Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1877

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1877 tal-20 ta' April 2015 dwar it-tariffi mitluba minn S.C. Hidroelectrica S.A. tar-Rumanija lil S.C. Termoelectrica S.A. u S.C. Electrocentrale Deva S.A. — SA.33475 (12/C) (notifikata bid-dokument numru C(2015) 2648) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 275, 20.10.2015, p. 46–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1877/oj

    20.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 275/46


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1877

    tal-20 ta' April 2015

    dwar it-tariffi mitluba minn S.C. Hidroelectrica S.A. tar-Rumanija lil S.C. Termoelectrica S.A. u S.C. Electrocentrale Deva S.A. — SA.33475 (12/C)

    (notifikata bid-dokument numru C(2015) 2648)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni mill-Kummissjoni li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat, fir-rigward tal-għajnuna SA.33475 (12/C, ex 12/NN) (1),

    Wara li stiednet lill-partijiet interessati kollha biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmijin hawn fuq u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Fit-2 ta' Awwissu 2011, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand il-fond ta' investiment S.C. Fondul Proprietatea S.A. (“l-ilmentatur”) rigward ix-xiri tal-elettriku ta' S.C. Hidroelectrica S.A. (“Hidroelectrica”) mingħand fornituri tal-elettriku bi prezzijiet allegatament ogħla mil-livell tas-suq.

    (2)

    Fil-25 ta' April 2012, il-Kummissjoni għarrfet lir-Rumanija li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-kuntratti li permezz tagħhom Termoelectrica S.A. (“Termoelectrica”) u S.C. Electrocentrale Deva S.A. (“Electrocentrale Deva”) fornew l-elettriku bl-ingrossa lil Hidroeletrica, minn hawn 'il quddiem imsejħa d-“Deċiżjoni tal-Ftuħ”.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Rumeni u lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

    (4)

    Fit-23 ta' Lulju 2012, l-Awtoritajiet Rumeni taw il-kummenti preliminari tagħhom lill-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

    (5)

    Il-Kummissjoni rċeviet biss kummenti preliminari mingħand Termoelectrica, datati l-11 ta' Ġunju 2012, u mingħand Electrocentrale Deva, datati t-12 ta' Ġunju 2012, li l-Awtoritajiet Rumeni għaddew lill-Kummissjoni fis-26 ta' Lulju 2012. L-Awtoritajiet Rumeni reġgħu għaddew l-istess kummenti preliminari lill-Kummissjoni fit-2 ta' Awwissu 2012.

    (6)

    Fit-12 ta' Frar 2013, il-Kummissjoni għarrfet lill-Awtoritajiet Rumeni li ma kienet irċeviet l-ebda kumment mingħand il-partijiet interessati.

    (7)

    Fl-24 ta' Marzu 2013, l-Awtoritajiet Rumeni tennew il-pożizzjoni preliminari tagħhom b'rabta ma' dan il-każ.

    (8)

    Il-Kummissjoni talbet iżjed informazzjoni mingħand l-Awtoritajiet Rumeni permezz tal-ittri datati d-29 ta' Lulju u l-11 ta' Settembru 2013, it-3 ta' Marzu, is-6 ta' Awwissu u l-25 ta' Settembru 2014 u d-19 ta' Jannar 2015. L-Awtoritajiet Rumeni taw informazzjoni ulterjuri fil-11 ta' Settembru 2013, fl-24 ta' Marzu, fl-14 ta' Mejju, fit-3 ta' Settembru, fit-22 ta' Settembru, fl-10 ta' Ottubru u fil-21 ta' Ottubru 2014 u fl-20 ta' Frar 2015.

    (9)

    Fis-16 ta' April 2015, ir-Rumanija rrinunzjat għad-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 342 tat-Trattat flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 (3) biex id-deċiżjoni tiġi adottata bir-Rumen u qablet li d-deċiżjoni tiġi adottata bl-Ingliż.

    2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI TA' GĦAJNUNA

    (10)

    Din it-Taqsima tiddeskrivi l-partijiet kontraenti (jiġifieri: Hidroelectrica, Termoelectrica, u Electrocentrale Deva), ġeneraturi tal-elettriku oħrajn, il-kuntratti għax-xiri tal-elettriku fil-kuntest tas-suq tal-elettriku Rumen u żviluppi u interkonnessjonijiet differenti bejn l-allegati benefiċjarji.

    2.1.   Il-partijiet kontraenti

    2.1.1.   Hidroelectrica

    (11)

    Hidroelectrica twaqqfet fl-2000. Hidroelectrica hija kkontrollata mid-dritt ordinarju tal-kumpaniji. Il-kapital azzjonarju tagħha huwa f'idejn l-Istat Rumen permezz tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ (80,06 %) u l-ilmentatur (19,94 %). L-Istat Rumen huwa rrappreżentat fil-Bord tal-Laqgħat tal-Azzjonisti ta' Hidroelectrica. Skont l-Artikoli ta' Inkorporazzjoni ta' Hidroelectrica, id-Direttur Ġenerali jmexxi u jirrapreżenta n-negozju ta' kuljum tal-kumpanija u jieħu deċiżjonijiet b'mod indipendenti dwar kwistjonijiet minbarra dawk irriżervati għal-Bord tal-Laqgħat tal-Azzjonisti u l-Bord tad-Diretturi. Fil-prattika, id-Diretturi ta' Hidroelectrica għaqqdu l-funzjonijiet mal-karigi governattivi (4).

    (12)

    Hidroelectrica hija l-ġeneratur tal-elettriku ewlieni tar-Rumanija b'kapaċità tal-produzzjoni annwali ta' madwar 17,5 TWh f'sena idroloġika normali. Hidroelectrica tipproduċi l-elettriku permezz ta' digi u ta' impjanti tal-ġenerazzjoni bil-fluss tal-ilma. Madankollu, din il-produzzjoni hija soġġetta għal varjazzjonijiet kbar skont il-kundizzjonijiet idroloġiċi: fl-2009, il-produzzjoni ta' Hidroelectrica kienet ta' 16,4 TWh, fl-2010 kienet ta' 21,3 TWh u fl-2011 kienet ta' 14,7 TWh. Fl-2013, is-sehem mis-suq ta' Hidroelectrica kien ta' 28,24 %, ikbar minn dak ta' Complexul Energetic Oltenia, produttur tal-elettriku ibbażat fuq il-faħam termali, b'sehem mis-suq ta' 20,83 % u Nuclearelectrica b'sehem mis-suq ta' 20,65 %, it-tnejn li huma kumpaniji tal-Istat.

    (13)

    Hidroelectrica tpoġġiet taħt proċeduri ta' insolvenza fis-26 ta' Ġunju 2012. (5) u tneħħew fis-26 ta' Ġunju 2013 (6). Fil-25 ta' Frar 2014, Hidroelectrica reġgħet tpoġġiet taħt proċeduri ta' insolvenza.

    2.1.2.   Il-benefiċjarji

    (14)

    Il-fornituri li magħhom Hidroelectrica daħlet fil-kuntratti investigati huma Termoelectrica u Electrocentrale Deva, żewġ produtturi tal-elettriku bbażati fuq il-faħam, it-tnejn kompletament tal-Istat, direttament jew indirettament, b'kapaċità tal-produzzjoni annwali fid-data tal-iffirmar tal-kuntratti ta' 1,7 TW u 1,3 TW rispettivament u ishma mis-suq ta' 3 % u 5 % fl-2009. (7) u ta' 1,9 % u 4,1 % fl-2011 (8). Termoelectrica u Electrocentrale Deva biegħu elettriku prodott minn faħam indiġenu għali u mhux kompetittiv (9).

    (15)

    Electrocentrale Deva kienet diviżjoni ta' Termoelectrica sal-aħħar ta' Diċembru 2001 meta ġiet inkorporata bħala kumpanija separata, flimkien ma' diviżjonijiet oħra tal-Istat (CE Craiova, Electrocentrale Bucuresti, CE Rovinari eċċ). L-uniku azzjonist ta' Electrocentrale Deva kien Termoelectrica sas-27 ta' Marzu 2012.

    2.2.   Informazzjoni oħra dwar is-suq

    (16)

    Il-ġenerazzjoni tal-elettriku fir-Rumanija hija ddominata minn kumpaniji tal-Istat, li flimkien għandhom sehem mis-suq ta' madwar 90 %. (10) Fl-2011 il-ġenerazzjoni netta totali tal-elettriku fir-Rumanija ammontat għal 60,38 TWh. It-taħlita ta' ġenerazzjoni tikkonsisti l-aktar minn impjanti tal-enerġija bbażati fuq l-idroenerġija (madwar 28 % tal-ġenerazzjoni totali), l-enerġija nukleari (madwar 18 %) u l-karburanti fossili (madwar 51 %). (11)

    (17)

    Is-suq Rumen huwa interkonness, b'mod partikolari, mal-Bulgarija, b'kapaċità ta' trasferiment netta ta' 400 MW fl-2009-2010 u l-Ungerija, b'kapaċità ta' trasferiment netta ta' 500-800 MW fl-2009-2010 Il-kapaċità netta tal-interkonnessjoni ma' dawn l-Istati Membri ma ntużatx kollha f'dak il-perjodu, minħabba konġestjoni. Matul il-perjodu 2009-2011, il-flussi tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-elettriku lejn u mir-Rumanija kienu dawn li ġejjin: (i) fl-2009, l-importazzjonijiet tal-elettriku ammontaw għal 676 GWh, filwaqt li l-esportazzjonijiet ammontaw għal 3 154 GWh (madwar 4,8 % tal-elettriku kollu prodott fir-Rumanija); (ii) fl-2010, l-importazzjonijiet tal-elettriku ammontaw għal 943 GWh, filwaqt li l-esportazzjonijiet ammontaw għal 3 854 GWh (madwar 3,4 % tal-elettriku kollu prodott fir-Rumanija); (iii) fl-2011, l-importazzjonijiet tal-elettriku ammontaw għal 1 036 GWh, filwaqt li l-esportazzjonijiet ammontaw għal 2 942 GWh (madwar 2,8 % tal-elettriku kollu prodott fir-Rumanija).

    2.3.   Il-kuntratti

    (18)

    Il-kuntratt ma' Termoelectrica ġie konkluż fit-30 ta' Lulju 2008 (12), filwaqt li l-kuntratt ma' Electrocentrale Deva ġie konkluż fid-9 ta' Ġunju 2009 (flimkien imsejħin “il-Kuntratti” f'din id-Deċiżjoni), għal durata ta' għaxar snin. Il-Kuntratti ġew terminati minn Euro-Insol, l-amministratur ġudizzjarju ta' Hidroelectrica, matul il-proċedura ta' insolvenza ta' Hidroelectrica, fl-aħħar ta' Awwissu 2012. (13).

    (19)

    Permezz ta' noti lill-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ Rumen, Termoelectrica u Electrocentrale Deva talbu approvazzjoni minn dan il-Ministeru għall-iffirmar tal-Kuntratti, kif stabbilit fil-premessi 20 sa 22:

    (20)

    Fil-15 ta' Lulju 2008 permezz tan-nota numru 7323, Termoelectrica iddikkjaraw dan li ġej: “(…) Termoelectrica SA analizzat diversi metodi biex issolvi din il-problema urġenti u l-uniku varjant bi kwalunkwe prospett ta' suċċess fil-pront u li ma kienx jeħtieġ l-approvazzjoni tal-UE huwa dan li ġej: L-iffirmar ta' kuntratt fit-tul (ta' 10 snin) bejn Termoelectrica SA u Hidroelectrica SA għax-xiri tal-elettriku prodott mill-unità ta' ġenerazzjoni nru 4 ta' CET Paroșeni. Il-prezz tal-kuntratt se jkun il-prezz għal CET Paroșeni stabbilit mill-ANRE fis-suq irregolat, ibbażat fuq l-ispejjeż ġustifikati ta' Termoelectrica SA;, u l-Iffirmar ma' Compania Națională a Huilei Petroșani ta' kuntratt fit-tul (ta' madwar 10 snin) għall-akkwist tal-faħam. Għal Termoelectrica SA (SE Paroșeni) u anke għal Compania Națională a Huilei (14), dan (…) jiżgura l-futur fit-tul taż-żewġ kumpaniji li jinsabu fil-Wied Jiu”.

    (21)

    Fis-27 ta' Mejju 2009, permezz tan-nota numru 10855 Electrocentrale Deva, talbet dan li ġej: “(…) Sabiex il-kumpanija ma tfallix u sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu ffinanzjati u implimentati l-investimenti meħtieġa għall-issoktar tal-operat, nitolbukom tagħtuna l-approvazzjoni tagħkom għan-negozjar u l-konklużjoni ta' kuntratt ta' 10 snin bejn Electrocentrale Deva u Hidroelectrica București għall-bejgħ lil Hidroelectrica ta' kwantità tal-elettriku li tikkorrispondi għal enerġija medja ta' 150 MW flimkien mal-kwantità mwassla fis-suq irregolat u bi prezz approvat mill-ANRE li se jkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni ġustifikati”.

    (22)

    Iż-żewġ Noti ġew approvati mir-rappreżentanti tal-Ministeru Rumen tal-Ekonomija u l-Kummerċ, fil-livell tal-Ministru u/jew tas-Segretarju tal-Istat. Il-Kuntratti jgħidu li dawn kienu konklużi fuq il-bażi ta' dawn in-noti.

    (23)

    Fil-kuntratt ma' Termoelectrica, la Hidroelectrica u lanqas Termoelectrica ma kellhom il-possibbiltà li jitterminaw il-kuntratt. Fil-kuntratt ma' Electrocentrale Deva, kemm Hidroelectrica kif ukoll Electrocentrale Deva kellhom il-possibbiltà li jitterminaw il-kuntratt fiċ-ċirkostanzi li ġejjin: (i) it-tel.f mill-parti l-oħra tal-kwalità tagħha bħala prodottur, fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-data li fiha tintilef dik il-kwalità; (ii) ir-rifjut minn kwalunkwe waħda mill-partijiet milli tikkonkludi kuntratt ġdid jew li temenda l-kuntratt eżistenti, fil-każ ta' bidla fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi u tekniċi eżistenti fid-data tal-konklużjoni tiegħu; (iii) f'każijiet oħra stipulati minn kwalunkwe liġi jew regolament applikabbli. (15).

