiet mir-RPĊ u pajjiżi terzi oħra, abbażi tad-dejta tal-Eurostat u tat-tweġibiet tal-kwestjonarju.

(90)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni

 

2010

2011

2012

PIR

Konsum f'tunnellati (firxiet)

450 000 -500 000

430 000 -480 000

470 000 -520 000

450 000 -500 000

Indiċi

100

95

105

101

Sors: Tweġibiet tal-kwestjonarji u l-Eurostat

(91)

Il-konsum tal-Unjoni varja bi +/– 5 % matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, dan l-iżvilupp ma juri l-ebda xejra ċara matul il-perjodu kkunsidrat.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.3.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(92)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-volum tal-importazzjonijiet fuq il-bażi tad-dejta tal-Eurostat. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet kien stabbilit fuq il-bażi tal-konsum tal-Unjoni kif stabbilit fil-premessa 88 et seq hawn fuq.

(93)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum ta' importazzjoni u s-sehem mis-suq

 

2010

2011

2012

PIR

Volum ta' importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat f'tunnellati

202 391

176 451

206 222

183 026

Indiċi

100

87

102

90

Is-sehem mis-suq (firxa)

40 % - 45 %

36 % - 41 %

38 % - 43 %

35 % - 40 %

Is-Sehem mis-Suq -Indiċi

100

92

97

90

Sors: Eurostat

(94)

Il-volum ta' importazzjonijiet varja matul il-perjodu kkunsidrat. Il-fluttwazzjoni tidher li qed issegwi sa ċertu punt ix-xejra tal-konsum tal-Unjoni. Fl-2011 meta l-konsum kien baxx, l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu fil-livell l-aktar baxx tagħhom. Fl-2012, meta l-konsum laħaq il-quċċata, l-importazzjonijiet Ċiniżi laħqu wkoll l-ogħla livell tagħhom.

(95)

L-importazzjonijiet Ċiniżi biss ma segwewx din ix-xejra matul il-PIR meta dawn kienu madwar 10 % inqas milli kienu fl-2010 minkejja konsum tal-Unjoni komparabbli. Minkejja dan it-tnaqqis, l-importazzjonijiet Ċiniżi żammew sehem mis-suq sostanzjali ta' 35 %–45 % fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

4.3.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezz

(96)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet fuq il-bażi tad-dejta tal-Eurostat. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjoni

(EUR/ton)

 

2010

2011

2012

PIR

RPĊ

806

938

1 000

933

Indiċi

100

116

124

116

Sors: Eurostat

(97)

Il-prezzijiet tal-importazzjoni ta' aċidu ċitriku Ċiniż bejn l-2010 u l-2012 żdiedu b' 24 %, wara naqsu bi tmien punti perċentwali bejn l-2012 u l-PIR. Matul il-perjodu kkunsidrat, dawn il-prezzijiet segwew l-iżvilupp ta' prezzijiet ta' materja prima bħall-qamħirrun.

(98)

Wara d-divulgazzjoni, parti interessata ddubitat mill-preċiżjoni tad-dejta tal-Eurostat mingħajr ma pprovdiet kwalunkwe evidenza sostanzjali sabiex tissostanzja d-dikjarazzjoni tagħha. Għaldaqstant l-argument ma setax jiġi aċċettat.

(99)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-PIR billi qabblet:

(1)

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta' prodott tal-produtturi tal-Unjoni imposti fuq il-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, u aġġustati għal-livell ta' prezz mill-fabbrika, u

(2)

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti skont it-tip ta' prodott li jiġi importat mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw, għal għand l-ewwel klijent indipendenti, stabbiliti fuq il-bażi tal-kost, tal-assigurazzjoni, tal-merkanzija (CIF), bl-aġġustamenti xierqa għad-dazju konvenzjonali u l-kostijiet tal-importazzjoni.

(100)

Għal produtturi esportaturi li mhumiex parti mill-impenn imsemmi fil-premessa 2 hawn fuq, il-prezz lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni ġie użat għat-tqabbil. Għall-produtturi esportaturi soġġetti għall-impenn, ma kienx possibbli li jadottaw il-prezzijiet għall-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni, billi dawn kienu influwenzati mit-termini tal-impenn. Għal dawn l-esportaturi, it-twaqqigħ tal-prezz kien stabbilit fuq il-bażi tal-prezz mitlub lill-ewwel klijent indipendenti f'pajjiżi terzi.

(101)

Wara d-divulgazzjoni, il-partijiet interessati argumentaw ukoll li għall-partijiet li mhumiex soġġetti għall-impenn kellu jittieħed il-prezz impost fuq l-ewwel klijent indipendenti f'pajjiżi terzi sabiex jiġi stabbilit it-twaqqigħ tal-prezz. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-partijiet li mhumiex soġġetti għall-impenn imponew prezzijiet aktar baxxi mill-prezzijiet imposti mill-partijiet li huma soġġetti għall-impenn. Dan jindika li l-prezzijiet tagħhom mhumiex affettwati mill-impenn, u għalhekk jistgħu jintużaw sabiex jiġi stabbilit it-tnaqqis.

(102)

It-tqabbil tal-prezz għal tranżazzjonijiet fl-istess livell ta' kummerċ sar skont it-tip, u fejn meħtieġ ġie aġġustat b'mod xieraq għall-kummissjonijiet u għas-separazzjoni.

(103)

Wara d-divulgazzjoni, il-partijiet interessati ddikjaraw li aġġustament għas-separazzjoni m'hemmx aktar bżonnu, peress li m'hemmx aktar bżonn li l-aċidu ċitriku Ċiniż jiġi sseparat. Madankollu, l-investigazzjoni stabbilixxiet li filwaqt li s-separazzjoni mhijiex dejjem meħtieġa, għad hemm ċirkostanzi fejn dan ikun il-każ, b'hekk dan jiġġustifika dan l-aġġustament.

