EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2176

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2176 tat-23 ta' Novembru 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards fin-navigazzjoni interna (CESNI) u fis-sessjoni plenarja tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (is-CCNR) rigward l-adozzjoni ta' standard dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni

ĠU L 307, 25.11.2015, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2176/oj

25.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 307/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2176

tat-23 ta' Novembru 2015

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards fin-navigazzjoni interna (CESNI) u fis-sessjoni plenarja tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (is-CCNR) rigward l-adozzjoni ta' standard dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tan-navigazzjoni interna għandu jkollha l-għan li tiżgura uniformità fl-iżvilupp tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li jridu jiġu applikati fl-Unjoni.

(2)

Il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards fin-navigazzjoni interna (CESNI) ġie stabbilit fit-3 ta' Ġunju 2015 fil-qafas tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR) biex jiżviluppa standards tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma interni f'diversi oqsma, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ.

(3)

Is-CESNI huwa mistenni li jadotta standard dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni (“l-istandard”) fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015. Is-sessjoni plenarja tas-CCNR se temenda l-qafas leġiżlattiv tagħha, (ir-Regolamenti għall-Ispezzjoni ta' Bastimenti fuq ir-Renu) (“ir-RVIR”), biex issir referenza għall-istandard u tagħmlu mandatorju fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu.

(4)

L-istandard jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi uniformi meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Dan jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-bini tal-bastimenti, l-armar u t-tagħmir għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta' kategoriji speċifiċi ta' bastimenti bħal bastimenti tal-passiġġieri, konvojs imbuttati u bastimenti tal-kontejners, dispożizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-bastiment, mudell ta' ċertifikati u reġistru, dispożizzjonijiet tranżitorji kif ukoll struzzjonijiet għall-applikazzjoni tal standard. Id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tiżgura li ċ-ċertifikati għan-navigazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni fl-Unjoni jinħarġu għal inġenji li huma konformi mar-rekwiżiti tekniċi għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni stabbiliti fl-Anness II għal dik id-Direttiva li għalihom ġiet stabbilita l-ekwivalenza mar-rekwiżiti tekniċi stipulati fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fl-10 ta' Settembru 2013, adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE, li tqis l-iżviluppi li jirriżultaw f'dan il-qasam minn organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari dawk tas-CCNR fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni.

(5)

Għalhekk, l-istandard dwar ir-rekwiżiti tekniċi għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li għandu jiġi adottat taħt l-awspiċi tas-CCNR se jaffettwa d-Direttiva 2006/87/KE, kif ukoll l-iżvilupp prevedibbli tal-acquis f'dan il-qasam.

(6)

Ir-reviżjoni tar-RVIR, li hija maħsuba biex tiffaċilita referenza diretta għall-istandard, għadha ma ġietx finalizzata fi ħdan is-CCNR. Madankollu, sabiex jitqies l-istandard saħansitra qabel ir-referenza diretta tkun tista' tiġi inkluża fir-RVIR, hu xieraq li jiġu inklużi dispożizzjonijiet individwali, inkluż dawk relatati mal-gass naturali likwifikat (LNG) fir-RVIR.

(7)

L-Unjoni la hija membru tas-CCNR u lanqas tas-CESNI. Għalhekk jeħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-istandard f'dawk il-korpi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħa tas-CESNI fis-26 ta' Novembru 2015 għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-istandard Ewropew li jistabbilixxi Rekwiżiti Tekniċi għan-Navigazzjoni fl-Ilmijiet Interni.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħa tas-sessjoni plenarja tas-CCNR fit-3 ta' Diċembru 2015 għandha tkun li tappoġġa biss dawk l-emendi individwali għar-RVIR li huma f'konformità mal-ES-TRIN 2015/1. Dan jinkludi, b'mod partikolari, l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-propulsjoni ta' bastimenti li jużaw sistema ta' LNG.

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea f'laqgħa sussegwenti tas-sessjoni plenarja tas-CCNR għandha tkun li taqbel li temenda r-RVIR b'ħarsa lejn ir-referenza għall-ES-TRIN 2015/1 ladarba ssir ir-reviżjoni neċessarja tar-RVIR.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stipulata fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri, li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

2.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stipulata fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tas-CCNR, li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Bidliet minuri għall-pożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjonijiet ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Novembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

C. MEISCH


(1)  Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 82/714/KEE (ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1).


Top