EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2022

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2022 tal-10 ta' Novembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2008/866/KE, dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu importazzjonijiet mill-Perù ta' ċerti molluski bivalvi maħsuba għall-konsum mill-bniedem, fir-rigward tal-perjodu tal-applikazzjoni tagħha (notifikata bid-dokument C(2015) 7669) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 295, 12.11.2015, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2022/oj

12.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/45


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2022

tal-10 ta' Novembru 2015

li temenda d-Deċiżjoni 2008/866/KE, dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu importazzjonijiet mill-Perù ta' ċerti molluski bivalvi maħsuba għall-konsum mill-bniedem, fir-rigward tal-perjodu tal-applikazzjoni tagħha

(notifikata bid-dokument C(2015) 7669)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(i) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw b'mod ġenerali l-ikel u l-għalf, u b'mod partikolari s-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali. Dan jistipula miżuri ta' emerġenza meta jkun evidenti li ikel jew għalf importat minn pajjiż terz x'aktarx huwa ta' riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent, u li riskju bħal dan ma jistax jitrażżan b'mod sodisfaċenti permezz ta' miżuri meħuda mill-Istat Membru/Istati Membri kkonċernat/i.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/866/KE (2) ġiet adottata wara tifqigħa tal-Epatite A fil-bnedmin relatata mal-konsum ta' molluski bivalvi importati mill-Perù li kienu kkontaminati mill-vajrus tal-Epatite A (HAV). Din id-Deċiżjoni inizjalment kienet tapplika sal-31 ta' Marzu 2009, imma dan il-perjodu ta' applikazzjoni kien ġie estiż sat-30 ta' Novembru 2015 bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/874/UE (3).

(3)

L-Awtorità Kompetenti Peruvjana ntalbet tipprovdi garanziji sodisfaċenti biex tassigura li n-nuqqasijiet identifikati fir-rigward tas-sistema ta' monitoraġġ għad-detezzjoni tal-vajrus f'molluski bivalvi ħajjin ġew ikkoreġuti. Il-miżuri protettivi għandhom jiġu estiżi sakemm tintwera l-effettività tal-miżuri korrettivi li jkunu ttieħdu mill-awtoritajiet kompetenti Peruvjana. Sal-lum, fid-dawl tar-riżultati tal-programm ta' monitoraġġ, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li s-sistema ta' kontroll u l-pjan ta' monitoraġġ li hemm fis-seħħ bħalissa fil-Perù għal ċerti molluski bivalvi jista' jagħti l-garanziji meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni.

(4)

Għaldaqstant, il-limitu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/866/KE għandu jiġi emendat kif xieraq.

(5)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2008/866/KE, id-data “30 ta' Novembru 2015” tinbidel bid-data “30 ta' Novembru 2017”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni 2008/866/KE tat-12 ta' Novembru 2008 dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu importazzjonijiet mill-Perù ta' ċerti molluski bivalvi maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 307, 18.11.2008, p. 9).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/874/UE tat-3 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2008/866/KE dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu importazzjonijiet mill-Perù ta' ċerti molluski bivalvi maħsuba għall-konsum mill-bniedem, fir-rigward tal-perjodu tal-applikazzjoni tagħha (ĠU L 349, 5.12.2014, p. 63).


Top