Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2108

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2108 tas-16 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex tinnotifika t-trattament preferenzjali li l-Unjoni biħsiebha tagħti lis-servizzi u l-fornituri ta' servizzi ta' pajjiżi Membri l-inqas żviluppati, u li tfittex l-approvazzjoni għat-trattament preferenzjali li jmur lil hinn mill-aċċess għas-suq

ĠU L 305, 21.11.2015, pp. 47–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2108/oj

21.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 305/47


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2108

tas-16 ta' Novembru 2015

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex tinnotifika t-trattament preferenzjali li l-Unjoni biħsiebha tagħti lis-servizzi u l-fornituri ta' servizzi ta' pajjiżi Membri l-inqas żviluppati, u li tfittex l-approvazzjoni għat-trattament preferenzjali li jmur lil hinn mill-aċċess għas-suq

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 91 u 100 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu IX tal-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jistabbilixxi, fost oħrajn, il-proċeduri għall-eżenzjonijiet mill-obbligi imposti fuq il-Membri tad-WTO minn dak il-Ftehim jew mill-Ftehimiet Multilaterali dwar il-Kummerċ fl-Annessi 1 A jew 1B jew 1C għal dak il-Ftehim u l-annessi tagħhom.

(2)

Fl-2011, intalbet eżenzjoni li biha l-Membri tad-WTO jkunu jistgħu jagħtu trattament preferenzjali lil servizzi u fornituri ta' servizzi ta' pajjiżi Membri l-inqas żviluppati mingħajr ma jestendu l-istess trattament għal servizzi u fornituri ta' servizzi simili tal-Membri l-oħra kollha tad-WTO billi b'mod eċċezzjonali jidderogaw mill-obbligu skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu II tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (“GATS”). Il-pożizzjoni tal-Unjoni favur dik l-eżenzjoni ġiet adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/8/UE (1).

(3)

Fis-17 ta' Diċembru 2011, il-Konferenza Ministerjali tad-WTO adottat deċiżjoni li tawtorizza lill-Membri tad-WTO biex jagħtu tali trattament preferenzjali lil servizzi u fornituri ta' servizzi ta' pajjiżi Membri l-inqas żviluppati għal perijodu ta' 15-il sena. Bis-saħħa ta' dik id-deċiżjoni, il-Membri tad-WTO li jestendu trattament preferenzjali għandhom jissottomettu notifika lill-Kunsill dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (“CTS”) u t-trattament preferenzjali fir-rigward tal-applikazzjoni ta' miżuri għajr dawk deskritti fl-Artikolu XVI tal-GATS għandu jkun approvat mis-CTS f'konformità mal-proċeduri tiegħu.

(4)

Fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta' Diċembru 2013, il-Konferenza Ministerjali tad-WTO stabbiliet mill-ġdid ir-rekwiżit tal-approvazzjoni tas-CTS fir-rigward tal-applikazzjoni ta' miżuri għajr dawk deskritti fl-Artikolu XVI tal-GATS.

(5)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni li tapprova t-trattament preferenzjali notifikat minn Membri tad-WTO, għajr l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fir-rigward ta' servizzi u fornituri tas-servizzi ta' pajjiżi Membri l-inqas żviluppati, dwar l-applikazzjoni ta' miżuri għajr dawk deskritti fl-Artikolu XVI tal-GATS ġiet adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1570 (2).

(6)

F'konformità mad-deċiżjonijiet tas-17 ta' Diċembru 2011 u tas-7 ta' Diċembru 2013 tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, fit-30 ta' Lulju 2015 l-Unjoni indikat lis-CTS l-intenzjoni tagħha li tinnotifika, soġġetta għall-proċeduri interni meħtieġa tagħha, it-trattament preferenzjali li l-Unjoni biħsiebha tagħmel disponibbli lis-servizzi u l-fornituri ta' servizzi ta' pajjiżi Membri l-inqas żviluppati.

(7)

Huwa fl-interess tal-objettivi tal-Unjoni għall-iżvilupp u jwassal għall-konklużjoni ta' parti min-negozjati dwar is-servizzi relatati mal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp għall-Unjoni li tfittex l-approvazzjoni għat-trattament preferenzjali lil hinn mill-aċċess għas-suq li biħsiebha tagħti lis-servizzi u l-fornituri ta' servizzi ta' pajjiżi Membri l-inqas żviluppati, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-preferenzi mogħtija fir-rigward ta' soġġorn temporanju ta' persuni fiżiċi għall-forniment ta' servizzi sabiex jinħolqu inċentivi biex jissodisfaw l-obbligi ta' riammissjoni skont id-dritt internazzjonali, jimplimentaw ftehimiet ta' riammissjoni eżistenti u jikkonkludu dawk ġodda, dment li l-pajjiżi Membri l-inqas żviluppati jikkooperaw mal-Unjoni dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni.

(8)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fis-CTS sabiex jiġi nnotifikat it-trattament preferenzjali li l-Unjoni biħsiebha tagħti lis-servizzi u l-fornituri ta' servizzi ta' pajjiżi Membri l-inqas żviluppati u tfittex l-approvazzjoni għat-trattament preferenzjali lil hinn mill-aċċess għas-suq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan is-CTS għandha tkun li jiġi nnotifikat is-CTS bit-trattament preferenzjali li l-Unjoni biħsiebha tagħti lis-servizzi u l-fornituri ta' servizzi ta' pajjiżi Membri l-inqas żviluppati kif jinsab fid-dokument tad-WTO S/C/N/840, f'konformità mad-deċiżjonijiet tas-17 ta' Diċembru 2011 u s-7 ta' Diċembru 2013 tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, u li titfittex l-approvazzjoni fi ħdan is-CTS rigward it-trattament preferenzjali li jmur lil hinn mill-aċċess għas-suq.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. ETGEN


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/8/UE tal-14 ta' Diċembru 2011 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward ta' talba għall-għoti ta' eżenzjoni biex jingħata trattament preferenzjali lis-servizzi u l-fornituri tas-servizzi tal-pajjiżi l-inqas żviluppati (ĠU L 4, 7.1.2012, p. 16).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1570 tat-18 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-approvazzjoni ta' trattament preferenzjali notifikat minn Membri tad-WTO, għajr l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fir-rigward ta' servizzi u fornituri tas-servizzi ta' pajjiżi Membri l-inqas żviluppati, dwar l-applikazzjoni ta' miżuri għajr dawk deskritti fl-Artikolu XVI tal-GATS (ĠU L 245, 22.9.2015, p. 6).


Top