(104)

Għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx, it-twaqqigħ tal-prezz ma setax jiġi stabbilit bl-użu ta' prezzijiet għal kull tip ta' prodott, billi din l-informazzjoni ma kinitx disponibbli. Għalhekk, it-twaqqigħ tal-prezz ġie stabbilit billi tqabblu l-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati globali kemm għall-produtturi tal-Unjoni kif ukoll għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li ma kkooperawx.

(105)

Matul il-PIR ir-riżultat tal-paragun kien espress bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni. Dan wera marġni ta' twaqqigħ b'medja ponderata globali ta' bejn 20 % u 45 %.

4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kumment ġenerali

(106)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżaminazzjoni tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping fl-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.2.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(107)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 4

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2010

2011

2012

PIR

Volum tal-produzzjoni f'tunnellati (firxiet)

270 000 -300 000

290 000 -320 000

300 000 -330 000

300 000 -330 000

Indiċi

100

106

108

107

Kapaċità ta' produzzjoni f'tunnellati (firxiet)

300 000 -350 000

300 000 -350 000

300 000 -350 000

300 000 -350 000

Indiċi

100

101

101

101

L-użu tal-kapaċità — Indiċi

100

105

106

106

Sors: It-tweġibiet tal-kwestjonarju

(108)

Il-volum tal-produzzjoni żviluppa b'mod pożittiv matul il-perjodu kkunsidrat. Bejn l-2010 u l-2011 dan żdied b'6 %, b'tibdiliet żgħar fil-perjodi sussegwenti.

(109)

Billi l-kapaċità tal-produzzjoni baqgħet kważi l-istess, l-użu tal-kapaċità rrifletta l-iżvilupp tal-volum tal-produzzjoni. B'mod sinifikanti, bejn l-2010 u l-2011 l-użu tal-kapaċità żdied b'5 %, u baqa' kważi l-istess fil-perjodi sussegwenti.

4.4.3.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(110)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 5

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2010

2011

2012

PIR

Il-volum totali tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni -indiċi

100

108

108

108

Sehem mis-suq — indiċi

100

111

102

107

Sors: It-tweġibiet tal-kwestjonarju

(111)

Bejn l-2010 u l-2011 l-industrija tal-Unjoni rnexxielha żżid il-volum tal-bejgħ tagħha bi 8 %. Sussegwentement, il-volum tal-bejgħ baqa' fl-istess livell sal-PIR.

(112)

Is-sehem mis-suq żviluppa b'mod simili b'żieda ta' 7 % matul il-perjodu kkunsidrat. Fl-2011 u l-2012, is-sehem mis-suq ġie affettwat ukoll mill-fluttwazzjonijiet fil-konsum tal-Unjoni deskritti fil-premessa 91 hawn fuq.

4.4.4.   Tkabbir

(113)

L-industrija tal-Unjoni rnexxielha żżid il-volum tal-bejgħ tagħha bi 8 % u s-sehem mis-suq tagħha b'7 %. Fl-istess waqt, il-volumi tal-produzzjoni żdiedu b'mod simili. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni setgħet tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet ta' tkabbir billi żżid is-sehem mis-suq tagħha f'suq li huwa pjuttost stabbli.

4.4.5.   Impjiegi u Produttività

(114)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 6

Impjiegi u produttività

 

2010

2011

2012

PIR

Numru ta' impjegati — indiċi

100

101

105

106

Produttività (tunnellata/impjegat) — indiċi

100

105

102

101

Sors: It-tweġibiet tal-kwestjonarju

(115)

L-impjiegi żviluppaw b'mod pożittiv matul il-perjodu kkunsidrat, b'żieda ta' 6 %. Fl-istess waqt, il-produttività għal kull impjegat baqgħet pjuttost stabbli matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.6.   Id-daqs tal-marġni ta' dumping u l-irkupru minn dumping preċedenti

(116)

Il-marġnijiet ta' dumping li nstabu kienu ferm ogħla mil-livell de minimis. Madankollu, l-impatt tad-daqs tal-marġnijiet effettivi ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni ttaffa, peress li l-livell tal-prezzijiet ta' ħafna produtturi esportaturi Ċiniżi kien influwenzat mill-impenn. Għall-produtturi esportaturi l-oħra, l-effett dannuż ġie kkontrobilanċjat mill-effett tad-dazji. Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-industrija tal-Unjoni rkuprat mill-ħsara kkawżata minn dumping li seħħ fil-passat min-naħa tal-produtturi esportaturi Ċiniżi.

4.4.7.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(117)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta' unità tal-produtturi tal-Unjoni lill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 7

Prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2010

2011

2012

PIR

Prezz tal-bejgħ tal-unità fl-Unjoni (EUR/tunnellata) — firxiet

1 000 -1 150

1 050 -1 200

1 150 -1 300

1 150 -1 300

Indiċi

100

103

113

115

Kost tal-unità tal-produzzjoni (EUR/tunnellata) — firxiet

750-900

850-1 000

850-1 000

850-1 000

Indiċi

100

113

111

115

Sors: It-tweġibiet tal-kwestjonarju

(118)

Bejn l-2010 u l-2011 il-kost ponderat medju tal-unità tal-produzzjoni żdied bi 13 %, u sussegwentement żdied b'2 punti perċentwali oħra sal-PIR.

(119)

Il-prezzijiet tal-bejgħ żviluppaw b'mod simili, iżda b'dewmien ta' madwar sena. Kien biss fl-2012 li l-industrija tal-Unjoni setgħet tgħaddi kompletament iż-żidiet fil-kost li ġarrbet fl-2011 lill-klijenti tagħha. Fl-2011 dan irriżulta fi profittabilità iktar baxxa, kif muri fil-premessi 120 et seq ta' hawn taħt.