    (24)

    Il-kuntratt ma' Termoelectrica kellu d-dettalji li ġejjin: (i) il-prezz kuntrattwali jiġi stabbilit kull sena mill-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija Rumena (“ANRE”) fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni ġustifikati minn Termoelectrica; (ii) Hidroelectrica tixtri l-elettriku kollu prodott mill-Impjant ta' Paroseni kull xahar. (16) Mid-data tal-iffirmar tiegħu u sat-terminazzjoni tiegħu mill-amministratur ġudizzjarju, il-kuntratt kien immodifikat 8 darbiet (seba' addenda li jikkonsistu f'aġġustamenti fil-prezzijiet). (17)

    (25)

    Il-kuntratt ma' Electrocentrale Deva kellu d-dettalji li ġejjin: (i) il-prezz tal-kuntratt jiġi stabbilit mill-ANRE abbażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni ġustifikati minn Electrocentrale Deva; (ii) jekk l-ANRE ma tibqax tirregola l-prezzijiet tal-elettriku, il-prezz kellu jiġi nnegozjat mill-partijiet u ma kellux ikun inqas mill-prezz tal-kuntratt fis-sena ta' qabel; (iii) il-partijiet kuntrattwali ma jimponux xi penali jew imposta oħra f'każ li l-bejjiegħ jonqos milli jforni l-kwantità stipulata fil-kuntratt tal-elettriku jew jekk il-bejjiegħ jonqos milli jħallas il-prezz tal-kuntratt. (18) Mid-data tal-iffirmar tiegħu u sat-terminazzjoni tiegħu mill-amministratur ġudizzjarju, il-kuntratt ġie mmodifikat 5 darbiet. (19) (il-bidliet kollha kienu jikkonsistu f'aġġustamenti fil-prezzijiet).

    (26)

    Minkejja dispożizzjonijiet ċari fiż-żewġ Kuntratti, li skont dawn il-prezz tal-kuntratt kellu jiġi stabbilit mill-ANRE, bħala regola ġenearli, fil-prattika l-aġġustamenti fil-prezzijiet saru bl-approvazzjoni minn qabel tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ, bi tliet eċċezzjonijiet (20).

    (27)

    Pereżempju, permezz ta' nota (b'data li ma tinqarax), Hidroelectrica fittxet l-approvazzjoni mill-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ għall-aġġustament tal-prezzijiet għall-perjodu mill-1 ta' Awwissu 2009 sal-31 ta' Diċembru 2009, minħabba “żidiet fl-ispejjeż tal-produzzjoni”. Fl-istess nota, semmiet biċ-ċar li l-“iskop tal-konklużjoni u t-twettiq taż-żewġ kuntratti huwa li jinbiegħ fis-suq kompetittiv ammont ta' elettriku bbażat fuq il-faħam iebes imħallat mal-idroenerġija, kif ukoll li jipprovdu ż-żewġ produtturi tal-enerġija termali b'kuntratt aċċettat mill-istituzzjonijiet finanzjarji bħala ipoteka, sabiex jiksbu s-self fuq perjodu twil meħtieġ ħalli jagħmlu l-investimenti meħtieġa biex iżommu l-liċenzji tal-ġenerazzjoni tal-elettriku”.

    (28)

    B'mod simili, permezz ta' nota oħra, Hidroelectrica fittxet l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ sabiex iżżomm il-prezz tal-2009 ta' 230 Ron/MWh għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Marzu 2010 sabiex “niksbu d-dħul meħtieġ biex inkomplu bir-ristrutturar kontinwu tal-produttur tal-faħam iebes għall-produzzjoni tal-elettriku u tal-produttur tal-enerġija termali (…).

    (29)

    Barra minn hekk, wara l-konklużjoni tal-Kuntratti, permezz tan-nota numru 6547 tal-2011, Hidroelectrica fittxet l-approvazzjoni tal-Ministru tal-Ekonomija u l-Kummerċ biex taġġusta l-prezzijiet għas-sena 2011 sabiex Termoelectrica u Electrocentrale Deva jkunu jistgħu: “jiksbu s-self fit-tul meħtieġ biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa biex iżommu l-liċenzji tal-ġenerazzjoni tal-elettriku kif ukoll biex jiksbu d-dħul meħtieġ għar-ristrutturar tal-produttur Compania Nationala a Huilei”.

    (30)

    Dawn in-noti kollha jsostnu biċ-ċar ukoll li Hidroelectrica kienet qed tfittex l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ “sabiex tawtorizza l-maniġment eżekuttiv tat-tliet produtturi tal-elettriku ħalli jiffirma l-addenda li jikkonċernaw il-prezzijiet il-ġodda”.

    (31)

    Barra minn hekk, l-addenda kollha għall-Kuntratti relatati mal-aġġustamenti fil-prezzijiet jirreferu għan-noti interni maħruġa minn Hidroelectrica u approvati mill-Ministru tal-Ekonomija u l-Kummerċ jew inkella mis-Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ bit-tliet eċċezzjonijiet imsemmija fil-premessa (26), li abbażi tagħhom kienu approvati tali aġġustamenti fil-prezzijiet. (21).

    (32)

    Il-kwantitajiet tal-elettriku mixtrija u l-prezzijiet medji mħallsa skont il-Kuntratti bejn l-2009 u l-2011 huma dawn li ġejjin (22):

     

    2009

    2010

    2011

    Electrocentrale DEVA

    Kwantità (GWH)

    499,8

    308,6

    146,4

    Il-prezz tax-xiri (RON/MWh)

    230,2

    234,0

    234,0


     

    2009

    2010

    2011

    Termoelectrica

    Kwantità (GWH)

    900,7

    804,6

    648,9

    Il-prezz tax-xiri (RON/MWh)

    227,4

    230,0

    234,4

    2.4.   Is-suq tal-elettriku Rumen

    (33)

    Il-kummerċ tal-elettriku fir-Rumanija jseħħ l-aktar f'żewġt iswieq: (i) is-Suq tal-Elettriku Regolat li fih l-elettriku jiġi nnegozjat fuq il-bażi ta' tariffi u kundizzjonijiet regolati u (ii) is-Suq tal-Elettriku Kompetittiv li fih l-elettriku jiġi nnegozjat liberalment, inkluż permezz ta' żewġ tipi ewlenin ta' kuntratti: kuntratti bilaterali relattivament standard innegozjati fis-suq ċentralizzati u kuntratti bilaterali nnegozjati liberalment, l-hekk imsejjaħ suq għal kuntratti nnegozjati direttament.

    2.4.1.   Is-Suq tal-Elettriku Regolat

    (34)

    It-tranżazzjonijiet fis-Suq tal-Elettriku Regolat huma implimentati permezz tal-ftehimiet ta' qafas fuq il-bejgħ u x-xiri konklużi bejn il-ġeneraturi/produtturi tal-elettriku attivi fis-suq regolat, inkluż Hidroelectrica, u l-“fornituri tal-aħħar għażla”, li jiżguraw id-distribuzzjoni tal-elettriku lill-utent aħħari. Il-klijenti eliġibbli jixtru l-elettriku bit-tariffi regolati. Fis-suq regolat, l-ANRE tistabbilixxi l-prezzijiet u l-volumi li jridu jitwasslu mill-ġeneraturi/produtturi tal-elettriku ex-ante kull sena. Sal-2009-2010, meta bdew jiġu implimentati l-kuntratti eżaminati, 56-61 % tal-elettriku kkunsmat fir-Rumanija kien innegozjat fis-suq regolat.

    2.4.2.   Is-Suq tal-Elettriku Kompetittiv

    (35)

    Sa mill-2005, is-Suq tal-Elettriku Kompettiv fir-Rumanija kien diviż f'ħamest iswieq speċifiċi: (i) is-swieq ċentralizzati amministrati mill-OPCOM; (ii) is-suq għal kuntratti nnegozjati direttament; (iii) is-suq tas-servizzi anċillari; (iv) is-suq tal-ibbilanċjar, u (v) is-suq tal-esportazzjoni.

    (36)

    Is-swieq ċentralizzati huma amministrati mill-OPCOM. OPCOM twaqqfet fl-2001 skont id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 627/2000, bħala kumpanija b'ishma konġunti u sussidjarja kollha kemm hi proprjetà ta' Transelectrica, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni. Permezz tal-liċenzja mogħtija mill-ANRE, l-OPCOM ġiet imfassla bħala l-pjattaforma għan-negozjar tal-elettriku fir-Rumanija fil-livell tal-operaturi. OPCOM hija l-unika borża tal-enerġija fir-Rumanija, li tipprovdi ċentru għan-negozjar tal-elettriku u li għandha rwol ta' faċilitatur.

    (37)

    Hemm ħames tipi ta' segmenti tas-suq fl-OPCOM: (i) is-suq ta' ġurnata bil-quddiem; (iii) is-suq tal-istess ġurnata (23), (iii) is-swieq bilaterali ċentralizzati, jiġifieri, suq ċentralizzat għal kuntratti bilaterali permezz tal-irkant pubbliku “OPCOM-PCCB” u suq ċentralizzat għal kuntratti bilaterali permezz tan-negozjar kontinwu — CMBC-CN; (iv) is-suq ċentralizzat għaċ-ċertifikati ekoloġiċi u (v) il-pjattaforma tan-negozjar għaċ-ċertifikati tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. It-tranżazzjonijiet fuq OPCOM bdew biss fl-2005 u fis-segmenti tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem u tal-OPCOM-PCCB biss.

    (38)

    Il-Kuntratti kienu konklużi fis-suq għal kuntratti negozjati direttament fir-Rumanija, li huwa s-segment tas-suq rilevanti għall-valutazzjoni f'dan il-każ.

    2.4.3.   OPCOM-PCCB

    (39)

    Fis-segment tas-suq tal-OPCOM-PCCB, l-OPCOM torganizza l-irkantijiet pubbliċi għall-bejgħ u x-xiri tal-elettriku. L-offerti tal-bejgħ/tax-xiri minn kull produttur/fornitur/konsumatur jiġu sottomessi lill-operatur tas-suq. Kull offerta trid tispeċifika dan li ġej: (i) jew il-prezz minimu li bih kull parti sejra tbigħ l-elettriku jew il-prezz massimu li bih sejra tixtri l-elettriku u (ii) il-ftehim qafas li skontu l-parti li tagħmel l-offerta biħsiebha tforni/tixtri l-elettriku. L-offerti tal-bejgħ u x-xiri jispeċifikaw il-kundizzjonijiet tal-provvista inkluż l-ammont tal-elettriku, id-durata (mhux inqas minn xahar u sa sena), kif ukoll il-ftehim qafas ippjanat. Il-prezz isegwi l-prinċipji tal-aħjar prezz offrut. Sal-2009 u l-2010, meta bdew jiġu implimentati l-Kuntratti, il-bejgħ fis-suq OPCOM-PCCB kien jammonta għal inqas minn 7 % tal-elettriku prodott fir-Rumanija.

    (40)

    Wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni skont l-Artikolu 102 tat-Trattat li fiha sabet li l-borża tal-enerġija ġestita mill-OPCOM tikkostitwixxi suq tas-servizzi rilevanti, li fih l-OPCOM hija attur dominanti, separat mis-suq tal-kuntratti negozjati direttament. (24).

    2.4.4.   Is-suq għal kuntratti negozjati direttament

    (41)

    Is-suq għal kuntratti negozjati direttament huwa suq ħieles li mhuwiex regolat mill-ANRE. Il-partijiet kontraenti jinnegozjaw il-kwantitajiet, il-prezzijiet u klawżoli oħra kuntrattwali b'mod bilaterali. Dan jagħti lill-partijiet livell ogħla ta' flessibbiltà fin-negozjar tal-patti u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti tal-bejgħ. Il-patti u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti huma kunfidenzjali.

    2.4.5.   Deskrizzjoni fil-qosor tal-kuntratti nnegozjati direttament li huma kontemporanji tal-Kuntratti

    (42)

    Permezz ta' ittra iddatata l-21 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni talbet lill-Awtoritajiet Rumeni jipprovdu informazzjoni dwar il-kuntratti negozjati bilateralment konklużi fis-suq Rumen, minbarra l-Kuntratti, b'durati u kwantitajiet ta' provvista tal-elettriku komparabbli. It-talba tal-Kummissjoni kopriet il-fornituri kollha tal-elettriku Rumeni, kemm jekk tal-Istat jew privati. Fl-14 ta' Mejju 2014, l-Awtoritajiet Rumeni taw l-elementi prinċipali mitluba tal-kuntratti kollha ffirmati mill-akkwirenti tal-elettriku b'konsum tal-elettriku annwali ta' iżjed minn 150 GWh għal kull waħda mis-snin mill-2009 sal-2011. (25).

    (43)

    L-Awtoritajiet Rumeni saħqu li l-kuntratti kollha konklużi fis-suq tal-konsumaturi bil-kundizzjonijiet kompetittivi minn konsumaturi mhux domestiċi fil-perjodu ta' żmien rilevanti kienu soġġetti għall-ġbir ta' dejta ad hoc mitlub mill-Kummissjoni. B'mod partikolari, l-Awtoritajiet Rumeni ssottomettew 75 sett ta' dejta annwali mill-kuntratti fis-seħħ għal sena jew iżjed matul il-perjodu 2009-2011 relevanti għal dan il-każ. Il-Kummissjoni tifhem li l-Awtoritajiet Rumeni ssottomettew id-dejta rilevanti dwar il-kuntratti kollha li jissodisfaw il-kriterji meħtieġa mill-Kummissjoni (durati u kwantitajiet paragunabbli) għall-perjodu rilevanti 2009-2011. Il-Kuntratti ammontaw għal madwar 17 % mill-volum totali tal-elettriku soġġett għal kuntratti negozjati direttament konklużi matul il-perjodu 2009-2011 u pprovduti mir-Rumanija.

    (44)

    Id-dejta sottomessa mill-Awtoritajiet Rumeni turi l-livell tal-ogħla prezzijiet imħallsa fis-suq ħieles għall-bejgħ bl-imnut tal-elettriku matul il-perjodu 2009-2011, kif ġej: għall-2009: 266,5 RON/MWh; għall-2010: 229,96 RON/MWh u għall-2011: 232,33 RON/MWh. Madankollu, kull wieħed minn dawn il-kuntratti meqjus waħdu ammonta għal kwantitajiet inqas minn kull wieħed mill-Kuntratti.

