EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2038

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2038 tat-13 ta' Novembru 2015 dwar l-ekwivalenza bejn il-qafas regolatorju tar-Repubblika tal-Korea għal kontropartijiet ċentrali u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

ĠU L 298, 14.11.2015, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2038/oj

14.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 298/25


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2038

tat-13 ta' Novembru 2015

dwar l-ekwivalenza bejn il-qafas regolatorju tar-Repubblika tal-Korea għal kontropartijiet ċentrali u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għar-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi, stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li għandhom standards regolatorji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament, li jipprovdu servizzi ta' kklirjar lill-membri tal-ikklirjar jew liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjoni ta' ekwivalenza prevista fiha għalhekk jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta' CCPs sikuri u sodi biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (“OTC”), inkluż fejn dawk is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz.

(2)

Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta' CCPs, l-eżitu sostanzjali tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. Għalhekk l-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa li jiġi verifikat li l-arranġamenti legali u superviżorji tar-Repubblika tal-Korea (minn hawn 'il quddiem “il-Korea t'Isfel”) jiżguraw li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati hemm ma jesponux lil membri tal-ikklirjar jew lil ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju milli dawn tal-aħħar jistgħu jkunu esposti għalih minn CCPs awtorizzati fl-Unjoni u li, konsegwentement, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta' riskju sistemiku fl-Unjoni.

(3)

Fl-1 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni rċeviet il-parir tekniku tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs awtorizzati fil-Korea t'Isfel. Dan il-parir tekniku identifika għadd ta' differenzi bejn ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli, fuq livell ġuriżdizzjonali, għal CCPs fil-Korea t'Isfel u r-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Madankollu, din id-Deċiżjoni mhijiex ibbażata biss fuq analiżi komparattiva tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs fil-Korea t'Isfel, iżda wkoll fuq valutazzjoni tal-eżitu ta' dawk ir-rekwiżiti, u fuq l-adegwatezza tagħhom biex inaqqsu r-riskji li l-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jkunu esposti għalihom, b'mod meqjus ekwivalenti għall-eżitu tar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk, ir-riskji ferm aktar baxxi inerenti f'attivitajiet ta' kklirjar imwettqa fis-swieq finanzjarji li huma iżgħar mis-suq finanzjarju tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari.

(4)

Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Korea t'Isfel għas-CCPs awtorizzati hemmhekk jikkonsistu fl-Att 2013 dwar is-Servizzi ta' Investiment Finanzjarju u s-Swieq Kapitali (“FSCMA”), inkluż għadd ta' regolamenti subordinati li jimplimentaw l-FCSMA.

(7)

Is-CCPs huma awtorizzati mill-Kummissjoni ta' Servizzi Finanzjarji (“FSC”). Sabiex tagħti l-awtorizzazzjoni għall-ikklirjar, l-FSC trid taċċerta ruħha li fost affarijiet oħra, is-CCP għandha kapital azzjonarju ekwivalenti għall-minimu regolatorju stabbilit, li għandha pjan tan-negozju sod u xieraq, li għandha riżorsi umani, tagħmir tal-ipproċessar tad-dejta u faċilitajiet oħra fiżiċi li huma suffiċjenti biex tipproteġi lill-investituri u twettaq negozju tal-ikklirjar, li m'għandha l-ebda uffiċjal li huwa skwalifikat skont l-FSCMA, li għandha fis-seħħ sistema biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess, u li l-azzjonisti tagħha għandhom kapaċitajiet finanzjarji adegwati, huma f'qagħda finanzjarja tajba u huma soċjalment kredibbli. Meta tagħti awtorizzazzjoni, l-FSC tista tehmeż kondizzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa biex tiġi żgurata l-integrità tal-maniġment tas-CCP u ż-żamma tal-ordni tajba tas-suq. Is-CCPs awtorizzati jkunu mbagħad soġġetti għal superviżjoni kontinwa mill-FSC, kif ukoll għal sorveljanza mill-Bank tal-Korea skont l-Att tal-Bank tal-Korea.

(8)

L-FSC esprimiet l-intenzjoni tagħha li tevalwa l-infrastrutturi tas-Suq Finanzjarju tagħha (“FMIs”) billi tqabbel mal-istandards internazzjonali stabbiliti skont il-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Suq Finanzjarju (“PFMIs”) maħruġa f'April 2012 mill-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagament u tas-Saldu (2) (“CPSS”) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (“IOSCO”). F'Marzu 2015 l-FSC ħarġet il-Linja Gwida tan-Negozju għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji, li tipprovdi standards speċifiċi li l-FMIs għandhom jimxu magħhom fit-twettiq tan-negozju skont l-FSCMA u r-regolamenti subordinati tiegħu. Il-Linja Gwida organizzat mill-ġdid l-24 prinċipju ewlieni tal-PFMIs f'14-il prinċipju skont ċirkostanzi domestiċi, u tipprovdi standards dettaljati għall-implimentazzjoni tagħhom. F'Diċembru 2012, il-Bank tal-Korea emenda r-“Regolament dwar l-Operazzjoni u l-Ġestjoni tas-Sistemi tal-Pagamenti u tas-Saldu” tiegħu biex jadotta l-PFMIs bħala l-istandards ta' sorveljanza tiegħu.