4.4.8.   Kostijiet lavorattivi

(120)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 8

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2010

2011

2012

PIR

Pagi medji għal kull impjegat — indiċi

100

103

114

118

Sors: It-tweġibiet tal-kwestjonarju

(121)

Il-kostijiet medji lavorattivi għal kull impjegat żdiedu b'total ta' 18 %, prinċipalment minħabba żieda sinifikanti ta' 11-il punt perċentwali bejn l-2011 u l-2012.

4.4.9.   Inventarji

(122)

Il-livelli tal-istokk tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 9

Inventarji

 

2010

2011

2012

PIR

Stokks tal-għeluq f'tunnellati (firxiet)

14 000 -16 000

14 000 -16 000

17 000 -19 000

22 000 -24 000

Indiċi

100

101

121

155

Sors: It-tweġibiet tal-kwestjonarju

(123)

L-istokks tal-għeluq tal-produtturi tal-Unjoni żdiedu b'mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. Il-livell ogħla ta' inventarji fi tmiem il-PIR huwa affettwat minn fatturi staġjonali. Filwaqt li għall-perjodi l-oħra, l-istokk tal-għeluq huwa meħud fl-aħħar ta' Diċembru, għat-tmiem tal-PIR dan huwa meħud fl-aħħar ta' Ġunju eżatt qabel perjodu ta' domanda pjuttost għolja minħabba konsum akbar ta' xorb u produzzjoni pjuttost baxxa minħabba l-vaganzi tas-sajf imminenti. Għalhekk huwa normali li jkun hemm livell xi ftit ogħla ta' stokks f'dan iż-żmien tas-sena.

4.4.10.   Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-abbiltà li jiżdied il-kapital

(124)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 10

Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti u redittu fuq l-investimenti

 

2010

2011

2012

PIR

Profittabilità tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (firxa)

12 %-17 %

7 %-12 %

12 %-17 %

12 %-17 %

Indiċi

100

69

103

103

Fluss tal-flus — Indiċi

100

50

86

80

Investimenti — Indiċi

100

162

123

106

Redditu fuq l-invesitmenti (firxa)

30 %-40 %

15 %-25 %

25 %-35 %

25 %-35 %

Indiċi

100

59

93

90

Sors: It-tweġibiet tal-kwestjonarju

(125)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni billi l-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni ġie espress bħala perċentwal tal-fatturat ta' dan il-bejgħ. Matul il-perjodu kollu kkunsidrat dan kien kważi f'livelli stabbli. Il-profittabilità miksuba mill-industrija tal-Unjoni qabżet il-mira tal-profitt li ġiet stabbilita fl-investigazzjoni oriġinali matul il-perjodu kkunsidrat.

(126)

Il-fluss tal-flus nett jirrappreżenta l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw huma stess l-attivitajiet tagħhom. L-iżvilupp tagħha baqa' f'livelli sodisfaċenti matul il-perjodu kkunsidrat.

(127)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f'perċentwali tal-valur nett kontabilistiku tal-investimenti. L-iżvilupp tiegħu l-biċċa l-kbira rrifletta l-iżvilupp tal-profittabilità, u kważi baqa' f'livelli sodisfaċenti matul il-perjodu kkunsidrat.

(128)

Ħadd mill-produtturi tal-Unjoni ma rrapporta diffikultajiet sabiex iżid il-kapital matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.11.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(129)

Ħafna mill-indikaturi tal-ħsara bħall-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, l-impjiegi, il-kost lavorattiv u l-prezzijiet tal-bejgħ żviluppaw b'mod pożittiv. Filwaqt li t-tendenza tal-indikaturi finanzjarji bħall-profitabbiltà, il-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investimenti juru xejra mħallta, il-livelli assoluti huma sodisfaċenti u ma jurux sinjal ta' ħsara.

(130)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni rkuprat mill-ħsara li ġarrbet minn dumping li seħħ fil-passat u ma sofriet l-ebda ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

4.5.   Il-probabilità ta' rikorrenza ta' ћsara

(131)

Ix-xejriet ta' hawn fuq dwar il-prezzijiet u l-volumi tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina juru li filwaqt li l-esportaturi Ċiniżi żammew preżenza sinifikanti fis-suq tal-Unjoni, il-miżuri fis-seħħ (id-dazju u l-impenji) wasslu għal żieda fil-prezzijiet u tnaqqis fil-volumi. L-industrija tal-Unjoni kienet il-benefiċjarja prinċipali ta' dan l-iżvilupp, peress li l-preżenza fis-suq ta' pajjiżi terzi oħra baqa' pjuttost limitat. Dan jindika li t-tneħħija tal-ħsara hija prinċipalment minħabba l-eżistenza tal-miżuri fis-seħħ.

(132)

Kif imsemmi fil-premessa 45 ta' hawn fuq, il-produtturi esportaturi fir-RPĊ għandhom il-kapaċità żejda biex iżidu l-esportazzjonijiet tagħhom b'mod mgħaġġel ħafna. Barra minn hekk, billi l-prezzijiet fis-suq tal-UE jġibu aktar qligħ meta mqabbla ma' ħafna mis-swieq ta' pajjiżi terzi, huwa probabbli li l-kwantitajiet sinifikanti attwalment esportati lejn dawn il-pajjiżi jistgħu wkoll jiġu diretti mill-ġdid lejn is-suq tal-UE f'każ li l-miżuri antidumping jitħallew jiskadu.

(133)

Barra minn hekk, is-swieq internazzjonali ewlenin bħall-Istati Uniti, il-Brażil, it-Tajlandja u l-Ukraina imponew dazji antidumping kontra l-aċidu ċitriku Ċiniż. Għaldaqstant jekk il-miżuri antidumping jitħallew jiskadu ser ikun aktar diffiċli għall-produtturi esportaturi Ċiniżi biex ibigħu f'dawk is-swieq milli f'suq tal-UE mhux protett.