    (45)

    Analiżi tal-informazzjoni dwar il-kuntratti li daħlu fihom fornituri oħra minbarra Termoelectrica u Electrocentrale Deva turi li, fl-2009, meta bdew jiġu implimentati l-Kuntratti, l-ebda fornitur ieħor ma kkonkluda kuntratt ta' provvista li huwa biżżejjed simili għal dawn iż-żewġ Kuntratti fir-rigward tal-kwantitajiet (madwar 900 GWh u 500 GWh, kull wieħed) u d-durata (10 snin). Tqabbil kompletament sinifikanti mal-Kuntratti huwa possibbli biss għal kuntratti oħra għall-istess kwantitajiet, durata u/jew data tad-dħul fis-seħħ. Ladarba ma kien jeżisti l-ebda kuntratt kompletament paragunabbli, hemm bżonn li ssir analiżi ekonometrika tad-differenzi fil-kuntratti, li r-raġunijiet u r-riżultati tagħha jintwerew fil-premessi 77-80 u fl-Anness.

    2.4.6.   Il-kuntratti ta' Hidroelectrica għall-bejgħ tal-elettriku

    (46)

    Matul il-perjodu 2009-2011, Hidroelectrica kienet għadha qed tbigħ madwar 60 % tal-elettriku tagħha lil akkwirenti privati oħra permezz ta' kuntratti fit-tul ta' bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, li qed jiġu investigati mill-Kummissjoni. (26) Il-prezzijiet tal-bejgħ ta' Hidroelectrica f'dawk il-kuntratti kienu iżjed minn 40 % inqas mill-prezzijiet tax-xiri bl-ingrossa mħallsa bħala medja minn Hidroelectrica lil Termoelectrica u lil Electrocentrale Deva. Bħala eżempju, l-ogħla prezz tal-bejgħ għall-elettriku skont dawn il-kuntratti kien ta' 159,8 RON/MWh fl-2009 u 168 RON/MWh fl-2010.

    (47)

    Hidroelectrica kkonkludiet kuntratti ta' bejgħ tal-elettriku ma' partijiet oħra wkoll (27), għal kwantitajiet inqas. L-ogħla prezz tal-bejgħ għall-elettriku skont dawn il-kuntratti tal-bejgħ bl-imnut għall-perjodu rilevanti kien ta' 185 RON/MWh fl-2009, 190 RON/MWh fl-2010 u 160 RON/MWh fl-2011, jiġifieri medja ta' madwar 13 % inqas mill-prezzijiet tax-xiri bl-ingrossa mħallsin minn Hidroelectrica lil Termoelectrica u lil Electrocentrale Deva.

    2.5.   L-iżviluppi wara l-2011 u l-interkonnessjonijiet bejn Termoelectrica, Electrocentrale Deva, Electrocentrale Paroseni u CEH

    (48)

    L-Impjant ta' Paroseni ta' Termoelectrica, li fil-fatt forna kwantità tal-elettriku mixtrija bil-Kuntratt ma' Termoelectrica, sar entità separata u ġie inkorporat fir-Reġistru tal-Kummerċ Rumen bl-isem ta' Electrocentrale Paroseni, fil-11 ta' Lulju 2011 (28). Fit-22 ta' Settembru 2011, Electrocentrale Paroseni ħadet id-drittijiet u l-obbligi kollha ta' Termoelectrica taħt il-Kuntratt tagħha ma' Hidroelectrica. Electrocentrale Paroseni forniet l-elettriku lil Hidroelectrica f'Settembru u Ottubru 2011, għalkemm il-kwantitajiet kienu negliġibbli.

    (49)

    Fid-data tal-waqfien tal-provvista skont il-Kuntratti, Termoelectrica kienet għadha l-uniku azzjonist ta' Electrocentrale Deva kif ukoll ta' Electrocentrale Paroseni.

    (50)

    Permezz tal-Ordinanza ta' Emerġenza Nru 84/2011 (29), ġie implimentat skambju ta' dejn ma' ekwità bejn Termoelectrica u l-Istat. Għalhekk, Termoelectrica ttrasferixxiet l-ishma tagħha f'kumpaniji differenti (Electrocentrale Deva, Electrocentrale Paroseni u Electrocentrale Bucuresti) lill-Istat, bħala pagament għad-djun tagħha mal-Istat. Dan it-trasferiment tal-ishma sar abbażi ta' rapporti ta' evalwazzjoni, li saru minn evalwatur indipendenti.

    (51)

    Electrocentrale Paroșeni u Electrocentrale Deva ġew fużi f'entità legali waħda jisimha Complexul Energetic Hunedoara (“CEH”), kumpanija kompletament tal-istat, irreġistrata fir-Reġistru tal-Kummerċ Rumen fl-1 ta' Novembru 2012. CEH ħadet f'idejha d-drittijiet u l-obbligi kollha ta' Electrocentrale Paroseni u Electrocentrale Deva. Fl-1 ta' Awwissu 2013, CEH ħadet f'idejha wkoll lis-Societatea Nationala a Huilei, li rriżultat mid-diviżjoni tal-minjieri tal-kumpanija tal-Istat Compania Nationala a Huilei li kienet tforni l-faħam lil Termoelectrica u Electrocentrale Deva. Fil-preżent, it-tliet kumpaniji kollha jikkwalifikaw bħala fergħat ta' CEH, mingħajr personalità ġuridika.

    (52)

    Termoelectrica qed tiġi llikwidata (30) u għandha assi b'valur tas-suq ta' madwar EUR 80 miljun u valur ta' likwidazzjoni ta' madwar EUR 60,5 miljuni skont rapport datat l-1 ta' Ottubru 2013. Madankollu, id-djun ta' Electrocentrale Deva, Electrocentrale Paroseni u Electrocentrale Bucuresti baqgħu ta' Termoelectrica.

    (53)

    L-iżviluppi ta' wara l-2011 fir-rigward ta' Termoelectrica u Electrocentrale Deva, kif ukoll l-interkonnessjonijiet differenti spjegati fil-premessi 48 — 52 huma murijin għal referenza fil-grafika li ġejja:

    Image

    3.   MOTIVI GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

    (54)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-prezzijiet għax-xiri tal-elettriku stipulati fil-Kuntratti kinux jikkonformaw mas-suq u dwar jekk kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Fil-każ tal-aħħar, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk tali għajnuna hijiex kompatibbli mat-Trattat.

    (55)

    Il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet stipulati fil-Kuntratti mal-prezzijiet li bihom l-elettriku kien innegozjat fuq l-OPCOM-PCCB u osservat li l-prezzijiet li bihom Hidroelectrica xrat l-elettriku mingħand l-allegati benefiċjarji kienu bejn 40 % u 55 % ogħla mill-prezz prevalenti tal-elettriku fis-suq tal-kambju miftuħ tal-elettriku tal-OPCOM-PCCB. Kien jidher li, għalhekk, Hidroelectrica ġarrbet spejjeż ogħla minn dawk meħtieġa, filwaqt li l-allegati benefiċjari ngħataw għajnuna li żiedet id-dħul tagħhom, mingħajr ma kien maħsub li jinkiseb xi għan speċifiku ta' interess komuni. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-allegati benefiċjarji kellhom vantaġġ indebitu fil-forma ta' prezzijiet tal-elettriku miżjuda artifiċjalment fil-Kuntratti tagħhom u l-emendi suċċessivi għalihom.

    (56)

    Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li t-tariffi tal-elettriku li qed jiġu eżaminati kienu ta' natura selettiva, minħabba li kienu japplikaw biss għal ċerti intrapriżi.

    (57)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li t-tariffi tal-elettriku preferenzjali jistgħu jinvolvu trasferiment ta' riżorsi tal-Istat li huma imputabbli għall-Istat minħabba li Hidroelectrica kienet ikkontrollata mill-Istat Rumen (80,06 % tal-kapital azzjonarju tagħha kien tar-Rumanija). Barra minn hekk, il-Kummissjoni rreferiet għall-Ordni Ministerjali Nru 445/2009, li permezz tiegħu r-rappreżentanti tal-Ministeru tal-Ekonomija, il-Kummerċ u l-Ambjent tan-Negozju, il-membri tal-Bordijiet tal-Amministrazzjoni tal-kumpaniji tal-elettriku tal-Istat, kienu obbligati jiżguraw li mill-31 ta' Marzu 2010 l-elettriku ddestinat għas-suq tal-operaturi jkun innegozjat esklussivament fuq l-OPCOM.

    (58)

    Bħala konsegwenza, ir-rappreżentanti tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ kellhom kontroll, jew tal-anqas influwenza, fuq il-prattika tal-ikkuntrattar tal-kumpaniji tal-Istat, inkluż il-prattika tal-ikkuntrattar ta' Hidroelectrica. Dan jista' jkollu effettu fuq il-kummerċ intra-UE, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

    (59)

    Il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni kienet li jekk il-Kuntratti kienu jinkludu għajnuna mill-Istat dawn kienu jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mogħtija bi ksur tal-obbligi ta' notifika u waqfien stabbiliti fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

    (60)

    Fid-dawl ta' dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li hemm il-potenzjal li t-tariffi tal-elettriku preferenzjali jistgħu jinvolvu għajnuna mill-Istat u stiednet lir-Rumanija sabiex tipprovdi biżżejjed informazzjoni li ttaffi dawn id-dubji.

    4.   KUMMENTI MIR-RUMANIJA

    (61)

    L-Awtoritajiet Rumeni astjenew milli jagħtu xi osservazzjoni dwar jekk il-Kuntratti kinux jinvolvu għajnuna mill-Istat. Fl-24 ta' Marzu 2013, ir-Rumanija pprovdiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kummenti tal-partijiet terzi fuq każijiet oħra li involvew lil Hidroelectrica, li wkoll kienu koperti mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni (31). L-Awtoritajiet Rumeni reġgħu astjenew milli jgħidu x'jaħsbu.

    (62)

    Fil-proċedura ta' investigazzjoni formali, l-Awtoritajiet Rumeni ntalbu jispjegaw ir-raġunijiet ekonomiċi wara l-konklużjoni tal-Kuntratti. Ir-Rumanija ma tatx xi ġustifikazzjoni f'dan ir-rigward. Ir-Rumanija argumentat biss li l-Kuntratti ppermettew lil Hidroelectrica tikkwantifika aħjar valur massimu tal-ispejjeż imġarrba għax-xiri tal-elettriku, billi pprovdewlha protezzjoni kontra l-volatilità tal-prezzijiet fis-suq spot.

    (63)

    Barra minn hekk, l-Awtoritajiet Rumeni ċċaraw ukoll li l-Kuntratti ma kinux ftehimiet ta' għajnuna kif iddefiniti fir-Rapport tal-Amministratur Ġudizzjarju ta' Hidroelectrica dwar x'kien li kkawża tal-insolvenza ta' Hidroelectrica (32). Skont dak ir-rapport, il-ftehimiet ta' għajnuna huma dawk il-kuntratti konklużi minn Hidroelectrica sabiex tkopri d-diskontinwità fil-produzzjoni tagħha. L-iskop ta' dak it-tip ta' kuntratt huwa li jiġi evitat il-ħlas ta' kwalunkwe dannu mġarrab minħabba n-nuqqas ta' rispett ta' impenn kuntrattwali ta' provvista.

    (64)

    L-Awtoritajiet Rumeni ċċaraw (33) għaliex, fil-prattika, bl-eċċezzjoni tat-tliet każijiet imsemmija fil-premessa 28, ANRE ma stabbilixxietx il-prezzijiet tal-kuntratt kif stipulat fil-Kuntratti. Kien spjegat li l-Kuntratti ma kinux konklużi fis-suq regolat u, għalhekk, il-prezz ma kienx aġġustat mill-ANRE. L-Awtoritajiet Rumeni spjegaw ukoll li: (i) fil-bidu l-ANRE pprovdiet lill-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ b'livell limitu minimu u massimu li fuqu ġew stabbiliti l-prezzijiet; (ii) tali livelli limitu kienu stabbiliti fuq il-bażi ta' parametri tekniċi ċari speċifiċi għall-produtturi tal-enerġija termali u elettrika; (iii) imbagħad l-ANRE temmet din il-prattika u l-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ ħadha f'idejh, fuq il-bażi ta' prinċipji simili għal dawk użati mill-ANRE.

    (65)

    Rigward il-Kuntratt ma' Termoelectrica, l-Awtoritajiet Rumeni kkonfermaw li Hidroelectrica kienet l-uniku konsumatur tal-elettriku għall-Impjant ta' Paroseni ta' Termoelectrica. Barra minn hekk, kien iċċarat li Hidroelectrica ma xtratx il-kwantità sħiħa tal-elettriku kif stmat fil-bidu skont il-Kuntratt iżda, minflok, xtrat biss il-kwantità meħtieġa sabiex tkopri kwalunkwe ċaqliqa fil-produzzjoni, minħabba l-evoluzzjoni imprevedibbli tal-kundizzjonijiet idroloġiċi.

    (66)

    Rigward il-Kuntratt ma' Electrocentrale Deva, l-Awtoritajiet Rumeni ċċaraw li matul il-perjodu rilevanti 2009-2011, Electrocentrale Deva biegħet l-elettriku lil klijenti oħra wkoll minbarra Hidroelectrica. Għalhekk intwera li fis-snin 2010 u 2011, Electrocentrale Deva biegħet kwantitajiet kbar ta' elettriku (kwantitajiet paragunabbli jew saħansitra ogħla) lil klijenti, apparti Hidroelectrica, bi prezzijiet paragunabbli. (34).

    5.   KUMMENTI MINGĦAND PARTIJIET TERZI

    (67)

    Fl-osservazzjonijiet preliminari tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, kemm Termoelectrica kif ukoll Electrocentrale Deva sostnew li la l-prezzijiet tal-kuntratt inizjali u lanqas il-bidliet sussegwenti tagħhom ma tawhom xi vantaġġ, u argumentaw li tali prezzijiet kienu stabbiliti mill-ANRE u kkalkolati fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom.

    (68)

    Barra minn hekk, ir-Rumanija argumentat li l-bidliet sussegwenti fil-prezzijiet tal-kuntratt kienu determinati miż-żieda fil-prezz taż-żejt (35) jew tal-faħam (36). Electrocentrale Deva sostniet ukoll li madwar 70 % tal-prezz tal-elettriku kien influwenzat mill-prezz tal-faħam.

    6.   VALUTAZZJONI

    (69)

    F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tivvaluta jekk Termoelectrica u Electrocentrale Deva ngħatawx għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, ara l-premessa 101, u, jekk iva, jekk it-tali għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern, ara l-premessi 102 sa 105.

    6.1.   L-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

    (70)

    L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jistipula li kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti u tkun tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

    (71)

    Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi u, għalhekk, sabiex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat il-kundizzjonijiet kollha jridu jkun ssodisfati fl-istess ħin.

