Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2182

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2182 tal-24 ta' Novembru 2015 dwar miżura meħuda mill-Ġermanja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' tip ta' magna li tnittef it-tjur (notifikata bid-dokument C(2015) 8086) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 309, 26.11.2015, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2182/oj

    26.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 309/13


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2182

    tal-24 ta' Novembru 2015

    dwar miżura meħuda mill-Ġermanja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' tip ta' magna li tnittef it-tjur

    (notifikata bid-dokument C(2015) 8086)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    F'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/42/KE, il-Ġermanja għarrfet lill-Kummissjoni dwar miżura li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' magna li tnittef it-tjur tat-tip RF-169 iddistribwita minn Fringo GmbH&Co.KG, Kurfürstendamm 96, 10709 Berlin.

    (2)

    Din il-miżura ttieħdet minħabba nuqqas ta' konformità tal-magna li tnittef it-tjur mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE.

    (3)

    It-taqsimiet 1.2.3 “L-Istartjar” u 1.2.4.1 “Waqfa normali” tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE jirrikjedu li l-makkinarju jrid ikun mgħammar b'mezz ta' kontroll li jipprevjeni l-istartjar waħdu u mhux mistenni u li jiżgura li l-operatur jista' jwaqqaf il-makkinarju b'mod sikur il-ħin kollu. Il-magna li tnittef għandha kejbil tal-mejn flessibbli bi plakka li fiha bord ta' distribuzzjoni żgħir b'tagħmir ta' protezzjoni għal kurrenti residwi (RCD). L-istartjar intenzjonali u l-waqfien normali jitwettqu, skont l-istruzzjonijiet operattivi, billi tiddaħħal plakka f'sokit u titneħħa minnu. Ma hemm l-ebda swiċċ tat-tip on/off fuq il-makkinarju.

    (4)

    It-Taqsima 1.2.4.3 “Waqfien ta' emerġenza” tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE teħtieġ li l-makkinarju għandu jkun mgħammar b'waqfa ta' emerġenza waħda jew aktar biex ikun jista' jiġi evitat il-perikolu attwali jew imminenti. Minħabba t-tul kejbil tal-mejn flessibbli (3,4 m), il-fatt li ma hemm l-ebda swiċċ tat-tip on/off u li l-magna tista' titwaqqaf biss billi titneħħa l-plakka mis-sokit, riskju immedjat jista' jiġi evitat biss b'apparat ta' waqfien ta' emerġenza fuq il-makkinarju.

    (5)

    It-Taqsima 1.2.6 “Telf tal-provvista tal-enerġija” tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE teħtieġ li l-makkinarju ma jwassalx għal sitwazzjoni perikoluża f'każ li tiġi interrotta l-provvista tal-enerġija, l-istabbiliment mill-ġdid wara interruzzjoni tal-provvista tal-elettriku jew kwalunkwe varjazzjoni tal-provvista tal-enerġija. Meta tkun restawrata l-provvista tal-elettriku l-makkinarju li jnittef jistartja immedjatament, u dan jista' jagħti lok għal sitwazzjoni perikoluża.

    (6)

    It-Taqsima 1.3.7 “Riskji li għandhom x'jaqsmu mal-partijiet li jiċċaqilqu” tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE teħtieġ li l-makkinarju jipprevjeni r-riskju ta' kuntatt li jista' jwassal għall-inċidenti, jew jekk ir-riskju jippersisti, li jiġi mgħammar b'mezzi ta' lqugħ jew b'mezzi ta' protezzjoni. Il-partijiet tat-trażmissjoni li jiċċaqilqu tal-magna li tnittef huma aċċessibbli miż-żurżieqa għar-rimi tar-rix fuq il-ġenb tal-magna u minn taħt il-magna. Il-magna ma tiqafx meta l-għatu jkun miftuħ u għalhekk xi partijiet tal-ġisem tal-utent jistgħu jiġu f'kuntatt mal-partijiet li jduru u dan jaf jikkawża ħsara.

    (7)

    It-Taqsima 1.5.1 “Il-provvista tal-elettriku” tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE teħtieġ li l-makkinarju jkun iddisinjat, mibni u mgħammar b'tali mod li r-riskji kollha ta' natura elettrika tagħhom huma evitati jew jistgħu jiġu evitati. Is-sistema tal-wajers għandha tintgħażel b'tali mod li tkun xierqa għall-kundizzjoni kollha tal-użu, għall-influwenzi esterni u għall-istress mekkaniku. Il-kejbils tal-PVC użati fuq il-makkinarju (H05VV-F u 53 RVV 300/500 V) huma maħsuba għal: Tagħbija ħafifa ħafna, tagħbija ħafifa u għal tagħbija normali, jekk ikun hemm l-ilma għal qtar li jaqa' u għal użu temporanju fuq barra. Il-kejbil tal-konnessjoni huwa klassifikat bħala perikoluż għax meta l-makkinarju jintuża għall-iskop maħsub tiegħu, iridu jitqiesu l-inondazzjoni tal-kejbil tal-konnessjoni bl-ilma u t-tagħbija tqila.

    (8)

    It-Taqsima 1.7.3 “Immarkar tal-makkinarju” tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE teħtieġ li l-makkinarju jkun immarkat bid-dettalji minimi b'mod viżibbli, li jinqara u li ma jitħassarx. Il-magna li tnittef ma għandha l-ebda indikazzjoni tas-sena li fiha ġiet manifatturata, u l-pjanċa tad-dejta mhix imwaħħla mal-magna b'mod permanenti. Fuq il-mutur, ma hemm l-ebda numru tas-serje tal-manifattur jew simbolu ta' identifikazzjoni, l-ebda indikazzjoni dwar l-għadd ta' wajers, l-istandards applikati, il-klassi tat-temperatura jew il-limitu tat-temperatura jew il-fatturi tal-potenza nominali.

    (9)

    Il-Kummissjoni stiednet lil Fringo GmbH&Co.KG biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-miżura meħuda mill-Ġermanja. Ma waslet l-ebda tweġiba.

    (10)

    Fl-eżami tal-evidenza mogħti mill-awtoritajiet Ġermaniżi ġie kkonfermat li l-magna li tnittef it-tjur tat-tip RF-169 imqassma minn Fringo GmbH&Co.KG, Kurfürstendamm 96, 10709 Berlin, tonqos milli tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza msemmijin fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2006/42/KE u li dan in-nuqqas ta' konformità jwassal għal riskju serju ta' korriment għal min jużaha. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-miżura meħuda mill-Ġermanja titqies bħala ġġustifikata,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżura meħuda mill-Ġermanja biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' magna li tnittef it-tjur tat-tip RF-169 imqassma minn Fringo GmbH&Co.KG, Kurfürstendamm 96, 10709 Berlin, hija ġġustifikata.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Elżbieta BIEŃKOWSKA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.


    Top