(134)

Barra minn hekk, il-livelli tal-prezzijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li mhumiex soġġetti għal impenji waqqgħu b'mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-UE b'20 % — 45 %. Bl-istess mod, il-prezzijiet mitluba mill-produtturi esportaturi soġġetti għall-impenji fi swieq ta' pajjiżi terzi waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-UE b'20 % — 39 %. Dan juri l-livelli tal-prezzijiet li x'aktarx il-produtturi esportaturi Ċiniżi jidħlu bihom fis-suq tal-Unjoni fin-nuqqas ta' miżuri.

(135)

Il-probabilità ta' esportazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet baxxi fin-nuqqas ta' miżuri huwa kkonfermat mill-bosta investigazzjonijiet antidumping fuq l-aċidu ċitriku Ċiniż f'pajjiżi oħra msemmija fil-premessa 133 hawn fuq.

(136)

Il-produtturi esportaturi Ċiniżi għandhom il-kapaċità li jżidu b'mod sinifikanti s-sehem tas-suq diġà sostanzjali tagħhom bi prezzijiet li waqqgħu b'mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni.

(137)

Wara d-divulgazzjoni, il-partijiet interessati argumentaw li l-produtturi esportaturi Ċiniżi ma jidhrux li se jbaxxu aktar il-prezzijiet tagħhom għal-livelli tal-prezz prevalenti fi swieq oħra ta' pajjiż terz. Madankollu, dan l-argument mhuwiex sostanzjat mill-fatti stabbiliti mill-investigazzjoni. Kif indikat fil-premessa 134 ta' hawn fuq, il-marġnijiet ta' tnaqqis stabbiliti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li mhumiex soġġetti għall-impenji fis-suq tal-Unjoni (20 %–45 %) huma simili ħafna għal dawk stabbiliti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li huma soġġetti għall-impenji fis-swieq ta' pajjiż terz (20 %–39 %). Għaldaqstant huwa probabbli li fin-nuqqas tal-miżuri, il-prezzijiet Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni jilħqu l-prezzijiet imposti xi mkien ieħor mill-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(138)

Għaldaqstant, jista' jiġi konkluż li hemm probabilità ta' rikorrenza ta' ħsara f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(139)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-impożizzjoni ta' miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-RPĊ wara s-sejbiet ta' dan ir-rieżami ta' skadenza jmorrux kontra l-interess ġenerali tal-Unjoni. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament tal-interessi kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti. Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

5.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(140)

Iż-żewġ produtturi tal-Unjoni li flimkien huma responsabbli għal 100 % tal-produzzjoni tal-Unjoni kkooperaw f'din l-investigazzjoni. Kif iddikjarat fil-premessa 130 hawn fuq, l-industrija tal-Unjoni rkuprat mill-ħsara kkawżata minn dumping li seħħ fil-passat.

(141)

Il-miżuri fis-seħħ ippermettew lill-industrija tal-Unjoni tirkupra mill-ħsara li seħħet fil-passat. Fl-istess ħin, l-industrija tal-Unjoni wriet li l-operazzjonijiet tagħha huma vijabbli meta mhumiex soġġetti għal kompetizzjoni inġusta minn importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping.

(142)

Fl-istess ħin, it-tneħħija tal-miżuri wisq probabbli twassal għal aktar kompetizzjoni inġusta minn importazzjonijiet Ċiniżi li kienu oġġett ta' dumping, li jheddu l-operat kontinwu tal-bqija tal-produtturi f'industrija li altrimenti hija vijabbli. Ta' min ifakkar li tliet produtturi fl-Unjoni kienu għalqu qabel l-impożizzjoni tal-miżuri kontra l-importazzjonijiet Ċiniżi.

(143)

Għalhekk ġie konkluż li huwa fl-interess tal-industrija tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri fis-seħħ.

5.2.   L-interess ta' importaturi mhux relatati

(144)

Kif iddikjarat fil-premessa 13 hawn fuq, sitt importaturi mhux relatati ppreżentaw tweġiba ta' kampjunar. L-akbar tliet importaturi kienu inklużi fil-kampjun, iżda fl-aħħar mill-aħħar importatur wieħed ma pprovdiex tweġiba sodisfaċenti għall-kwestjonarju. Il-kampjun finali kien jikkonsisti miż-żewġ importaturi li kien fadal.

(145)

L-importaturi t-tnejn li huma jikkummerċjaw firxa wiesgħa ta' prodotti. L-importanza tal-aċidu ċitriku fil-fatturat totali tagħhom tvarja ħafna. Għal importatur wieħed l-aċidu ċitriku jirrappreżenta parti insinifikanti mill-fatturat totali, filwaqt li għall-importatur l-ieħor huwa wieħed mill-prodotti l-aktar importanti.

(146)

Iż-żewġ importaturi inklużi fil-kampjun ma opponewx strettament kontra l-miżuri fis-seħħ, iżda enfasizzaw il-fatt li l-livell attwali tal-PMI huwa għoli wisq u dan iwassal għal profitti sostanzjali għall-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant dawn l-importaturi talbu tnaqqis tal-livell tal-PMI.

5.3.   L-interess tal-utenti

(147)

Il-Kummissjoni rċeviet sitt tweġibiet sħaħ minn utenti, prinċipalment mill-industriji tal-kimika u tal-farmaċewtika. Għalkemm l-industrija tal-ikel u x-xorb (“F&B”) hija b'mod assolut l-akbar utent ta' aċidu ċitriku u hija responsabbli għal mill-inqas 50 % tal-konsum totali, l-ebda utent minn din l-industrija ma kkoopera bis-sħiħ.