    6.1.1.   Valutazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku

    (72)

    Għall-fini tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, sabiex jiġi stabbilit jekk ingħatax vantaġġ ekonomiku li ma kienx ikun disponibbli bil-kundizzjonijiet tas-suq lil Termoelectrica u Electrocentrale Deva bħala riżultat tal-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-Kuntratti, hemm bżonn li jiġi stabbilit x'kienu l-prezzijiet fil-kundizzjonijiet tas-suq fir-Rumanija fil-perjodu bejn l-2009 u l-2011, għal tranżazzjonijiet simili.

    (73)

    F'dan ir-rigward, għall-kuntrarju tal-fehma preliminari stipulata fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-investigazzjoni wriet li l-patti u d-durati tal-kuntratti tal-provvista tal-elettriku konklużi fl-OPCOM-PCCB mhumiex simili biżżejjed għal dawk tal-Kuntratti, speċjalment fir-rigward tad-durata u l-kundizzjonijiet innegozjati bilateralment personalizzati (il-premessi 18, 23, 24, 25, 39 u 40). Fi swieq tal-elettriku li jiffunzjonaw sew b'likwidità adegwata u strumenti forward li jippermettu li jkunu previsti l-prezzijiet għal kunsinni fil-ġejjieni, il-prezzijiet spot huma indikazzjoni tajba jew li joqorbu lejn il-prezzijiet tas-suq, li jistgħu jintużaw bħala punti ta' riferiment għall-valutazzjoni tal-livelli tal-prezzijiet f'kuntratti speċifiċi. Madankollu, f'dan il-każ, minħabba l-proporzjon relattivament ogħla tad-domanda li kienet servuta bit-tariffi regolati fir-Rumanija fl-2009, il-likwidità limitata tal-pjattaformi tan-negozjar tal-OPCOM fil-perjodu 2009-2011, u l-fatt li l-boroż tal-enerġija ġestiti mill-OPCOM kienu mfassla bħala suq tal-antitrust rilevanti soġġett għal abbuż minn pożizzjoni dominati (il-premessi 34 — 40), xieraq li wieħed joqgħod fuq punti ta' riferiment adattati minbarra l-prezzijiet fl-OPCOM PCCB għall-valutazzjoni tal-preżenza possibbli ta' vantaġġ ekonomiku fuq il-prezzijiet tas-suq.

    (74)

    Madankollu, f'dak ir-rigward, is-similarità tal-prezzijiet għal dawk imħallsa mill-akkwirenti minbarra Hidroelectrica jew il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ispejjeż imressqa mir-Rumanija u l-benefiċjari (il-premessi 66-68), mhumiex indikazzjoni valida li l-kundizzjonijiet tal-kuntratt u l-prezzijiet involuti kienu konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.

    (75)

    Fil-fatt, il-prezzijiet imħallsa minn Hidroelectrica lil Electrocentrale Deva bejn l-2009 u l-2011 kienu simili għall-prezzijiet imħallsa minn kumpaniji oħra tad-distribuzzjoni tal-elettriku, tal-Istat u privati, li kienu qed jixtru l-elettriku minn Electrocentrale Deva. Madankollu, dan ix-xiri kien qed iseħħ bejn Electrocentrale Deva u kumpaniji tad-distribuzzjoni tal-elettriku, li kienu qed ibigħu l-elettriku lid-djar u negozji żgħar fis-suq tal-konsumaturi għal prezzijiet u kundizzjonijiet regolati (il-premessa 34). Hidroelectrica kienet qed tixtri l-elettriku fis-suq tal-operaturi għall-bejgħ mill-ġdid bl-imnut fis-suq kompetittiv lill-konsumaturi industrijali u/jew l-operaturi tas-suq, li fih il-prezzijiet u l-kwantitajiet ma kinux regolati u x-xerrejja setgħu jevitaw li jixtru minn bejjiegħa għaljin, bħal Termoelectrica u Electrocentrale Deva u jagħżlu fornituri orħos, indipendentement mill-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha. Għalhekk, anke jekk il-prezzijiet kienu simili u jiġi ssupponut li l-bejgħ ta' Termoelectrica u Electrocentrale Deva fis-suq regolat kien jippermetti li jiġu rkuprati l-ispejjeż, il-prezzijiet imħallsa mill-kumpaniji tad-distribuzzjoni tal-elettriku lil Termoelectrica u Electrocentrale Deva mhumiex paragunabbli ma' u ma jistgħux jikkostitwixxu punt ta' riferiment validu għall-prezzijiet imħallsa minn Hidroelectrica fis-suq ħieles kompetittiv.

    (76)

    Bl-istess mod, il-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż imressqa minn Termoelectrica u Electrocentrale Deva u l-awtoritajiet Rumeni tispjega biss għaliex il-prezzijiet li Termoelectrica u Electrocentrale Deva setgħu jbigħu bihom mingħajr telf kienu għoljin. Din il-ġustifikazzjoni ma turix li dawn il-prezzijiet kienu konformi mal-prezzijiet tas-suq stabbiliti f'kundizzjonijiet kompetittivi bħal dawk li fihom Hidroelectrica suppost ikkonkludiet u implimentat il-Kuntratti, jekk dawn il-Kuntratti kellhom jitqiesu li ma jinvolvu ebda għajnuna mill-Istat.

    (77)

    Sabiex jiġi stabbiliti jekk il-prezzijiet tal-kuntratt kinux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq fir-Rumanija, xieraq li dawn jitqabblu mal-kundizzjonijiet tal-prezzijiet prevalenti għal kuntratti oħra negozjati bilateralment li saru fl-istess żmien tal-Kuntratti fis-suq ħieles. Il-Kummissjoni użat is-sett tad-dejta pprovdut mill-awtoritajiet Rumeni, minħabba li dan tqies bħala l-aħjar sors disponibbli ta' evidenza li tirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq fir-Rumanija (il-premessi 42-45). Kif indikat fil-premessa 45, l-ebda kuntratt fit-tul konkluż jew fis-seħħ fl-2009 ma jirrepplika l-karatteristiċi tal-Kuntratti. Għalhekk, il-Kummissjoni wettqet analiżi ekonometrika sabiex tistima punt ta' riferiment tal-prezzijiet ibbażat fuq kuntratti tal-elettriku kontemporanji għall-Kuntratti matul il-perjodu rilevanti. Fl-Anness hija pprovduta deskrizzjoni teknika dettaljata tal-analiżi ekonometrika u r-riżultati tagħha.

    (78)

    Fin-nuqqas ta' referenza definittiva biex jiġu stabbilitti l-“kundizzjonijiet tas-suq”, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kuntratti kellhomx prezzijiet ogħla mil-livell tas-suq, intuża punt ta' riferiment tal-prezzijiet tas-suq bħala indikatur, b'suppożizzjonijiet konservattivi, jiġifieri billi ttieħed kont tad-devjazzjonijiet importanti 'l fuq mill-prezz tas-suq stmat. Abbażi ta' dan l-approċċ konservattiv, il-Kummissjoni għamlet paragun tal-prezzijiet tal-Kuntratti mal-prezz tas-suq ta' riferiment, għal kull sena bejn l-2009 u l-2011. Il-paragun twettaq għal kull sena minħabba li l-prezzijiet tal-bejgħ taħt il-Kuntratti żdiedu kull sena.

    (79)

    L-analiżi turi li, abbażi tal-prezzijiet ta' riferiment u b'suppożizzjonijiet konservattivi, il-prezzijiet mitluba minn Termoelectrica li Hidroelectrica kienu ogħla mill-prezzijiet tas-suq. Jekk tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lill-fatt li l-paragun tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-operatur għall-Kuntratti jitwettaq ma' kuntratti fil-livell tal-konsumatur, u jekk jiġi miżjud marġini għall-bejgħ bl-imnut ta' 5 % mitlub bħala medja mill-operaturi tas-suq fis-suq Rumen, id-differenza fil-prezzijiet tas-suq hija: 18,8 RON/MWh fl-2010 u 19,8 RON/MWh fl-2011 għal Termoelectrica u 17,5 RON/MWh fl-2010 u 13,9 RON/MWh fl-2011.

    (80)

    Għalhekk, l-analiżi ekonometrika tagħti l-ewwel indikazzjoni li l-Kuntratti taw vantaġġ ekonomiku lil Termoelectrica u Electrocentrale Deva fuq il-kundizzjonijiet tas-suq. Madankollu, is-sempliċi fatt li l-prezzijiet skont il-Kuntratti kienu vvalutati bħala ogħla mill-prezzijiet ta' riferiment ta' kuntratti simili mhuwiex biżżejjed biex jistabbilixxi li operatur tas-suq li qed jaġixxi minflok Hidroelectrica ma kienx jidħol u jżomm fis-seħħ dawn il-kuntratti. Raġunijiet oġġettivi xorta jistgħu jfissru li l-livelli għoljin tal-prezzijiet waħedhom ma jistgħux jitqiesu li jagħtu vantaġġ ekonomiku ogħla mill-kundizzjonijiet tas-suq lill-bejjiegħa tal-elettriku. Għalhekk hemm bżonn li r-robustezza tar-riżultati tal-analiżi ekonometrika tkun ikkorroborata minn evidenza addizzjonali ta' prezzijiet ogħla mill-kundizzjonjiet tas-suq.

    (81)

    F'dan ir-rigward, xieraq li jiġi stabbilit jekk Hidroelectrica aġixxietx b'mod paragunabbli ma' dak ta' operatur tal-ekonomija privata f'sitwazzjoni simili (“it-test ta' operatur f'ekonomija tas-suq”/“MEOP”) (37). Għalhekk, il-Kummissjoni vvalutat jekk operatur privat li jsib ruħu f'sitwazzjoni simili kienx iġib ruħu bl-istess mod bħal Hidroelectrica meta jidħol u jżomm fis-seħħ il-Kuntratti. F'dan il-kuntest, iċ-ċirkostanzi li ġejjin deskritti hawn taħt fil-premessi 82 — 85 u li jikkonċernaw il-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-Kuntratti huma rilevanti.

    (82)

    L-ewwel, fid-data tal-konklużjoni tal-Kuntratti Hidroelectrica kellha għad-dispożizzjoni tagħha fis-suq sorsi oħra tal-elettriku li kienu orħos; pereżempju: fl-2008-2009, Nuclearelectrica offriet l-elettriku għal 153 RON/MWh mqabbel ma' 227 RON/MWh għal Termoelectrica u 230 RON/MWh għal Electrocentrale Deva (38).

    (83)

    It-tieni, Hidroelectrica setgħet tbigħ l-elettriku mixtri mingħand Termoelectrica u Electrocentrale Deva lill-partijiet terzi b'telf biss. Kif muri fil-premessi 46 u 47, il-prezzijiet tal-bejgħ fil-livell tal-konsumatur ta' Hidroelectrica fis-suq ħieles kienu ferm inqas minn dawn il-prezzijiet tax-xiri bl-ingrossa u l-ogħla prezz li bih Hidroelectrica reġgħet biegħet l-elettriku fis-suq tal-kuntratti nnegozjati direttament kien ta' 190 RON/MWh, fl-2010, imqabbel ma' prezz tax-xiri ta' 230 RON/MWh għal Termoelectrica u 234 RON/MWh għal Electrocentrale Deva. Minn dan isegwi li, fuq il-bażi ta' dawk il-prezzijiet kull MWh mixtrija mingħand Termoelectrica u Electrocentrale Deva reġa' nbiegħ minn Hidroelectrica b'telf.

    (84)

    F'dak ir-rigward, l-investigazzjoni ma tat l-ebda spjegazzjoni għaliex Hidroelectrica qablet li tixtri l-produzzjoni sħiħa tal-impjant tal-enerġija ta' Paroseni ta' Termoelectrica (il-premessa 24). Impenn biex tixtri kull tip ta' produzzjoni li jipproduċi impjant tal-enerġija fuq terminu twil ta' għaxar snin huwa indikazzjoni b'saħħitha li Hidroelectrica ma kinitx teħtieġ il-kuntratti biex tonora l-obbligi tal-kuntratt ta' provvista tagħha. Dawn huwa kkonfermat mir-Rumanija wkoll (il-premessa 63). Għall-kuntrarju, il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-operat għali u mhux kompetittiv taż-żewġ kumpaniji u l-minjieri tal-faħam li kienu jfornuhom tressqet mill-maniġers tal-kumpaniji ta' Termoelectrica (il-premessa 20) u Electrocentrale Devo (il-premessa 21) lill-Ministru responsabbli bħala r-raġuni għaliex Hidroelectrica għandha tidħol fil-Kuntratti.

    (85)

    Madankollu, meta jidħlu fi tranżazzjonijiet kummerċjali, jekk l-intrapriżi pubbliċi jqisu kunsiderazzjonijiet ta' appoġġ lil kumpaniji jew setturi f'diffikultà għal raġunijiet politiċi soċjali jew ekonomiċi li huma esterni għall-interessi kummerċjali tagħhom u jidħlu f'tali tranżazzjonijiet f'kundizzjonijiet li operatur normali tas-suq ma kienx jaċċetta, il-kundizzjonijiet aċċettati, rigward il-prezzijiet tax-xiri minn Hidroelectrica f'dan il-każ, jistgħu jinvolvu vantaġġ ekonomiku mhux dovut għall-parti jew għall-partijiet l-oħrajn, li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    (86)

    Minn dan isegwi li meta daħlet u żammet il-Kuntratti, Hidroelectrica ma aġixxietx bħala operatur f'ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, dan it-test jikkorrobora wkoll b'mod kwalitattiv ir-riżultat tal-analiżi ekonometrika li jindika li l-Kuntratti taw vantaġġ ekonomiku lil Termoelectrica u Electrocentrale Deva li ma kienx ikun disponibbli fil-kundizzjonijiet tas-suq.

    (87)

    Id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet Rumeni ma koprietx il-kuntratti fit-tul li kellhom l-istess kundizzjonijiet eżatti, fir-rigward tal-kwantità u d-durata, bħal dawk tal-Kuntratti. Għalhekk, fin-nuqqas ta' referenza definittiva biex jiġu stabbiliti l-“kundizzjonijiet tas-suq”, il-Kummissjoni qabblet, kull sena, il-prezzijiet tal-kuntratti mħallsa minn Hidroelectrica mal-ogħla prezzijiet applikati fir-Rumanija bejn l-2009 u l-2011 f'kuntratti tal-bejgħ fil-livell tal-konsumatur fit-tul pprovduti mir-Rumanija (ara l-premessi 42 sa 45).

