Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2109

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2109 tas-17 ta' Novembru 2015 li tawtorizza lir-Renju Unit biex japplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 305, 21.11.2015, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2109/oj

    21.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 305/49


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2109

    tas-17 ta' Novembru 2015

    li tawtorizza lir-Renju Unit biex japplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/659/KE (2) awtorizzat lir-Renju Unit biex japplika miżuri speċjali ta' simplifikazzjoni sabiex, abbażi ta' rata fissa, jiddetermina l-proporzjon tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) mhux deduċibbli marbut mal-infiq tal-fjuwil għall-vetturi kummerċjali li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali. Is-sistema, li hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli, hija bbażata fuq il-livell tal-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju (CO2) mill-karozza, peress li hemm korrelazzjoni proporzjonali bejn l-emissjoniiet u l-konsum tal-fjuwil u, għalhekk, mal-infiq fuq il-fjuwil.

    (2)

    Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-22 ta' Mejju 2015, ir-Renju Unit talab l-awtorizzazzjoni biex ikompli japplika l-miżura.

    (3)

    Permezz ta' ittra tal-5 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Renju Unit. Permezz ta' ittra tat-8 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

    (4)

    Skont ir-Renju Unit, l-arranġament effettivament wassal, kemm għall-persuni taxxabbli kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa, għas-simplifikazzjoni tal-proċedura għall-ġbir tal-VAT f'rabta mal-infiq għall-fjuwil għall-karozzi kummerċjali. Għalhekk, jixraq li r-Renju Unit jiġi awtorizzat japplika l-miżura sal-31 ta' Diċembru 2018.

    (5)

    Fil-każ li r-Renju Unit jikkunsidra li jkun hemm bżonn ta' estensjoni oħra lil hinn mill-2018, għandu jissottometti rapport flimkien ma' talba għall-estensjoni lill-Kummissjoni qabel il-31 ta' Marzu 2018.

    (6)

    Il-miżura ta' deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B'deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Renju Unit huwa awtorizzat, mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2018, li jiffissa fuq bażi ta' rata fissal-proporzjon tal-VAT relatata mal-infiq għall-fjuwil użat għal skopijiet privati fil-karozzi kummerċjali.

    Artikolu 2

    Dan il-proporzjon tat-taxxa msemmi fl-Artikolu 1 għandu jiġi espress f'ammonti fissi, stabbiliti fuq il-bażi tal-livell ta' emissjonijiet tas-CO2 tat-tip ta' vettura, li jirriflettu l-konsum tal-fjuwil. Ir-Renju Unit għandu jaġġusta dawk l-ammonti fissi annwalment biex jirrifletti l-bidliet fil-prezz medju tal-fjuwil.

    Artikolu 3

    Is-sistema stabbilita fuq il-bażi ta' din id-Direttiva għandha tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli.

    Artikolu 4

    Kull talba għall-estensjoni tal-miżura speċjali prevista f'din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2018 u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jkun jinkludi valutazzjoni tal-applikazzjoni ta' din il-miżura.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ASSELBORN


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/659/KE tal-25 ta' Settembru 2006 li tawtorizza lir-Renju Unit biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 5(6) u 11(A)(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq it-turnover (ĠU L 272, 3.10.2006, p. 15).


    Top