(9)

L-FSCMA u r-regolamenti subordinati tiegħu jeħtieġu wkoll li s-CCPs jadottaw regoli u proċeduri interni li huma meħtieġa għar-regolamentazzjoni xierqa tal-faċilitajiet tal-ikklirjar u s-saldu tagħha. Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-FSCMA, ir-regolamenti subordinati tiegħu, il-Linja Gwida u r-Regolament dwar l-Operazzjoni u l-Ġestjoni tas-Sistemi tal-Pagamenti u tas-Saldu huma implimentati fir-regoli u l-proċeduri interni tal-kmamar tal-ikklirjar. Taħt l-FSCMA, kull reviżjoni li ssir lill-artikoli ta' inkorporazzjoni jew lir-regoli u proċeduri interni tas-CCPs trid tiġi approvata mill-FSC.

(10)

Għalhekk, ir-rekwiżiti legalment vinkolanti fil-Korea t'Isfel għandhom struttura fuq żewġ saffi. L-FSCMA u r-regolamenti subordinati tiegħu jistabbilixxu l-istandards ta' livell għoli li s-CCPs għandhom jikkonformaw magħhom sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jipprovdu servizzi ta' kklirjar fil-Korea t'Isfel. Dawn ir-regoli primarji jinkludu l-ewwel saff ta' rekwiżiti legalment vinkolanti fil-Korea t'Isfel. Sabiex jagħtu prova ta' konformità mar-regoli primarji, is-CCPs iridu jissottomettu r-regoli u l-proċeduri interni tagħhom lill-FSC għall-approvazzjoni b'konformità mal-Linja Gwida tan-Negozju għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji. Dawn ir-regoli u proċeduri interni jinkludu t-tieni saff ta' rekwiżiti fil-Korea t'Isfel.

(11)

Il-valutazzjoni ta' ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs fil-Korea t'Isfel għandha tqis ukoll l-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju li huma jiżguraw f'termini tal-livell ta' riskju li l-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jkunu esposti għalih minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f'dawn l-entitajiet. L-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju huwa determinat kemm mill-livell ta' riskju inerenti fl-attivitajiet ta' kklirjar imwettqa mis-CCP ikkonċernata, li jiddependi mid-daqs tas-suq finanzjarju li topera fih, kif ukoll minn kemm huma xierqa l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs biex inaqqsu dak il-livell ta' riskju. Sabiex jinkiseb l-istess eżitu ta' mitigazzjoni tar-riskju, huma meħtieġa rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju aktar stretti għas-CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji ikbar li għandhom livell ta' riskju inerenti ogħla, minn dawk ta' CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji iżgħar li għandhom livell ta' riskju inerenti iktar baxx.

(12)

Id-daqs tas-suq finanzjarju fejn is-CCPs awtorizzati fil-Korea t'Isfel iwettqu l-attivitajiet tal-ikklirjar tagħhom huwa ferm iżgħar minn dak fejn iwettqu l-attivitajiet tagħhom is-CCPs stabbiliti fl-Unjoni. B'mod partikolari, tul l-aħħar tliet snin, il-valur totali tat-tranżazzjonijiet ikklerjati fil-Korea t'Isfel irrappreżenta inqas minn 1 % tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi kklerjati fl-Unjoni. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tas-CCPs awtorizzati fil-Korea t'Isfel tesponi lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal riskji ferm iktar baxxi mill-parteċipazzjoni tagħhom f'CCPs awtorizzati fl-Unjoni.

(13)

L-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs awtorizzati fil-Korea t'Isfel jistgħu għalhekk jitqiesu bħala ekwivalenti meta dawn ikunu xierqa biex itaffu dak il-livell iktar baxx ta' riskju. Ir-regoli primarji applikabbli għal dawn is-CCPs, flimkien mar-regoli u l-proċeduri interni tagħhom li jimplimentaw il-PFMIs, itaffu l-livell aktar baxx ta' riskju li jeżisti fil-Korea t'Isfel u jiksbu eżitu ta' mitigazzjoni tar-riskju ekwivalenti għal dak li jipprova jikseb ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(14)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Korea t'Isfel jiżguraw li s-CCPs awtorizzati hemm jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(15)

Skont it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Korea t'Isfel fir-rigward ta' CCPs awtorizzati hemm iridu jipprovdu għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi ta' dawn is-CCPs fuq bażi kontinwa.