    (88)

    Dan il-paragun jistrieħ fuq is-suppożizzjoni konservattiva li Termoelectrica u Electrocentrale Deva setgħu jibdlu l-Kuntratti tagħhom ma' Hidroelectrica b'diversi kuntratti ma' akkwirenti oħra fis-suq li joffru l-ogħla prezzijiet u huwa konservattiv ħafna: minflok jieħu bħala l-prezz tas-suq il-medja, il-medjan jew il-modalità fi tranżazzjonijiet paragunabbli, jieħu bħala l-prezz tas-suq l-ogħla prezz li jinstab f'diversi tranżazzjonijiet mhux kompletament paragunabbli. Minħabba n-nuqqas ta' omoġeneità tat-tranżazzjonijiet, u l-eżistenza ta' fatturi jew anomalitajiet potenzjali li jistgħu jgħinu jispjegaw il-livell tal-prezz miftiehem fit-tranżazzjonijiet bl-ogħla prezzijiet meħuda bħala referenza, dan l-approċċ jiffavorixxi l-benefiċjarji, għaliex jista' jissottovaluta l-vantaġġ riċevut. Il-prezzijiet medji ponderati għall-kwantitajiet tal-elettriku forniti effettivament lil Hidroelectrica minn Electrocentrale Deva u Termoelectrica bejn l-2009 u l-2011 (il-premessa 32) kienu dawn li ġejjin:

    (f'RON/MWh)

     

    2009

    2010

    2011

    A)

    Il-prezz ta' Electrocentrale Deva

    230,2

    234,0

    234,0

    B)

    Il-prezz tas-suq W.A.

    241,9

    224,2

    229,6

    Differenza A — B

    < 0

    9,8

    4,4


    (f'RON/MWh)

     

    2009

    2010

    2011

    A)

    Il-prezz ta' Termoelectrica

    227,4

    230,0

    234,4

    B)

    Il-prezz tas-suq W.A.

    229,0

    213,4

    220,1

    Differenza A — B

    < 0

    16,6

    14,3

    (89)

    Meta mqabbla skont dawn is-suppożizzjonijiet konservattivi, il-prezzijiet medji mħallsa minn Hidroelectrica lil Termoelectrica u Electrocentrale Deva xorta jibqgħu ogħla minn dawk l-ogħla prezzijiet fl-2010 u l-2011, u dan jikkorrobora s-sejbiet tal-analiżi ekonometrika. Il-prezzijiet mitluba minn Termoelectrica lil Hidroelectrica kienu 16,6 RON/MWh aktar mill-ogħla prezzijiet fl-2010 u 14,3 RON/MWh fl-2011, filwaqt li l-prezzijiet mitluba minn Electrocentrale Deva lil Hidroelectrica kienu 9,8 RON/MWh aktar mill-ogħla prezzijiet fl-2010 u 4,4 RON/MWh fl-2011.

    (90)

    Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq, jista' jiġi konkluż li l-Kuntratti kienu jiffavorixxu lil Termoelectrica u lil Electrocentrale Deva billi tawhom vantaġġ ekonomiku li ma kienx ikun disponibbli fil-kundizzjonijiet tas-suq.

    (91)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li Hidroelectrica ma aġġixxietx bl-istess mod bħal operatur f'ekonomija tas-suq fiċ-ċirkostanzi u li din tat vantaġġ ekonomiku mhux dovut lil Termoelectrica u Electrocentrale Deva.

    6.1.2.   Ir-riżorsi tal-istat u l-imputabbiltà għall-Istat.

    (92)

    Sabiex titqies bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, miżura trid tingħata direttament jew indirettament mir-riżorsi tal-Istat u għandha tkun imputabbli għall-Istat.

    (93)

    Kif muri fil-premessa 11, Hidroelectrica hija kkontrollata direttament mill-Istat Rumen. Isegwi li dawk ir-riżorsi rrinunzjati minn Hidroelectrica jammontaw għar-riżorsi mill-Istat irrinunzjati mir-Rumanija. L-Istat Rumen jaħtar ukoll id-Diretturi għall-Bord tagħha. Barra minn hekk, dawk id-Diretturi kellhom ukoll fl-istess ħin responsabbiltajiet politiċi fil-Ministeru li jikkontrolla l-ishma tal-Istat f'Hidroelectrica.

    (94)

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kapaċità tal-Istat li jikkontrolla l-entitajiet involuti fl-għoti tal-miżuri ma jiġġustiffikax awtomatikament is-suppożizzjoni li l-azzjonijiet tal-entitajiet huma imputabbli għall-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea spjegat il-kunċett tal-imputabbiltà għall-Istat tad-deċiżjonijiet li jinvolvu l-fondi ta' intrapriżi pubbliċi fis-sentenza Stardust Marine. Ir-riżorsi ta' intrapriża pubblika għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat u l-azzjonijiet li jikkonċernawhom għandhom jitqiesu bħala imputabbli għall-Istat jekk l-Istat ikun kapaċi, billi jeżerċita l-influwenza dominanti tiegħu fuq tali intrapriża, li jidderieġi l-użu tar-riżorsi tagħha. (39).

    (95)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tat indikaturi biex tiġi stabbilita l-imputabbiltà għall-Istat li huma: l-integrazzjoni tal-intrapriża pubblika fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika; in-natura tal-attivitajiet tagħha; l-istatus ġuridiku tal-intrapriża; l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-maniġment tal-intrapriża jew kwalunkwe indikatur ieħor li juri l-involviment mill-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni ta' miżura jew in-nuqqas ta' probabbiltà li dawn ma jkunux involuti. F'dan il-każ trid tingħata kunsiderazzjoni wkoll lill-firxa tal-Kuntratti, il-kontenut tagħhom jew il-kundizzjonijiet li fihom.

    (96)

    Għalhekk huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-Awtoritajiet Rumeni għandhomx jitqiesu bħala li kienu involuti, b'xi mod jew ieħor, fil-konklużjoni u ż-żamma tal-Kuntratti fis-seħħ u fil-modifika tal-prezzijiet tal-kuntratt.

    (97)

    F'dan ir-rigward, il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ kien involut attivament fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet rigward il-konklużjoni tal-Kuntratti u l-aġġustamenti sussegwenti mill-ġdid tal-prezzijiet tal-kuntratt. B'mod partikolari, Termoelectrica u Electrocentrale Deva rċevew l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ biex jiffirmaw il-Kuntratti ma' Hidroelectrica li jimplika de facto li huwa l-Istat Rumen li fl-aħħar mill-aħħar eżerċita l-influwenza deċiżiva fuq dawn tal-aħħar (il-premessi 19-22). Dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li Hidroelectrica fittxet direttament l-approvazzjoni tal-Ministeru Rumen tal-Ekonomija u l-Kummerċ għall-aġġustamenti mill-ġdid tal-prezzijiet (il-premessi 26-31).

    (98)

    Din l-evidenza diretta hija kkorroborata min-natura ta' telf tax-xiri ta' Hidroelectrica u n-nuqqas ta' raġunijiet ekonomiċi għall-impenn tagħha biex tixtri l-produzzjoni sħiħa tal-impjant tal-enerġija ta' Paroseni (il-premessi 84-85). Il-Kuntratti jidhru li huma mmotivati mis-sitwazzjoni finanzjarja delikata taż-żewġ ġeneraturi l-oħra tal-Istat u l-kunsiderazzjonijiet soċjali dwar il-produzzjoni tal-faħam (il-premessi 20-21). Fl-aħħar mill-aħħar, it-tliet ġeneraturi tal-elettriku tal-Istat, kif ukoll il-minjieri tal-faħam tal-Istat, kienu tal-Istat u taħt ir-responsabbiltà tal-Istat li minnu Termoelectrica u Electrocentrale Deva fittxew mezz biex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet kurrenti tagħhom.

    (99)

    Dan ta' hawn fuq jikkonferma l-fehma preliminari espressa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li l-Kuntratti u l-eżekuzzjoni tagħhom ma kinux deċiżjonijiet kummerċjali razzjonali u indipendenti ta' Hidroelectrica iżda rriżultaw mill-eżerċitar ta' influwenza dominanti mill-Istat Rumen.

    (100)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm evidenza diretta li turi li l-konklużjoni tal-Kuntratti u l-implimentazzjoni tagħhom huma imputabbli għall-Istat Rumen. Barra minn hekk, meta jitqies li l-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-Kuntratti jinvolvu telf tar-riżorsi ta' Hidroelectrica, li hija intrapriża pubblika, il-Kummissjoni tikkonkludi li dawk il-miżuri ngħataw permezz tar-riżorsi tal-Istat.

    6.1.3.   Selettività

    (101)

    Sabiex titqies bħala għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun speċifika jew selettiva fis-sens li trid tiffavorixxi biss lil ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti.

    (102)

    Il-Kuntratti kienu konklużi ma' żewġ fornituri speċifiċi, Termoelectrica u Electrocentrale Deva, li tawhom b'mod individwali vantaġġi ekonomiċi indebiti. L-ebda fornitur ieħor tal-elettriku lil Hidroelectrica ma bbenefika minn kundizzjonijiet simili għal dawk ipprovduti fil-Kuntratti. Għalhekk, il-vantaġġi ekonomiċi li rriżultaw mill-prezzijiet tal-kuntratt eċċessivament għoljin huma selettivi.

    6.1.4.   Tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (103)

    Meta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' intrapriża meta mqabbla ma' intrapriżi oħrajn li jikkompetu fil-kummerċ intra-UE, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affettwati minn dik l-għajnuna. B'mod partikolari, jitqies li hemm tfixkil tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat meta l-Istat jagħti vantaġġ ekonomiku lil intrapriża f'settur liberalizzat fejn hemm, jew jista' jkun hemm, il-kompetizzjoni. (40)

    (104)

    Termoelectrica u Electrocentrale Deva joperaw f'suq għall-bejgħ tal-elettriku li huwa miftuħ għall-kompetizzjoni (il-premessi 35-38). Kwalunkwe benefiċċju ekonomiku mogħti lil tali intrapriżi jista' jagħtihom vantaġġ fuq kompetituri oħrajn li ma jkunux ingħataw prezzijiet bħal dawn bil-kundizzjonijiet tas-suq. Fil-każ inkwistjoni, l-appoġġ kien maħsub biex jiffavorixxi l-produzzjoni tal-elettriku bbażata fuq il-faħam, li jista' joħloq tfixkil tal-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-elettriku. Barra minn hekk, is-suq Rumen issa huwa (u kien ukoll fiż-żmien tal-fatti) interkonness ma' Stati Membri oħra u jesporta l-elettriku lilhom (il-premessa 17).

    (105)

    Fid-dawl ta' dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Kuntratti jistgħu joħolqu tfikxil tal-kompetizzjoni u jista' jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

    6.1.5.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

    (106)

    Minħabba l-argumenti deskritti hawn fuq fil-premessi 72 — 105, il-Kummissjoni tikkonkludi li ż-żewġ Kuntratti jinvolvu l-għoti ta' għajnuna mill-Istat lil Termoelectrica u Electrocentrale Deva skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Ir-Rumanija ma rrispettatx l-obbligu ta' waqfien skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat mhix skont il-liġi.

    6.2.   Il-kompatibilità tal-għajnuna

    (107)

    Minħabba li l-miżura implimentata mir-Rumanija għal Termoelectrica u Electrocentrale Deva tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-kompatibilità tagħha trid tiġi vvalutata fid-dawl tal-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta' dak l-Artikolu.

    (108)

    F'dan il-każ, l-għajnuna pprovdiet lill-benefiċjari bid-dħul mill-operat kurrenti, u ma kinitx speċifikata għal kwalunkwe investiment partikolari li kien ikun kapaċi jtejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-elettriku. Il-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna operatorja ta' dan it-tip skont l-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat trid tiġi vvalutata b'mod ristrett, f'kundizzjonijiet stretti. L-għajnuna operatorja rikorrenti u dejjiema involuta fuq perjodu ta' sentejn ma tidhirx li hija meħtieġa, lanqas ma tidher li tikkontribwixxi għal xi objettiv ċar ta' interess komuni tal-Unjoni. Lanqas il-proporzjonalità tal-għajnuna ma hija stabbilita. Barra minn hekk u f'kull każ, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa f'idejn l-Istat Membru li jinvoka r-raġunijiet possibbli ta' kompatibilità u li juri li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għat-tali kompatibilità. (41)

    (109)

    L-Awtoritajiet Rumeni ma invokaw l-ebda raġuni possibbli li abbażi tagħha l-għajnuna mill-Istat tista' titqies kompatibbli mas-suq intern u l-Kummissjoni ma identifikat l-ebda raġuni possibbli għall-kompatibilità.

    (110)

    Fid-dawl ta' dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mill-Istati allokata permezz tal-Kuntratti hija inkompatibbli mas-suq intern.

    6.3.   Irkupru

    (111)

    Skont it-Trattat u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, il-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat irid jabolixxi jew jimmodifika l-għajnuna meta ssib li din hija inkompatibbli mas-suq intern. (42) Il-Qorti sostniet ukoll b'mod konsistenti li l-obbligu fuq Stat Membru li jabolixxi l-għajnuna li l-Kummissjoni tqisha inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel. (43) F'dan il-kuntest, il-Qorti ddeċidiet li dan l-objettiv jintlaħaq meta r-riċevitur ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, u b'hekk jitlef il-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu minflok il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tkun ġiet irkuprata s-sitwazzjoni ta' qabel il-ħlas tal-għajnuna. (44)

    (112)

    B'konformità mal-każistika, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (45) jgħid li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]”.

    (113)

    Għalhekk, minħabba li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ma kinitx innotifikata lill-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 108 tat-Trattat, u għalhekk għandha titqies mhux skont il-liġi, u minħabba li l-għajnuna hija wkoll inkompatibbli mas-suq intern, l-għajnuna trid tiġi rkuprata sabiex tkun ġiet irkuprata s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ma ngħatat l-għajnuna. L-irkupru għandu jkopri ż-żmien minn meta l-vantaġġ beda jakkumula għall-benefiċjarji, jiġifieri meta l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, sakemm intemmu l-kunsinni fl-aħħar tal-2011 (46), u s-somom li jridu jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax sal-irkupru effettiv.