(148)

L-utenti kienu mħassba dwar is-sigurtà tal-provvista. Tħassib partikolari kien dak li l-industrija tal-Unjoni ma tkunx kapaċi tforni kompletament is-suq tal-Unjoni. Madankollu, il-miżuri fis-seħħ ma waqqfux lill-importazzjonijiet Ċiniżi milli jidħlu fis-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet sinifikanti, li jippermettulhom li jfornu dik il-parti tas-suq li ma tistax tiġi fornita mill-industrija tal-Unjoni.

(149)

Għal għadd kbir ta' utenti bħall-F&B u l-industriji farmaċewtiċi, l-aċidu ċitriku huwa biss meħtieġ marġinalment għall-prodotti tagħhom. Fl-opinjoni tagħhom mhuwiex faċli li tissostitwixxi l-aċidu ċitriku, għalhekk is-sigurtà tal-provvista ta' spiss hija importanti aktar mill-prezz. L-effett finanzjarju tal-miżuri fuq dawn l-utenti huwa insinifikanti, minħabba l-importanza ferm żgħira tal-aċidu ċitriku fl-istruttura tal-ispejjeż tagħhom.

(150)

Għal utenti li jipproduċu prodotti kimiċi li jammontaw għal madwar 25 % tal-konsum totali tal-UE, l-aċidu ċitriku huwa ta' importanza moderata u jammonta għal madwar 5 % tal-ispejjeż tal-materja prima. Fl-opinjoni tagħhom il-miżuri antidumping m'għandhomx jinżammu. Xi utenti indikaw ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja tajba tal-produtturi tal-UE. L-effett tal-miżuri fuq dawn l-utenti huwa aktar sinifikanti milli fuq l-F&B u l-industriji farmaċewtiċi. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta mill-utenti li kkooperaw u li jipproduċu prodotti kimiċi turi li minkejja l-miżuri fis-seħħ huma rnexxielhom jiksbu profitt tajjeb. L-effett tal-miżuri fuq dawn l-utenti għalhekk huwa kkunsidrat bħala wieħed limitat.

(151)

Wara d-divulgazzjoni, il-partijiet interessati fl-industrija tad-deterġenti ddikjaraw li għal ċerti prodotti, l-aċidu ċitriku jammonta għal sehem akbar tal-kostijiet mill-valur medju ta' 5 % imsemmija hawn fuq. Fl-istess waqt, dawn il-partijiet ma pprovdew l-ebda evidenza li l-medja għall-industrija tad-deterġenti b'mod partikolari hija differenti mill-5 % mogħti għall-industrija tal-kimika b'mod ġenerali. Għaldaqstant huwa meqjus li l-konklużjonijiet għall-industrija tal-kimika b'mod ġenerali huma applikabbli wkoll għall-industrija tad-deterġenti b'mod partikolari.

(152)

Wara d-divulgazzjoni, il-partijiet interessati argumentaw ukoll li l-projbizzjoni futura fuq fosfati f'deterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi mill-2017 se twassal għal żieda tal-konsum tal-aċidu ċitriku fl-Unjoni. Filwaqt li huwa ċar li sa dak iż-żmien il-fosfati se jiġu sostwiti minn sustanzi oħra, għadu mhuwiex ċar jekk il-fosfati humiex se jiġu sostwiti mill-aċidu ċitriku jew sustanzi oħra. Barra minn hekk, il-partijiet ma pprovdew l-ebda evidenza fattwali dwar l-impatt ġenerali ta' din il-bidla.

(153)

Kollox ma' kollox, l-effett pożittiv tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni jaqbeż bil-kbir l-impatt negattiv limitat jew insinifikanti tal-miżuri fis-seħħ fuq l-utenti.

5.4.   Sorsi ta' forniment fis-suq tal-Unjoni

(154)

Il-partijiet interessati ilmentaw dwar allegazzjoni ta' nuqqas ta' kompetittività fis-suq tal-Unjoni. Fil-fatt, l-UE għandha biss żewġ produtturi tal-Unjoni. Sabiex jintlaħqu t-talbiet tal-utenti tal-UE, is-suq tal-Unjoni jeħtieġ importazzjonijiet li fil-biċċa l-kbira jiġu mir-RPĊ.

(155)

Il-fatt li baqgħu biss żewġ produtturi fl-Unjoni, huwa madankollu r-riżultat tal-prattiċi tad-dumping tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li wasslu għall-miżuri taħt ir-rieżami. Fl-2004, fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat tal-investigazzjoni oriġinali, fl-Unjoni kien għad hemm ħames produtturi li kienu qed jikkompetu ma' kwantitajiet sinifikanti ta' importazzjonijiet Ċiniżi li kienu oġġett ta' dumping. Fis-snin ta' wara (2004-2007), meta l-Unjoni kienet esposta għal kwantitajiet kbar ta' esportazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping mir-RPĊ, tliet produtturi tal-Unjoni kellhom joħorġu mis-suq, dan wassal għas-sitwazzjoni duwopolistika attwali.

(156)

Minn mindu ġew imposti l-miżuri fis-seħħ, ix-xejra 'l isfel fin-numru ta' produtturi tal-Unjoni tista' titwaqqaf. Jekk il-produtturi esportaturi Ċiniżi jitħallew jerġgħu jibdew bid-dumping fi kwantitajiet mhux ristretti, l-industrija tal-Unjoni terġa' tibda ġġarrab ħsara, inkluż li titlef is-sehem tas-suq għall-importazzjonijiet Ċiniżi.

(157)

Il-produtturi tal-Unjoni m'għandhomx il-kapaċità sabiex tintlaħaq kompletament id-domanda tas-suq tal-Unjoni (ara l-premessa 107 hawn fuq). Minkejja l-eżistenza tal-miżuri fis-seħħ, l-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu jidħlu fis-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet sinifikanti, b'sehem tas-suq ta' bejn 35 % u 45 % matul il-perjodu kkunsidrat, kif spjegat fil-premessa 93 hawn fuq.