(16)

L-FSC hija responsabbli għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tar-regoli superviżorji u għall-ispezzjoni u l-eżaminar tal-istituzzjonijiet finanzjarji. L-FSC, bħala s-superviżur ewlieni tas-CCPs, għandha s-setgħa sħiħa li tikkontrollahom u tippenalizzahom, inkluż fost affarijiet oħra, il-poter li tirrevoka l-liċenzja tas-CCPs, is-setgħa li tissospendi u titrasferixxi n-negozju tas-CCPs, u s-setgħa li timponi sanzjonijiet fuq is-CCPs. Is-superviżjoni ta' kuljum hija mwettqa mis-Servizz Finanzjarju Superviżorju (“FSS”) li jaġixxi taħt is-sorveljanza tal-FSC. Is-CCPs huma soġġetti għal spezzjoni kull sentejn, kull waħda b'tul ta' erba' ġimgħat, u għal spezzjonijiet mhux perjodiċi fuq talba tal-kontrollur. L-FSS iwettaq monitoraġġ kontinwu tal-konformità tas-CCPs mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju permezz ta' sorveljanza u proċeduri ta' eżaminar ibbażati fuq ir-riskju, inkluż l-ittestjar tar-rekwiżiti prudenzjali. Barra minn hekk, wieħed mill-għanijiet prinċipali tas-sorveljanza tas-CCPs awtorizzati fil-Korea t'Isfel mill-Bank tal-Korea hu li jiżgura s-sikurezza u l-effiċjenza tagħhom. Hu jwettaq sorveljanza billi jevalwa informazzjoni dwar CCPs, iwettaq valutazzjonijiet tagħhom kull sentejn billi jqabbel mal-PFMIs, u jitlob titjib jekk ikun meħtieġ. Il-Bank tal-Korea għandu l-awtorità li jitlob li jsir dan it-titjib, bil-qbil tal-Kumitat għall-Politika Monetarja jekk huwa titjib maġġuri.

(17)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Korea t'Isfel fir-rigward ta' CCPs awtorizzati hemm jipprovdu għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

(18)

Skont it-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Korea t'Isfel iridu jinkludu sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs awtorizzati skont reġimi legali ta' pajjiżi terzi (“CCPs ta' pajjiżi terzi”).

(19)

CCPs ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jikklerjaw id-derivattivi OTC fil-Korea t'Isfel iridu japplikaw għall-approvazzjoni mal-FSC.

(20)

Sabiex tingħata l-approvazzjoni, il-ġuriżdizzjoni fejn hi stabbilita s-CCP għandu jkollha reġim regolatorju b'saħħtu biżżejjed li hu simili għall-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fil-Korea t'Isfel. Il-konklużjoni tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Korea t'Isfel u dawk kompetenti tal-pajjiż terz hija meħtieġa wkoll qabel ma tiġi approvata l-applikazzjoni tas-CCP tal-pajjiż terz.

(21)

Il-proċedura ta' rikonoxximent tar-reġim legali tal-Korea t'Isfel applikabbli għal CCPs ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jikklerjaw id-derivattivi OTC hemmhekk għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala waħda li tipprovdi sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi.

(22)

Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu għalhekk jitqiesu milħuqa mill-arranġamenti legali u superviżorji tal-Korea t'Isfel rigward CCPs awtorizzati bihom, u dawn l-arranġamenti legali u superviżorji għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-Kummissjoni għandha tkompli tissorvelja fuq bażi regolari l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju għas-CCPs fil-Korea t'Isfel u t-twettiq tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni.

(23)

Ir-reviżjoni regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fil-Korea t'Isfel għas-CCPs awtorizzati bihom għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin barra l-ambitu tal-analiżi ġenerali, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-deċiżjoni. Tali valutazzjoni mill-ġdid tista' twassal għall-irtirar tar-rikonoxximent tal-ekwivalenza.

(24)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Korea t'Isfel li jikkonsistu fl-Att 2013 dwar is-Servizzi ta' Investiment Finanzjarju u s-Swieq Kapitali u r-regolamenti subordinati tiegħu kif inhuma kkomplementati mil-Linji Gwida ta' Negozju għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji u r-Regolament dwar l-Operazzjoni u l-Ġestjoni tas-Sistemi tal-Pagamenti u tas-Saldu, u applikabbli għas-CCPs awtorizzati bihom għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Mill-1 ta' Settembru 2014, il-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagament u tas-Saldu biddel ismu għal Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u l-Infrastrutturi tas-Suq “CPMI”.


Top