    (114)

    L-ammont li jrid jiġi rkuprat għandu jkun id-differenza bejn il-medja annwali tal-prezz li bih Hidroelectrica xtrat l-elettriku mingħand Termoelectrica u Electrocentrale Deva kif stabbilit fil-premessa 32 u l-ogħla prezzijiet applikati fis-suq kull sena għall-kwantitajiet kollha pprovduti minnhom. Din id-differenza hija stabbilita fil-premessa 89. Fuq il-bażi tad-differenzi fil-prezzijiet applikabbli fl-1 ta' Jannar 2010 u l-1 ta' Jannar 2011 matul il-perjodu annwali, għal finijiet ta' simplifikazzjoni, l-ammonti li jirriżultaw li jridu jiġu rkuprati huma RON 3 656 675 għal Electrocentrale Deva u RON 22 619 821 għal Termoelectrica. Inkella, l-awtoritajiet Rumeni jistgħu jagħtu stima tal-ammonti fuq il-bażi tal-prezzijiet attwali mitluba lil Hidroelectrica fuq ammont ta' xhur (pereż fix-xahar, kull xahrejn).

    (115)

    L-imgħax jiżdied ma' dawn l-ammonti, skont liema miż-żewġ metodi għall-kalkolu jintuża, abbażi tal-iskeda tal-kunsinni attwali fix-xahar tal-elettriku lil Hidroelectrica bejn l-2009 u l-2011, filwaqt li tittieħed inkonsiderazzji d-differenza mal-prezzijiet tas-suq imsemmija fil-premessa 89.

    (116)

    Xieraq ukoll li, fid-dawl tal-fatti ta' dan il-każ, jiġi eżaminat jekk l-obbligu tal-irkupru għandux jiġi estiż għal jew għandux jitwettaq minn waħda jew iżjed mill-entitajiet ġuridiċi minbarra Termoelectrica u Electrocentrale Deva, permezz tas-suċċessjoni ġuridika jew il-kontinwità ekonomika ma' intrapriża differenti minn Termoelectrica u Electrocentrale Deva li magħha jkun hemm kontinwità ekonomika, fil-każ li dawn ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-obbligi tal-irkupru. F'dan ir-rigward, il-każistika mill-Qrati tal-UE identifikat diversi kriterji li l-Kummissjoni tista' tieħu f'kunsiderazzjoni, flimkien jew waħedhom, sabiex tistabbilixxi l-kontinwità ekonomika bejn żewġ intrapriżi differenti. (47).

    6.3.1.   Termoelectrica — il-kontinwità ekonomika bis-CEH

    (117)

    Kif deskritt fil-premessa 52, Termoelectrica hija kumpanija li qed tiġi llikwidata. Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-fatt li kumpanija hija insolventi u ma tistax tħallas lura l-għajnuna mhijiex raġuni biex din tiġi eżentata mill-irkupru. F'każijiet bħal dawn, fil-prinċipu, l-irkupru tas-sitwazzjoni ta' qabel u l-eliminazzjoni tat-tfixkil tal-kompetizzjoni jistgħu jinkisbu permezz tar-reġistrazzjoni tal-obbligazzjoni relatata mal-ħlas lura tal-għajnuna fl-iskeda tar-obbligazzjonijiet. (48) Meta l-awtoritajiet tal-Istat ma jkunux jistgħu jirkupraw l-ammont sħiħ tal-għajnuna, ir-reġistrazzjoni tar-responsabbiltà tista' tissodisfa l-obbligu tal-irkupru biss jekk il-proċeduri ta' insolvenza jirriżultaw fil-waqfien definittiv tal-attivitajiet tal-intrapriża. (49). Madankollu, meta l-intrapriża li rċeviet l-għajnuna illegali tkun insolventi u tkun inħolqot kumpanija biex tkompli wħud mill-attivitajiet tal-intrapriża insolventi, l-insegwiment ta' dawk l-attivitajiet jista', fejn l-għajnuna konċernata ma tiġix irkuprata kompletament, idewwem it-tfixkil tal-kompetizzjoni miġjuba mill-vantaġġ kompetittiv li dik il-kumpanija gawdiet fis-suq meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Għaldaqstant, tali kumpanija maħluqa mill-ġdid tista', jekk iżżomm dak il-vantaġġ, tkun meħtieġa tħallas lura l-għajnuna inkwistjoni. (50). Dan jista' pereżempju jkun il-każ jekk, qabel il-likwidazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna, l-assi li bbenefikaw mill-għajnuna huma ttrasferiti, bħala avvjament, lil kumpanija sussidjarja maħluqa biex tkompli l-attività tal-benefiċjarju (suċċessjoni ekonomika). Barra minn hekk, jekk l-intrapriża benefiċjarja tiġi fuża ma' intrapriża oħra, biex b'hekk id-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha jiġu ttrasferiti lill-entità fuża, l-obbligu tal-ħlas lura tal-għajnuna jiġi ttrasferit ukoll lil din tal-aħħar (suċċessjoni ġuridika).

    (118)

    Fil-każ preżenti, fin-nuqqas tal-irkupru tal-ammont sħiħ tal-għajnuna, li bbenefikaw lill-attivitajiet ta' Termoelectrica, hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk ikunx hemm kontinwità ekonomika u/jew kontinwità ġuridika bejn Termoelectrica u kumpaniji oħrajn.

    (119)

    Fir-rigward tal-kontinwità ekonomika, kif stipulat fil-premessi (48 u 51), f'Settembru 2011 Termoelectrica ħolqot sussidjarja, Electrocentrale Paroseni, li lilha ttrasferixxiet (fl-istess grupp tal-Istat) l-impjant tal-enerġija li attwalment ipprovda l-kwantità mixtrija ta' elettriku taħt il-Kuntratt ma' Termoelectrica (il-premessi 48 — 65), inklużi d-drittijiet u l-obbligi kollha ta' Termoelectrica li jirriżultaw minn dan il-Kuntratt, u kompliet tbiegħ l-elettriku lil Hidroelectrica taħt dan il-Kuntratt sa Ottubru 2011 (meta ġiet fuża ma' CEH). Għalhekk, Electrocentrale Paroseni ħadet f'idejha u kompliet bl-attivitajiet li bbenefikaw mill-għajnuna mill-kumpanija prinċipali Termoelectrica. Għalhekk għandha titqies bħala s-suċċessur ekonomiku ta' Termoelectrica.

    (120)

    Imbagħad, f'Novembru 2012, Electrocentrale Paroseni ġiet fuża ma' Electrocentrale Deva fil-kumpanija maħluqa ġdida CEH. Permezz ta' din il-fużjoni, CEH ħadet f'idejha d-drittijiet u l-obbligi kollha ta' Electrocentrale Paroseni, li ma baqgħetx teżisti bħala entità ġuridika distinta. Minn dan isegwi li hemm kontinwità ġuridika bejn Electrocentrale Paroseni, li ħadet f'idejha l-attivitajiet li bbenefikaw mill-għajnuna, u CEH, li ġiet fuża fiha fl-1 ta' Novembru 2012 u li ħadet f'idejha d-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha.

    (121)

    L-obbligu tal-irkupru tal-għajnuna mogħti lil Termoelectrica għalhekk għandu jiġi estiż għal CEH.

    6.3.2.   Termoelectrica — il-kontinwità ekonomika bis-CEH

    (122)

    Kif deskritt fil-premessa 51, Electrocentrale Deva, li bbenefikat bis-sħiħ mill-għajnuna bħala entità ġuridika indipendenti, għalkemm ikkontrollata minn Termoelectrica, ma għadhiex teżisti bħala entità indipendenti. Madankollu hemm kontinwità ġuridika bejn Electrocentrale Paroseni bħala l-entità ġuridika li bbenefikat mill-għajnuna u CEH, li ġiet fuża fiha fl-1 ta' Novembru 2012 u li ħadet f'idejha d-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha.

    (123)

    Barra minn hekk, bosta elementi juru l-eżistenza ta' kontinwità ekonomika bejn Electrocentrale Deva u CEH, pereżempju: (i) wara l-fużjoni bejn Electrocentrale Deva u Electrocentrale Paroseni, il-kumpanija maħluqa ġdida CEH ħadet f'idejha ż-żewġ kumpaniji minn Awwissu 2012, flimkien mal-assi operazzjonali u l-impjegati tagħhom; (ii) il-kumpanija maħluqa ġdida CEH kellha l-ġenerazzjoni tal-elettriku bħala l-attività ekomomija ewlenija tagħha fl-2012, bħalma kellha Electrocentrale Deva; (iii) iż-żewġ kumpaniji huma kumpaniji kompletament tal-Istat: kif muri fil-premessa 50 fid-data li fiha l-kunsinni tal-elettriku taħt il-Kuntratti waqfu, Termoelectica, intrapriża kompletament tal-Istat, kellha fil-pussess tagħha 100 % ta' Electocentrale Deva u Electrocentrale Paroseni; (iv) il-kumpanija maħluqa ġdida CEH hija wkoll 100 % tal-Istat.

    (124)

    Fid-dawl ta' dak imsemmi hawn fuq, il-kontinwità ġuridika u ekonomika bejn, minn naħa waħda, Electrocentrale Deva, Termoelectrica, permezz ta' Electrocentrale Paroseni u, min-naħa l-oħra, CEH hija stabbilita. F'dak ir-rigward, l-iskambju ta' dejn ma' ekwità bbażat fuq valutazzjoni indipendenti tat-trasferiment tal-ishma, li ppreċeda l-fużjoni ta' Electrocentrale Deva u Electrocentrale Paroseni ma' CEH (il-premessa 50), ma jinterrompix il-kontinwità bejn it-tliet intrapriżi kkonċernati. Ftehim ta' negozju tal-ishma ma jinfluwenzax l-identità tel-benefiċjarju/i tal-għajnuna, lanqas il-benefiċċji miżmuma minnu u ttrasferiti irrispettivament mill-identità tal-azzjonist li, barra minn hekk, f'dan il-każ huwa fl-aħħar mill-aħħar l-Istat Rumen qabel l-2011 u wara l-fużjoni ma' CEH. Minn dan isegwi li l-obbligi tal-irkupru fir-rigward ta' Electrocentrale Deva u Termoelectrica għandhom jiġu estiżi għal CEH.

    6.3.3.   Konklużjoni dwar l-irkupru

    (125)

    Fil-prinċipju, l-ammont tal-għajnuna (mingħajr l-imgħax) li jrid jiġi rkuprat għandu jkun ta' RON 3 656 675 għal Electrocentrale Deva u RON 22 619 821 għal Termoelectrica. Fid-dawl tal-kontinwità ġuridika u ekonomika stabbilita bejn Electrocentrale Deva, Termoelectrica u CEH, l-obbligu tal-irkupru miż-żewġ benefiċjarji għandu jkun estiż għal CEH.

    7.   KONKLUŻJONI

    (126)

    Il-Kuntratti konklużi minn Hidroelectrica ma' Termoelectrica u Electrocentrale Deva kien fihom fis-snin 2010 u 2011 tariffi tal-elettriku preferenzjali li jiffavorixxu l-intrapriżi tal-aħħar. Dawn kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Ir-Rumanija implimentat dik l-għajnuna mhux skont il-liġi, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. L-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat li, fil-prinċipju, tammonta għal RON 3 656 675 għal Electrocentrale Deva u RON 22 619 821 għal Termoelectrica fil-forma ta' tariffi tal-elettriku preferenzjali li jiffavorixxu lil dawk l-intrapriżi, mogħtija mhux skont il-liġi mir-Rumanija bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, hija inkompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 2

    Ir-Rumanija tirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji. L-obbligu ta' rkupru tal-għajnuna huwa estiż għal CE Hunedoara.

    Is-somom li għandhom jiġu rkuprati ikollhom mgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sakemm ikunu ġew fil-fatt irkuprati.

    L-imgħax jiġi kkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (51).

    Artikolu 3

    L-irkupru tal-għajnuna skont l-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

    Ir-Rumanija tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 4

    Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, ir-Rumanija għandha tibgħat l-informazzjoni li ġejja:

    l-ammont totali (il-kapital u l-imgħax fuq l-irkupru) li jrid jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju;

    deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħudin u ppjanati għall-konformità ma' din id-Deċiżjoni, inkluża l-prova li l-ordni ta' rkupru ġiet irreġistrat fi klassifikazzjoni xierqa fil-proċess ta' likwidazzjoni ta' Termoelectrica;

    jekk mhuwiex possibbli li Termoelectrica tissodisfa l-ordni ta' rkupru, l-ordni li saret kontra Termoelectrica biex tillikwida l-kumpanija kif ukoll prova li Termoelectrica toħroġ definittivament mis-suq.

    dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

    Ir-Rumanija żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 1. Hija tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri diġà meħudin u dawk ippjanati biex tinkiseb konformità ma' din id-Deċiżjoni. Hija tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u l-imgħax ta' rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Margrethe VESTAGER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 2552 finali tal-25 ta' April 2012 dwar il-każ SA.33475, p. 46.

    (2)  ĠU C 395, 20.12.2012, p. 46.

    (3)  Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jiddetermina l-lingwa li għandha tintuża mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).

    (4)  Il-membri kollha tal-Bord tad-Diretturi ta' Hidroelectrica minbarra d-Direttur Ġenerali ta' Hidroelectrica u r-rappreżentant ta' Fondul Proprietatea (2010), akkumulaw funzjonijiet oħrajn f'diversi Ministeri u nħatru permezz ta' Ordnijiet maħruġin mill-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ, kif ġej: (i) fl-2005-2006: il-konsulent personali fil-Kabinett tal-Ministru tal-Ekonomija u l-Kummerċ; id-direttur tal-Kabinett tal-Ministru għall-Intrapriżi Żgħar u Medji; il-konsulent personali fil-Kabinett tal-Ministru fil-Ministeru tal-Finanzi Pubbliċi u l-konsulent personali fis-Segretarjat Ġenerali tal-Gvern kienu membri tal-Bord tad-Diretturi ta' Hidroelectrica; (ii) fl-2007 — 2008 — is-sitwazzjoni mhix magħrufa; (iii) fl-2009: is-Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ kien ukoll il-President tal-Bord tad-Diretturi ta' Hidroelectrica (2009), filwaqt li Segretarju tal-Istat ieħor fil-Ministeru tal-Finanzi Pubbliċi u żewġ diretturi ġenerali fil-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ ukoll kienu membri tal-Bord tad-Diretturi ta' Hidroelectrica; (iv) fl-2010: tliet konsulenti personali tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ, Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tal-Finanzi u Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kumerċ kienu membri tal-Bord tad-Diretturi ta' Hidroelectrica.

    (5)  Deċiżjoni tat-Tribunal ta' Bucharest Nru 22456/3/2012 iddatata s-26 ta' Ġunju 2012.

    (6)  Deċiżjoni tat-Tribunal ta' Bucharest Nru 6482 iddatata s-26 ta' Ġunju 2013.

    (7)  Regolatur tal-Enerġija, Rapport Annwali 2009, p. 15.

