Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1947

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1947 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

    ĠU L 284, 30.10.2015, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1947/oj

    Related international agreement

    30.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 284/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1947

    tal-1 ta' Ottubru 2015

    dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-punt (v) tal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    F'Novembru 2001, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) nediet iċ-Ċiklu ta' Doha ta' negozjati kummerċjali, magħruf bħala l-Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doha. In-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ ġew imnedija f'Lulju 2004, abbażi ta' impenn biex jiġu ċċarati u mtejba bosta artikoli tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (“GATT 1994”): L-Artikolu V (Libertà ta' Tranżitu), l-Artikolu VIII (Drittijiet ta' Ħlas u Formalitajiet marbuta mal-Importazzjoni u l-Esportazzjoni), u l-Artikolu X (Pubblikazzjoni u Amministrazzjoni tar-Regolamenti Kummerċjali), bil-ħsieb li jitħaffef aktar il-moviment, ir-rilaxx u l-ikklerjar ta' merkanzija, inklużi merkanzija fi tranżitu. Barra minn hekk, il-mandat irreferi għal dispożizzjonijiet għal kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet doganali jew oħra xierqa marbuta mal-faċilitazzjoni tal-kummerċ u kwistjonijiet ta' konformità doganali.

    (2)

    In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni b'konsultazzjoni mal-Kumitat Speċjali stabbilit taħt l-Artikolu 207(3) tat-Trattat.

    (3)

    Fid-disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO li saret f'Bali mit-3 sas-6 ta' Diċembru 2013 ġiet adottata d-Deċiżjoni Ministerjali dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, fejn ġew konklużi n-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ soġġett għar-rieżami legali tat-test. Id-Deċiżjoni Ministerjali waqqfetukoll il-Kumitat Preparatorju dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u tat struzzjonijiet lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex jadotta Protokoll li jinkludi l-Ftehim bħala Anness 1A għall-Ftehim ta' Marrakexx li jistabbilixxi d-WTO u li biex jinfetaħ għall-aċċettazzjoni minn kull Membru tad-WTO skont il-proċeduri interni tagħha.

    (4)

    Fil-laqgħa tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014, il-Kunsill Ġenerali tad-WTO adotta l-Protokoll li jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Protokoll”) u fetħu għall-aċċettazzjoni mill-Membri tad-WTO.

    (5)

    Il-Protokoll jinkludi il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u l-impenji ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma inkorporati bħala Anness għal dak il-Ftehim. Numru sinifikanti ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw diġà nnotifikaw l-impenji tagħhom tal-Kategorija A skont l-Artikolu 15(1) tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ. Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ se jirċievi n-notifiki tal-impenji skont il-Kategorija A għall-pajjiżi l-anqas żviluppati skont l-Artikolu 15(2) tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u n-notifiki tal-impenji skont il-Kategoriji B u C kemm għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll għall-pajjiżi l-anqas żviluppati skont l-Artikolu 16(5) tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ. L-impenji se jsiru parti integrali tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ.

    (6)

    Il-Protokoll għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

    It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiddepożita, f'isem l-Unjoni, l-istrument ta' aċċettazzjoni, kif speċifikat fil-paragrafu 4 tal-Protokoll (1).

    Artikolu 3

    Dan il-Protokoll ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-1 ta' Ottubru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    É. SCHNEIDER


    (1)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top