(158)

Fin-nuqqas ta' miżuri, l-uniċi żewġ produtturi tal-UE eżistenti jistgħu jiġu mġiegħla sabiex jitilqu mis-suq tal-UE ukoll. F'xenarju bħal dan, l-utenti tal-UE jsiru aktar u aktar dipendenti fuq sors wieħed ta' importazzjonijiet — ir-RPĊ — li, minħabba l-importanza tas-sigurtà tal-provvista msemmija hawn fuq, ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

5.5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(159)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet serji biex jiġi konkluż li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġinaw mir-RPĊ.

6.   MIŻURI ANTIDUMPING

6.1.   Rieżami interim limitat għall-ħsara

(160)

Ħafna mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kooperaw huma soġġetti għall-impenji msemmija fil-premessa 2 hawn fuq. L-investigazzjoni tar-rieżami ta' skadenza wriet fil-premessa 41 hawn fuq li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom lejn l-UE ġew iddeterminati minn dawk l-impenji fuq il-prezz li jiffissaw il-prezzijiet minimi ta' importazzjoni (“PMI”). Għaldaqstant, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom kienu meqjusa mhux affidabbli biżżejjed biex jintużaw għall-analiżi tal-probabilità tal-kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' din l-investigazzjoni. Bl-istess mod, kif spjegat fil-premessa 100 hawn fuq dawn il-prezzijiet għall-esportazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala indikatur affidabbli sabiex jitwettaq kalkolu affidabbli u sinifikanti tat-tnaqqis. Għall-istess raġuni, dawn il-prezzijiet xorta mhumiex affidabbli biżżejjed sabiex jiġi kkalkolat livell ġdid ta' eliminazzjoni tal-ħsara.

(161)

Għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw li mhumiex parti mill-impejni, Laiwu, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ma kinux affettwati mill-impenn u għalhekk setgħu jintużaw sabiex jiġi stabbilit livell ġdid ta' eliminazzjoni tal-ħsara.

6.2.   Livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara

(162)

Sabiex jiġi determinat il-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbilixxiet l-ammont ta' dazju meħtieġ sabiex tiġi evitata r-rikorrenza ta' ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

(163)

Il-ħsara ma terġax iseħħ kieku l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha u tagħmel profitt qabel it-taxxa fuq il-bejgħ tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni li jista' jinkiseb b'mod raġonevoli taħt kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni minn industrija ta' dan it-tip fis-settur, jiġifieri fl-assenza ta' importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping. Il-marġni tal-qligħ determinat għal dan il-għan fl-investigazzjoni oriġinali kien ta' 6 %.

(164)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkulat prezz mhux ta' ħsara tal-prodott simili għall-industrija tal-Unjoni billi titnaqqas mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni l-marġni effettiva tal-qligħ miksuba matul il-PIR u tinbidel bil-marġni tal-qligħ ta' 6 %.

(165)

Parti interessata argumentat li l-marġni ta' profitt ta' qabel it-taxxa ta' 6 % huwa baxx wisq, minħabba r-rata tat-taxxa sinifikanti il-profitt ta' wara t-taxxa li jirriżulta ma jipprovdix ir-riżorsi meħtieġa.

(166)

F'dan ir-rigward, il-marġni ta' profitt użat sabiex jiġi stabbilit il-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara jirrifletti il-marġni ta' profitt fin-nuqqas ta' importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping. Il-parti interessata ma pprovdiet l-ebda argument li juri li l-marġni ta' profitt ta' 6 %, li huwa l-marġni ta' profitt effettiv miksub mill-industrija tal-Unjoni fin-nuqqas ta' importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, mhuwiex xieraq għal dan il-għan.

(167)

Il-Kummissjoni mbagħad iddeterminat il-livell ta' eliminazzjoni ta' ħsara fuq il-bażi ta' paragun bejn il-prezz medju ponderat tal-importazzjoni ta' Laiwu, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, flimkien mal-prezz mhux ta' ħsara medju ponderat tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni matul il-PIR. Kwalunkwe differenza li rriżultat minn dan il-paragun ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni.

6.3.   Miżuri antidumping definittivi

(168)

Għall-kumpanija Laiwu Taihe Biochemistry Co., Ltd., għandhom jiġu imposti miżuri antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat skont ir-regola tad-dazju inferjuri fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qabblet il-marġni ta' ħsara u l-marġni tad-dumping. Ir-rata tad-dazju għandha tiġi stabbilita fil-livell il-baxx ta' dumping u l-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara.

(169)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, ir-rata tad-dazju antidumping definittiva, espressa skont il-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping

Livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara

Dazju antidumping definittiv

Laiwu Taihe Biochemistry Co., Ltd.

37,8 %

15,3 %

15,3 %

(170)

Fil-qafas tar-rieżami ta' skadenza, kif stipulat mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jinżammu. Ta' min ifakkar li dawn il-miżuri jikkonsistu f'dazju ad valorem b'rati u impenji differenti għal ċerti kumpaniji.

(171)

Ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta' din l-investigazzoni. Gћaldaqstant, dawn irriflettew is-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati tad-dazju huma esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u li huwa mmanifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat magħmul minn xi kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. Huma ma għandhomx ikunu soġġetti għall-ebda rata individwali ta' dazju antidumping.

(172)

Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati individwali tad-dazju antidumping jekk tibdel l-isem jew l-indirizz tal-entità tagħha. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni (12). It-talba għandu jkun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata ta' dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem jew l-indirizz tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata ta' dazju li tapplika għaliha, avviż li jinforma dwar il-bidla fl-isem jew l-indirizz se jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(173)

Żewġ produtturi esportaturi nnotifikaw lill-Kummissjoni b'tibdil fl-indirizz tagħhom. Waħda minnhom innotifikat ukoll lill-Kummissjoni b'tibdil fl-isem tagħha. Dan it-tibdil ma affettwax l-operat tagħhom fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

(174)

Produttur esportatur ieħor ma għandux ikun aktar intitolat għar-rata individwali tad-dazju peress li dan ma għadux jeżisti.