    (8)  Regolatur tal-Enerġija, Rapport Annwali 2011, p. 15.

    (9)  Pereżempju, il-minjieri tal-faħam li kienu qed ifornu lil Termoelectrica, bħall-minjiera ta' Paroseni, kienu inklużi fil-pjan għall-għajnuna għall-għeluq definittiv tal-minjieri tal-faħam mhux kompetittivi fir-Rumanija li l-Kummissjoni ċċarat permezz tad-Deċiżjoni tat-22 ta' Frar 2012 fil-każ SA 33033 — National Hard Coal Company.

    (10)  Ir-Regolatur tal-Enerġija, Annual Report 2010, p. 12.

    (11)  Ir-Regolatur tal-Enerġija, Annual Report 2011, p. 22.

    (12)  Il-kunsinni bdew fl-2009.

    (13)  Il-kuntratt ma' Termoelectrica ġie tterminat fid-29 ta' Awwissu 2012, filwaqt li l-kuntratt ma' Electrocentrale Deva ġie tterminat fit-30 ta' Awwissu 2012.

    (14)  Fl-1 ta' Awwissu 2013, Societatea Națională a Huilei, li rriżultat mid-diviżjoni tal-minjieri allegattament kompetittivi ta' Compania Nationala a Huilei, ġiet inkorporata wkoll f'Complexul Energetic Hunedoara.

    (15)  L-Artikolu 25 tal-Kuntratt ma' Electrocentrale Deva

    (16)  Il-Grupp 4 CET Paroseni — il-kwantità kuntrattwali stmata għad-durata kollha tal-kuntratt hija ta' 940 GWh kull sena);

    (17)  L-Addendum 1 mit-22 ta' Marzu 2009 jistabbilixxi l-prezz għal 225 RON/MWh għas-sena 2009; l-Addendum 2 bid-data mhux magħrufa jistabbilixxi l-prezz għal 225 RON/MWh għas-sena 2009 u jistipula li l-prezz mill-2010 'l quddiem għad-durata kollha tal-kuntratt għandu jkun stabbilit mill-ANRE; l-Addendum 3 mis-7 ta' Awwissu 2009 jistabbilixxi l-prezz għal 230 RON/MWh għall-2009; l-Addendum 4 mid-19 ta' Frar 2010 jistabbilixxi l-prezz għal 230 RON/MWh għall-perjodu 1 ta' Jannar — 31 ta' Marzu 2010; l-Addendum 5 mit-30 ta' Marzu 2010 jistabbilixxi l-prezz għal 230 RON/MWh għall-perjodu 1 ta' April — 31 ta' Diċembru 2010; l-Addendum 6 mill-31 ta' Diċembru 2010 jistabbilixxi l-istess prezz bħal dak fl-Addendum Nru 5 (għal 230 RON/MWh sal-31 ta' Jannar 2011); l-Addendum 7 mill-1 ta' Frar 2011 jistabbilixxi l-prezz għal 235 RON/MWh għall-perjodu 1 ta' Frar — 31 ta' Diċembru 2011; l-Addendum 8 mit-22 ta' Settembru 2011 jissostitwixxi lill-Fornitur inizjali Termoelectrica fil-kuntratt oriġinali b'SC de Producere a Energieie Electrice si Termice Electrocentrale Paroseni SA.

    (18)  Ara l-Artikolu 14 tal-Kuntratt ma' Electrocentrale Deva.

    (19)  Il-prezz tal-kuntratt inizjali kien ta' 220,56 RON/MWh. L-Addendum 1 mill-1 ta' Awwissu 2009 jistabbilixxi l-prezz għal 234 RON/MWh għas-sena 2009; l-Addendum 2 mit-2 ta' Jannar 2010 jistabbilixxi l-prezz għal 225,7 RON/MWh għall-perjodu 1 ta' Jannar — 30 ta' Ġunju 2010.; l-Addendum 3 mill-11 ta' Frar 2010 jistabbilixxi l-prezz għal 234 RON/MWh għall-perjodu 1 ta' Jannar — 31 ta' Marzu 2010; l-Addendum 4 mill-1 ta' April 2010 jistabbilixxi l-prezz għal 234 RON/MWh għall-perjodu 1 ta' April — 31 ta' Diċembru 2010; l-Addendum 5 mill-1 ta' Frar 2011 jistabbilixxi l-prezz għal 234 RON/MWh għall-perjodu 1 ta' Frar — 31 ta' Diċembru 2011.

    (20)  Għal Termoelectrica: L-Addendum Nru 1, iddatat l-20 ta' Marzu 2009, stipula l-prezz għall-2009 abbażi ta' Deċiżjoni tal-ANRE; l-Addendum Nru 2 iddatat l-1 ta' Ġunju 2009 jistabbilixxi l-prezz għall-2009 u jispeċifika li mill-2010 'l quddiem il-prezz tal-kuntratt għandu jkun stabbilit mill-ANRE għall-Impjant ta' Paroseni.

    Għal Electrocentrale Deva: Permezz tal-Addendum Nru 2, iddatat is-7.1.2009, il-prezz kien aġġustat abbażi ta' Deċiżjoni tal-ANRE.

    (21)  Għal Termoelectrica: L-Addendum Nru 3 iddatat l-1 ta' Awwissu 2009 jirreferi għan-Nota Nru II/11096/31 ta' Lulju 2009 approvata mis-Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ li tistabbilixxi l-prezz għas-sena 2009; l-Addendum Nru 4 iddatat il-11 ta' Frar 2010 jirreferi għan-Nota Nru II/11672/11.2.2010 approvata mill-Ministru tal-Ekonomija u l-Kummerċ li tistabbilixxi l-prezz għall-perjodu 1 ta' Jannar — 31 ta' Marzu 2010; l-Addendum Nru 5 iddatat l-1 ta' April 2010 jirreferi għan-Nota Nru II/11877/29.3.2010 approvata mill-Ministru tal-Ekonomija u l-Kummerċ li tistabbilixxi l-prezz għall-perjodu 1 ta' April — 31 ta' Diċembru 2010; l-Addendum Nru 6 iddatat l-1 ta' Jannar 2011 jirreferi għall-istess Nota Nru II/11877/29.3.2010 approvata mill-Ministru tal-Ekonomija u l-Kummerċ u jżomm il-prezz għall-perjodu 1 ta' Jannar — 31 ta' Diċembru 2011; l-Addendum Nru 7 iddatat l-1 ta' Frar 2011 jirreferi għan-Nota Nru 6547/21.1.2011 approvata mill-Ministru tal-Ekonomija u l-Kummerċ u tistabbilixxi l-prezz għall-perjodu 1 ta' Frar — 31 ta' Diċembru 2011.

    Għal Electrocentrale Deva: L-Addendum Nru 1 iddatat l-1 ta' Awwissu 2009 jirreferi għan-Nota Nru II/11096/31.7.2009 approvata mis-Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kummerċ li tistabbilixxi l-prezz għas-sena 2009; l-Addendum Nru 3 iddatat il-11 ta' Frar 2010 jirreferi għan-Nota Nru II/11672/11.2.2010 approvata mill-Ministru tal-Ekonomija u l-Kummerċ li tistabbilixxi l-prezz għall-perjodu 1 ta' Jannar — 31 ta' Marzu 2010; l-Addendum Nru 4 iddatat l-1 ta' April 2010 jirreferi għan-Nota Nru II/11877/29.3.2010 approvata mill-Ministru tal-Ekonomija u l-Kummerċ li tistabbilixxi l-prezz għall-perjodu 1 ta' April — 31 ta' Diċembru 2010; l-Addendum Nru 5 datat l-1 ta' Frar 2011 jirreferi għan-Nota Nru 6547/21.2.2011 approvata mill-Ministru tal-Ekonomija u l-Kummerċ u tistabbilixxi l-prezz għall-perjodu 1 ta' Frar — 31 ta' Diċembru 2011.

    (22)  Skont is-sottomissjoni ta' informazzjoni mir-Rumanija iddatata l-11 ta' Settembru 2013 u l-20 ta' Frar 2015, il-kunsinni tal-elettriku skont il-Kuntratti waqfu fl-aħħar tal-2011. Għalhekk, ma saret l-ebda kunsinna fl-2012.

    (23)  Amministrat minn OPCOM biss sa minn Lulju 2011.

    (24)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2014, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat li jimponi multi skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1) fil-każ AT.39 984 “Borża tal-Enerġija Rumena/OPCOM”.

    (25)  Is-sett tad-dejta kien jinkludi l-informazzjoni li ġejja: l-identità tal-bejjiegħ u l-akkwirent, it-tip ta' kuntratt, id-data tad-dħul fis-seħħ, id-data ta' skadenza, kif ukoll il-kwantità, il-profil tal-provvista u l-prezz medju ponderat għal kull sena mill-2009 sal-2011.

    (26)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 2516 finali tal-25 ta' April 2012 dwar il-każ SA.33623 (ĠU C 189, 29.6.2012, p. 3), C (2012) 2517 finali dwar il-każ SA. 33624 (ĠU C 268, 5.9.2012, p. 21), C (2012) 2542 finali dwar il-każ SA.33451 (ĠU C 395, 20.12.2012, p. 5) u C (2012) 2556 finali dwar il-każ SA.33581 (ĠU C 395, 20.12.2012, p. 34).

    (27)  Sottomissjoni tal-informazzjoni mir-Rumanija iddatata t-3 ta' Settembru 2014.

    (28)  Sottomissjoni tal-informazzjoni mir-Rumanija iddatata l-20 ta' Frar 2015.

    (29)  Ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 700 mill-4 ta' Ottubru 2011

    (30)  Likwidazzjoni approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali datata t-12 ta' Marzu 2012.

    (31)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 27 f'qiegħ il-paġna.

    (32)  Disponibbli bir-Rumen biss fuq http://www.euroinsol.eu/uploads/Raport%2059%20Hidro%20v11.pdf – p. 213.

    (33)  Sottomissjoni tal-informazzjoni mir-Rumanija iddatata l-11 ta' Settembru 2013.

    (34)  Ara l-Anness 1 għas-sottomissjoni tal-informazzjoni mir-Rumanija datata l-11 ta' Settembru 2013.

    (35)  Għall-Kuntratt ma' Termoelectrica.

    (36)  Għall-Kuntratt ma' Electrocentrale Deva.

    (37)  Ara, pereż., il-Kawża C-305/89 L-Italja vs Il-Kummissjoni (“Alfa Romeo”) [1991] Ġabra I-1603, paragrafi 18 u 19; il-Kawża T-16/96 Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni [1998] Ġabra II-757, paragrafu 51; il-Kawżi Magħquda T-129/95, T-2/96 u T-97/96 Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Commission [1999] Ġabra II-17, il-paragrafu 104; il-Kawżi Magħquda T-268/08 u T-281/08 Land Burgenland u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni [2012] Ġabra II-0000, il-paragrafu 48.

    (38)  Ir-rapport maħruġ mill-amministratur ġudizzjarju ta' Hidroelectrica — http://www.euroinsol.eu/uploads/Raport%2059%20Hidro%20v11.pdf — disponibbli bil-lingwa Rumena biss — p. 212.

    (39)  Il-Kawża C-482/99 ir-Repubblika Franċiża vs il-Kummisjoni (Stardust Marine) [2002] Ġabra I-4397.

    (40)  Alzetta, il-paragrafi 141 sa 147; Altmark Trans.

    (41)  Il-Kawża C-364/90, l-Italja vs il-Kummissjoni, [1993] Ġabra I-2097, paragrafu 20.

    (42)  Ara l-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1973] Ġabra 813, paragrafu 13.

    (43)  Ara l-Kawżi Magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni [1994] Ġabra I-4103, paragrafu 75.

    (44)  Ara l-Kawża C-75/97 Il-Belġju vs il-Kummissjoni [1999] Ġabra I-3671, paragrafi 64 u 65.

    (45)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

    (46)  Il-kunsinni tal-elettriku waqfu qabel it-terminazzjoni tal-Kuntratti mill-amministratur ġudizzjarju ta' Hidroelectrica fl-aħħar ta' Awwissu 2012.

    (47)  T-123/09 Ryanair vs Il-Kummissjoni, EU:T2012:164, punti 155-156, T-415/05, T416/05 u T-423/05, Ir-Repubblika Ellenika, Olimpiakes Aerogrammes AE u Olimpiaki Aeroporia AE vs Il-Kummissjoni, EU:T:2010:386, punt 135 u C-287/12 P, Ryanair Ltd vs Il-Kummissjoni, EU:C2013:395, punti 101 sa 107.

    (48)  Il-Kawża 277/00 SMI [2004] Ġabra I-4355, paragrafu 85; il-Kawża 52/84 Il-Kummissjoni vs Il-Belġju [1986] Ġabra 89, paragrafu 14; il-Kawża C-142/87 Tubemeuse [1990] Ġabra I-959, paragrafu 60–62.

    (49)  Il-Kawża C-610/10 Il-Kummissjoni vs Spanja (“Magefesa”) (ECLI:EU:C:2012:781) ippubblikata fir-Rapporti tal-Kawżi elettroniċi (Rapporti tal-Kawżi — ġenerali), paragrafu 104 u l-każistika ċċitata.

    (50)  Il-Kawża C-610/10 Il-Kummissjoni vs Spanja (“Magefesa”) paragrafu 106.

    (51)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1), b'emendi ulterjuri.


    ANNESS

    VALUTAZZJONI TAL-VANTAĠĠ EKONOMIKU — ANALIŻI EKONOMETRIKA

    Raġunijiet u deskrizzjoni tal-analiżi ekonometerika

    L-analiżi ekonometerika li saret mill-Kummissjoni għandha l-għan li toħloq prezzijiet ta' referenza għall-kuntratti li qegħdin taħt investigazzjoni, li jirriżultaw minn analiżi ta' rigressjoni li saret fuq kuntratti fis-sett ta' dejta, li mhumiex taħt investigazzjoni, bl-użu ta' xi karatteristiċi ta' dawn il-kuntratti. Bħala l-ewwel pass, l-analiżi ta' rigressjoni tippermetti l-ħolqien ta' prezz ta' referenza bħala funzjoni tal-karatteristiċi tal-kuntratt tas-sett ta' dejta (“tbassir mid-dejta miġbura”). Fit-tieni pass, ir-riżultati tal-analiżi ta' rigressjoni jintużaw biex jitbassar prezz ta' referenza għall-kuntratti investigati filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-kuntratt tagħhom (“tbassir mid-dejta mhux miġbura”). Fl-analiżi ta' rigressjoni, il-varjazzjoni fil-prezzijiet fost il-kuntratti fis-sett ta' dejta tiġi spjegata billi jintużaw il-karatteristiċi li ġejjin: kwantità mixtrija u kampjuni ta' matul is-sena (1).

