This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D2037
Council Decision (EU) 2015/2037 of 10 November 2015 authorising Member States to ratify, in the interests of the European Union, the Protocol of 2014 to the Forced Labour Convention, 1930, of the International Labour Organisation with regard to matters relating to social policy
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2037 tal-10 ta' Novembru 2015 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-politika soċjali
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2037 tal-10 ta' Novembru 2015 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-politika soċjali
ĠU L 298, 14.11.2015, p. 23–24
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
14.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 298/23 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2037
tal-10 ta' Novembru 2015
li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-politika soċjali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 153(2), flimkien mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 153(1) u l-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
L-Unjoni qed tħeġġeġ ir-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol, ikklassifikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bħala aġġornati, biex jingħata kontribut lill-isforzi tal-Unjoni biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u xogħol diċenti għal kulħadd u biex jinqered it-traffikar tal-bnedmin kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha. Il-ħarsien tal-prinċipji fundamentali u d-drittijiet fil-post tax-xogħol huwa aspett ewlieni ta' dik il-promozzjoni. |
(2) |
Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, li l-Protokoll tal-2014 jissupplimenta, hija Konvenzjoni tal-ILO fundamentali u għandha effett fuq ir-regoli li jirreferu għall-istandards ewlenin tax-xogħol. |
(3) |
Partijiet mir-regoli previsti fil-Protokoll tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (“il-Protokoll”), jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Unjoni skont l-Artikolu 153(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). B'mod partikolari, xi regoli tal-Protokoll diġà huma koperti mill-acquis tal-UE fil-qasam tal-politika soċjali. F'dak ir-rigward, l-Artikoli 1(1), 2(a) u 2(d) tal-Protokoll, b'mod partikolari, jikkonċernaw kwistjonijiet koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE (1), id-Direttiva 2008/104/KE tal-Paralament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif ukoll id-Direttivi dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, inkluża d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (3), id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), id-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE (5) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE (6). |
(4) |
L-Artikolu 19(4) tal-Kostituzzjoni tal-ILO, dwar l-adozzjoni u r-ratifika ta' Konvenzjonijiet, japplika bl-istess mod għal Protokolli, li huma ftehimiet internazzjonali li jorbtu, soġġetti għal ratifika u marbutin ma' Konvenzjonijiet. |
(5) |
L-Unjoni ma tistax tirratifika l-Protokoll billi l-Istati biss jistgħu jkunu Partijiet fih. |
(6) |
Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jirratifikaw il-Protokoll, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, fir-rigward ta' dawk il-partijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni skont l-Artikolu 153(2) tat-TFUE. |
(7) |
Il-partijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt il-kompetenza mogħtija lill-Unjoni, għajr il-partijiet relatati mal-politika soċjali ser ikunu soġġetti għal Deċiżjoni adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jirratifikaw, għall-partijiet li jaqgħu fil-kompetenza mogħtija lill-Unjoni taħt l-Artikolu 153(2) tat-TFUE, il-Protokoll tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika tal-Protokoll mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol kemm jista' jkun malajr, preferibbilment sal-31 ta' Diċembru 2016.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
P. GRAMEGNA
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32).
(2) Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22 ta' Ġunju 1994 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol (ĠU L 216, 20.8.1994, p. 12).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).