(175)

Is-sejbiet fil-premessi 173 u 174 ta' hawn fuq ġew iddivulgati u ma wasal l-ebda kumment.

7.   IL-FORMA TAL-MIŻURI

(176)

Fil-qafas tar-rieżami tal-forma ta' miżuri, l-Kummissjoni kkunsidrat it-twaqqif tal-PMI tal-impenji. B'mod partikolari, il-Kummissjoni eżaminat il-mekkaniżmu ta' indiċjar.

(177)

Il-PMI oriġinarjament ġie indiċjat fuq il-bażi tal-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-qamħirrum tal-Istati Uniti. Meta l-miżuri oriġinali ġew imposti, il-produtturi esportaturi li offrew l-impenji ma setgħux isibu sors ta' referenza pubblika għall-prezzijiet tal-qamħirrum tal-UE. Tali sors issa huwa disponibbli u huwa meqjus aktar xieraq minħabba l-fatt li l-PMI huwa bbażat fuq il-prezz mhux ta' ħsara tal-industrija tal-Unjoni.

(178)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-fattur tal-indiċjar għall-konsum ta' materja prima għal kull tunnellata ta' aċidu ċitriku u kkonkludiet li huwa korrett.

(179)

Wara d-divulgazzjoni, il-partijiet interessati argumentaw li minflok it-twettiq tal-indiċjar tal-PMI deskritt hawn fuq, għandu jiġi użat prezz minimu fiss jew indiċjar ibbażat fuq il-prezzijiet ta' materja prima oħra flimkien mal-qamħirrun peress li mhux il-produtturi tal-Unjoni kollha jużaw il-qamħirrun bħala materja prima għall-produzzjoni tal-aċidu ċitriku. Madankollu, minħabba l-fluttwazzjonijiet sinifikanti tal-kost tal-produzzjoni u tal-prezzijiet tal-aċidu ċitriku, prezz minimu fiss jista' jiskadi malajr u jiżdied jew jonqos b'mod mhux raġonevoli. Barra minn hekk, indiċjar għal materja prima bi prezzijiet pjuttost stabbli meta l-prezz tal-aċidu ċitriku jvarja b'mod sinifikanti u li għalih m'hemm l-ebda sors pubbliku affidabbli mhuwiex ikkunsidrat xieraq.

(180)

Għaldaqstant, huwa meqjus li prezz minimu fiss jew indiċjar ibbażat fuq materji primi differenti mhuwiex aktar raġonevoli minn indiċjar li huwa bbażat fuq il-prezzijiet tal-qamħirrun. Madankollu, billi l-qamħirrun mhuwiex il-materja prima bażika għall-produtturi tal-Unjoni kollha, kien meqjus xieraq li jiġi rivedut il-fattur tal-indiċjar għall-konsum ta' materja prima sabiex jirrifletti aħjar il-konsum medju ponderat tal-qamħirrun tal-industrija tal-Unjoni u tal-evoluzzjoni tal-prezz li mhuwiex ta' ħsara tal-industrija tal-Unjoni kollha.

(181)

Fil-qafas tar-rieżami parzjali interim limitat għall-ħsara, il-Kummissjoni stabbilixxiet prezz mhux ta' ħsara ġdid għall-industrija tal-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-PMI għandu jiġi rivedut u aġġornat sabiex l-impenji jibqgħu fis-seħħ.

(182)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-ħames produtturi esportaturi li kkooperaw, inkluż grupp ta' produtturi esportaturi, li għalihom l-impenji huma attwalment fis-seħħ, flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tal-Importaturi u l-Esportaturi tal-Metalli, l-Minerali u l-Kimiki (ara l-premessi 2 u 3 hawn fuq), offrew impenji ġodda aċċettabbli fuq il-prezz.

(183)

Il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/87 (13), aċċettat dawn l-offerti ġodda ta' impenn u ssostitwiet l-impenji fis-seħħ. L-offerti ġodda ta' impenn jeliminaw l-effetti ta' ħsara tad-dumping u jillimitaw b'mod suffiċjenti r-riskju taċ-ċirkomvenzjoni.

(184)

Sabiex il-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jissorveljaw b'mod effettiv il-konformità mal-impenji tal-kumpaniji, meta t-talba għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali rilevanti, l-eżenzjoni mid-dazju antidumping tingħata skont dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-preżentazzjoni ta' fattura tal-impenn, li hija fattura kummerċjali li fiha tal-inqas l-elementi elenkati u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness;

(ii)

il-fatt li l-prodotti importati jiġu mmanifatturati, mibgħuta u fatturati direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni; u

(iii)

il-fatt li l-oġġetti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jikkorrispondu b'mod preċiż mad-deskrizzjoni tal-fattura tal-impenn.

Fejn il-kondizzjonijiet ta' hawn fuq ma jiġux issodisfati d-dazju antidumping xieraq irid jiġi mħallas fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera.

(185)

Kull meta l-Kummissjoni tirtira, skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, l-aċċettazzjoni tagħha ta' impenn wara ksur permezz ta' riferiment għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara l-fatturi rilevanti tal-impenn bħala invalidi, irid jitħallas dejn doganali fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' dawn it-tranżazzjonijiet.

(186)

L-importaturi għandhom ikunu konxji li dejn doganali jista' jidħol fis-seħħ, bħala riskju normali tan-negozju, fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera hekk kif deskritt fil-premessi 184 u 185 hawn fuq anki jekk impenn offrut mill-manifattur li kienu qegħdin jixtru mingħandu, direttament jew indirettament, kien ġie aċċettat mill-Kummissjoni.

(187)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku ma tax opinjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

1.   Dazju antidumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku u d-deidrat taċ-ċitrat tat-trisodju li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2918 14 00 u ex 2918 15 00 (kodiċi TARIC 2918 15 00 10) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rati tad-dazju antidumping definittivi applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u magħmula mill-kumpaniji elenkati hawn taħt ikunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju antidumping definittiv %

Kodiċi addizzjonali TARIC

COFCO Biochemical (Anhui) Co., Ltd. — No 1 COFCO Avenue, Bengbu City 233010, Anhui Province, PRC

35,7

A874

Laiwu Taihe Biochemistry Co., Ltd. — No 106 Luzhong Large East Street, Laiwu City, Shandong Province, PRC

15,3

A880

RZBC Co., Ltd. — No 9 Xinghai West Road, Rizhao City, Shandong Province, PRC

36,8

A876

RZBC (Juxian) Co., Ltd. — No 209 Laiyang Road (West Side of North Chengyang Road), Juxian Economic Development Zone, Rizhao City, Shandong Province, PRC

36,8

A877

TTCA Co., Ltd. — West, Wenhe Bridge North, Anqiu City, Shandong Province, PRC

42,7

A878

Weifang Ensign Industry Co., Ltd. — No 1567 Changsheng Street, Changle, Weifang, Shandong Province, PRC

33,8

A882

Jiangsu Guoxin Union Energy Co., Ltd. — No 1 Redian Road, Yixing Economic Development Zone, Jiangsu Province, PRC

32,6

A879

Il-kumpaniji l-oħra kollha

42,7

A999

3.   Minkejja l-paragrafu 1, id-dazju antidumping definittiv ma japplikax għal importazzjonijiet rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 2.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   L-importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera li huma mogħnija b'fattura minn kumpaniji li l-impenji tagħhom ġew aċċettati mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom tniżżlu fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/87, jiġu eżentati mid-dazju antidumping impost bl-Artikolu 1, bil-kundizzjoni li:

(a)

ikunu mmanifatturati, mibgħuta u nħarġitilhom fattura direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni; u

(b)

dawn l-importazzjonijiet għandhom fattura tal-impenn li hija fattura kummerċjali li fiha tal-inqas l-elementi u d-dikjarazzjoni stipulata fl-Anness ta' dan ir-Regolament, u

(c)

il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jikkorrispondu bl-eżatt mad-deskrizzjoni li jkun hemm fuq il-fattura tal-impenn.

2.   Fil-mument ta' aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, jitqies li hemm dejn doganali:

(a)

kull meta jkun stabbilit, fir-rigward tal-importazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1, li waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet elenkati f'dan il-paragrafu mhumiex issodisfati; jew

(b)

meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn tagħha skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 permezz ta' Regolament jew Deċiżjoni li jirreferu għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara l-fatturi tal-impenn rilevanti bħala invalidi.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 323, 3.12.2008, p. 1.

(3)   ĠU L 323, 3.12.2008, p. 62.

(4)   ĠU L 244, 8.9.2012, p. 27.

(5)   ĠU C 60, 1.3.2013, p. 9.

(6)   ĠU C 351, 30.11.2013, p. 27.

(7)  http://madb.trade.cec.eu.int:8080/madb/atDutyOverviewPubli.htm

(8)  http://www.ihs.com/products/chemical/planning/ceh/citric-acid.aspx

(9)  http://www.ihs.com/products/chemical/planning/ceh/citric-acid.aspx Il-kwotazzjoni hija bbażata fuq silta mir-rapport li huwa disponibbli pubblikament.

(10)  Ara l-premessa 61 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 488/2008 (ĠU L 143, 3.6.2008, p. 13.).

(11)   ĠU C 351, 30.11.2013, p. 27.

(12)   European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, CHAR 04/39, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.

(13)  Ara l-paġna 75 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS

L-elementi li ġejjin ikunu indikati fil-fattura kummerċjali li takkumpanja l-bejgħ tal-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea ta' prodotti li huma soġġetti għall-impenn:

1.

L-intestatura “FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKUMPANJA L-MERKANZIJA SOĠĠETTA GĦAL IMPENN”.

2.

L-isem tal-kumpanija li qed toħroġ il-fattura kummerċjali.

3.

In-numru tal-fattura kummerċjali.

4.

Id-data tal-ħruġ tal-fattura kummerċjali.

5.

Il-kodiċi addizzjonali tat-TARIC li skontu l-prodotti fil-fattura għandhom jiġu kklerjati mid-dwana fil-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.

6.

Id-deskrizzjoni preċiża tal-prodotti, fosthom:

in-numru tal-kodiċi tal-prodott (NKP) użat għall-għan tal-impenn,

deskrizzjoni b'lingwa sempliċi tal-prodotti li jikkorrispondu man-NKP ikkonċernat,

in-numru tal-kodiċi tal-prodott tal-kumpanija (CPC),

il-kodiċi TARIC,

il-kwantità (li trid tingħata f'tunnellati).

7.

Id-deskrizzjoni tat-termini tal-bejgħ, fosthom:

il-prezz għal kull tunnellata,

it-termini tal-pagament applikabbli,

it-termini tal-konsenja applikabbli,

ir-roħs u l-iskonti totali.

8.

L-isem tal-kumpanija li tagħmilha ta' importatur fl-Unjoni Ewropea li lilha l-kumpanija toħroġ direttament il-fattura kummerċjali li takkumpanja l-prodotti soġġetti għal impenn.

9.

L-isem tal-uffiċjal tal-kumpanija li ħareġ il-fattura kummerċjali u d-dikjarazzjoni ffirmata li ġejja:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni diretta lejn l-Unjoni Ewropea tal-prodotti koperti minn din il-fattura qed isir fil-kamp ta' applikazzjoni u skont il-kondizzjonijiet tal-Impenn offruti minn [KUMPANIJA], u aċċettati mill-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/87. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija sħiħa u korretta.”


Top