    L-analiżi ekonometerika tibbaża fuq il-prinċipju li hemm għadd ta' fatturi ewlenin tal-prezzijiet, bħal ma huma kwantitajiet. Tingħata stampa distorta jekk jitqabblu l-prezzijiet fost kuntratti differenti mingħajr ma jitqiesu dawn il-fatturi ewlenin. Ir-raġunament ta' dan l-eżerċizzju kwantitattiv huwa, għalhekk li, ladarba jitqiesu xi fatturi esterni, il-prezzijiet fost kuntratti differenti jsiru aktar komparabbli. Fin-nuqqas ta' normalizzazzjoni, il-kuntratti li huma eżattament l-istess biss jistgħu jitqabblu b'mod sinifikanti.

    Dan l-eżerċizzju empiriku ma għandux il-għan li jsib relazzjoni kawżali bejn il-prezzijiet u ċerti fatturi esterni. Pereżempju, biex tinsab relazzjoni kawżali bejn il-prezzijiet u ċerti fatturi jeħtieġ li jitqies r-riskju ta' endoġeneità, jiġifieri, r-riskju li varjabbli kawżali (pereż. il-kwantitajiet) tiġi influwenzata hija nnifsha mill-varjabbli spjegat (pereż. il-prezz), minħabba l-omissjoni tal-varjabbli jew simultanjament preġudikata. L-għan tal-eżerċizzju kwantitattiv huwa li “jinnormalizza” l-prezzijiet fost kuntratti differenti biex isiru aktar komparabbli ma' xulxin. Din in-normalizzazzjoni hija meħtieġa fin-nuqqas ta' karatteristiċi ta' kuntratti li huma eżattament l-istess u ta' fornitura.

    L-analiżi ta' rigressjoni tindividwa l-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratti bilaterali involuti:

    Kif ukoll il-varjabbli tal-kwantità fir-rigressjoni tindividwa li l-prezzijiet ġeneralment huma inqas meta l-kwantitajiet mixtrija huma ogħla (2);

    Kif ukoll kampjuni ta' matul is-sena jindividwaw id-dimensjoni taż-żmien u l-bidla possibbli fil-kundizzjonijiet tas-suq bejn is-snin differenti.

    Rigward l-ewwel pass tal-analiżi empirika, ir-riżultati tal-analiżi ta' rigressjoni dwar il-kuntratti tas-sett ta' dejta ġew irrapportati fit-Tabella 1 hawn taħt.

    Rigward it-tieni pass tal-analiżi empirika, il-Kummissjoni identifikat punt ta' referenza għal kull sena u wara ttestjat il-pożizzjoni tal-kuntratti relevanti ma' dan il-punt ta' referenza sabiex tikkonkludi jekk il-prezzijiet mitluba minn Hidroelectrica kienux inqas jew ogħla mill-prezz ta' referenza msawwar. Il-passi li jmiss jiddeskrivu fid-dettal il-metodoloġija użata biex jiġi determinat il-punt ta' referenza:

     

    L-ewwel, għal kull kuntratt taħt investigazzjoni, qed jiġi kkalkulat jekk u kemm huwa differanti l-prezz effettiv kull sena mill-prezz ta' referenza korrispondenti tiegħu maħdum billi intużaw il-karatteristiċi ta' rigressjoni u tal-kuntratt;

     

    It-tieni, il-kuntratt bl-aktar diverġenza 'l fuq (“ADF”) jiġi identifikat (3); dan huwa l-kuntratt tas-sett ta' dejta bil-prezz osservat li huwa l-aktar diverġenza 'l fuq mill-prezz ta' referenza korrispondenti proprju (f'termini assoluti). L-għażla tal-ADF li tipprovdi firxa ta' varjazzjoni 'l fuq mill-istima ewlenija tal-prezz ta' referenza, filwaqt li jibqa' konservattiv, hija ġustifikata; l-ewwel, il-mudell ekonometeriku ma jispjegax 100 % tal-prezz osservat fis-sett ta' dejta u l-istima singola tal-prezz ta' referenza tingħata b'intervall ta' kunfidenza u marġini ta' żball 'il fuq jew taħt l-istima; it-tieni, devjazzjonijiet tal-prezz minn prezz possibbli singolu jeżistu fis-suq reali; l-ADF, li toriġina minn kuntratti bbażati fuq is-suq (ara l-premessi 42 sa 45) tiġbor informazzjoni kwantifikata dwar sa fejn jistgħu jħaħħqu tali devjazzjonijiet u tipprovdi firxa bbażata fuq is-suq madwar il-prezz ta' referenza kkalkulat;

     

    It-tielet, id-differenza fil-prezz mill-kuntratt bl-ADF tintuża biex jiġu sseparati l-prezzijiet osservati 'l fuq mill-prezz ta' referenza minn kuntratti taħt il-prezz ta' referenza:

    Jekk kuntratt għandu prezz osservat 'il fuq mill-prezz ta' referenza korrispondenti tiegħu u jekk id-differenza fil-prezz ta' dan il-kuntratt hija ogħla mid-differenza fil-prezz tal-ADF (4), allura dan il-kuntratt jitqies prima facie bħala mhux konformi mas-suq;

    Inkella l-kuntratt għandu jitqies bħala konformi mas-suq;

    It-tabella hawn taħt turi r-riżultati dettaljati mill-analiżi ta' rigressjoni fuq is-sett ta' dejta. Ir-rigressjoni tispjega 36 % tal-varjazzjonijiet fid-dejta. L-istimi ta' koeffiċjent ppreżentati fit-tabella hawn taħt jintużaw fit-tieni stadju biex jitbassar il-prezz ta' “referenza” għall-kuntratti taħt investigazzjoni (tbassir mid-dejta mhux miġbura), dejjem jekk dawn ma jkunux ukoll kuntratti għall-konsumaturi, bħall-kuntratti fis-sett ta' dejta.

    Riżultati tal-analiżi ekonometerika

    Tabella 1

    Analiżi tar-rigressjoni

    Source

    SS

    df

    MS

     

    Number of obs

    =

    137

    F(5,131)

    =

    14,73

    Prob > F

    =

    0,0000

    R-squared

    =

    0,3598

    Adj R-squared

    =

    0,3354

    Root MSE

    =

    23,937

    Model

    4218,7868

    5

    8436,95736

    Residual

    75057,7748

    131

    572,960113

    Total

    117242,562

    136

    862,077659


    Average price RON ~ h

    Coef.

    Std. Err.

    t

    P > |t|

    [95 % Conf. Interval]

    Annual quantity GWh

    – ,0114518

    ,0078662

    – 1,46

    0,148

    – ,027013

    ,0041094

    year

     

     

     

     

     

     

    2008

    26,39286

    6,212094

    4,25

    0,000

    14,10385

    38,68186

    2009

    44,00499

    6,668892

    6,60

    0,000

    30,81234

    57,19765

    2010

    32,16928

    6,525077

    4,93

    0,000

    19,26112

    45,07744

    2011

    49,21547

    6,458884

    7,62

    0,000

    36,43826

    61,99268

    _cons

    153,9978

    5,159037

    29,85

    0,000

    143,792

    164,2036

    It-tabelli li ġejjin juru r-riżultati tal-analiżi empirika li tuża l-analiżi ta' rigressjoni deskritta fit-Tabella 1 meta, għal kull sena, l-ADF jintgħażel fuq il-bażi tad-differenza fil-livelli tal-prezz (f'RON/MWh) bejn kull prezz stmat tal-kuntratt u l-prezz osservat korrispondenti tiegħu. It-tabelli 2 u 3 hawn taħt juru d-differenzi bejn il-prezzijiet tax-xiri kuntrattwali ta' Hidroelectrica għal kull sena (jiġifieri.: 2009-2011) vis-à-vis il-prezz ta' referenza simulat għaż-żewġ kumpaniji taħt investigazzjoni.

    Fl-2009, il-kuntratt bl-ADF, li huwa l-kuntratt fis-sett ta' dejta bl-akbar differenza bejn il-prezz osservat u l-prezz stmat korrispondenti tiegħu, kellu differenza fil-prezz stmata għal 69,73 RON/MWh. L-ebda wieħed miż-żewġ kuntratti bejn Hidroelectrica u Termoelectrica u Electrocentrale Deva kellu prezz osservat ogħla mill-prezz stmat tagħhom b'differenza fil-prezz akbar minn 69,73 RON/MWh (ara Tabella 2).

    Fl-2010, il-kuntratt bl-ADF kellu differenza fil-prezz stmata għal 45,36 RON/MWh. Iż-żewġ kuntratti bejn Hidroelectrica u Termoelectrica u Electrocentrale Deva għandhom prezz osservat 'il fuq mill-prezz stmat tagħhom b'differenza fil-prezz akbar minn 45,36 RON/MWh, jiġifieri differenza ta' 53,05 RON/MWh għall-kuntratt ma' Termoelectrica u 51,37 RON/MWh għall-kuntratt ma' Electrocentrale Deva (ara Tabella 2).

    Fl-2011, il-kuntratt bl-ADF kellu differenza fil-prezz stmata għal 30,12 RON/MWh. Iż-żewġ kuntratti bejn Hidroelectrica u Termoelectrica u rispettivament bejn Hidroelectrica u Electrocentrale Deva kellhom prezz osservat 'il fuq mill-prezz stmat tagħhom b'differenza fil-prezz akbar minn 30,12 RON/MWh, jiġifieri differenza ta' 38,62 RON/MWh għall-kuntratt ma' Termoelectrica u 32,64 RON/MWh għall-kuntratt ma' Electrocentrale Deva (ara Tabella 2).

    Tabella 2

    Analiżi ta'kuntratti fil-perjodu relevanti bejn l-2009-2011

    (f'RON kull MWh)

    TERMOELECTRICA

    2009

    2010

    2011

    Prezz Osservat (PO)

    227,40

    230,00

    234,40

    Prezz Imbassar (PI)

    187,69

    176,95

    195,78

    Differenza (PO-PI)

    39,71

    53,05

    38,62

    ADF

    69,73

    45,36

    30,12

    Differenza Prezz Osservat – Prezz Imbassar + ADF

    < ADF

    7,69

    8,50

    ELECTROCENTRALE DEVA

    2009

    2010

    2011

    Prezz Osservat (PO)

    230,20

    234,00

    234,00

    Prezz Imbassar (PI)

    192,28

    182,63

    201,54

    Differenza (PO-PI)

    37,92

    51,37

    32,46

    ADF

    69,73

    45,36

    30,12

    Differenza Prezz Osservat – Prezz Imbassar + ADF

    < ADF

    6,01

    2,34

    Ir-riżultati ta' hawn fuq juru li l-prezzijiet mħallsa minn Hidroelectrica kemm lil Termoelectrica u lil Electrocentrale Deva fl-2010 u fl-2011 huma 'l fuq minn punt ta' referenza raġonevoli ddeterminat mill-kuntratti tas-sett ta' dejta, Madankollu, dan il-paragun sar bejn kuntratti għall-konsumaturi (il-kuntratti kollha fis-sett ta' dejta) u kuntratti għall-operaturi bejn Hidroelectrica u Electrocentrale Deva u Termoelectrica. Fi kliem ieħor, il-prezzijiet ta' referenza simulati jinkludu kostijiet tal-konsumatur li ż-żewġ kuntratti ma daħlux għalihom u, għalhekk, il-prezzijiet ta' referenza simulati huma ogħla mill-prezzijiet bl-ingrossa korrispondenti. Sabiex tinsab din id-differenza, huwa għalhekk indispensabbli li jiġi dedott marġini gross ta' 5 % mill-valur assolut tal-ADF (5). Ir-riżultati jidhru fit-tabella hawn taħt u aktar jikkonfermaw prezzijiet 'il fuq minn punt ta' referenza tas-suq fl-2010 u fl-2011 għaż-żewġ fornituri.

    Tabella 3

    Analiżi tal-kuntratti billi jiġi applikat tnaqqis ta' marġini gross ta' 5 % għall-perjodu relevanti bejn l-2009 ul-2011

    (id-dejta kollha f'RON għal kull MWh)

    TERMOELECTRICA

    2009

    2010

    2011

    Prezz Osservat (PO)

    227,40

    230,00

    234,40

    Prezz Imbassar (PI)

    187,69

    176,95

    195,78

    Differenza (PO-PI)

    39,71

    53,05

    38,62

    ADF

    69,73

    45,36

    30,12

    Differenza Prezz Osservat – ((Prezz Imbassar + ADF) – 5 %)

    < ADF

    18,81

    19,80

    ELECTROCENTRALE DEVA

    2009

    2010

    2011

    Prezz Osservat (PO)

    230,20

    234,00

    234,00

    Prezz Imbassar (PI)

    192,28

    182,63

    201,54

    Differenza (PO-PI)

    37,92

    51,37

    32,46

    ADF

    69,73

    45,36

    30,12

    Differenza Prezz Osservat – ((Prezz Imbassar + ADF) – 5 %)

    < ADF

    17,41

    13,92

    Bħala konklużjoni, l-analiżi ekonometerika tindika prezzijiet tal-kuntratt għal Termoelectrica u Electrocentrale Deva 'l fuq mill-prezzijiet tas-suq. Madankollu, minħabba l-interval wiesa' ta' inċertezza li ma nqabadx mill-mudell, il-konklużjoni tal-analiżi ekonometerika teħtieġ li tiġi kumplimentata b'informazzjoni ekonomika addizzjonali dwar il-konformità mas-suq tal-imġiba ta' Hidroelectrica u/jew dejta oħra tal-kuntratt.


    (1)  Id-dewmien tal-kuntratt tal-varjabbli u l-profil tal-flus maħruġa mix-xerrej definiti fis-sett ta' dejta mhumiex inklużi peress li mil-lat tal-istatistika mhumiex sinifikanti.

    (2)  Trattament preliminari tad-dejta ma qisx tliet dejta annwali fuq kuntratti li jikkorrispondu mal-bejgħ intern fil-grupp ta' ALRO mill-2009 sal-2011, hekk kif dawn x'aktarx se jirriflettu kundizzjonijiet tas-suq differenti minn dawk prevalenti f'negozjati ta' kuntratt bilaterali bejn fornitur u xerrej independenti, li huwa l-punt ewlieni f'dan il-każ.

    (3)  Ir-rigressjoni ssir fuq 137 osservazzjoni ta' dejta tal-kuntratt individwali fil-perjodu 2009-2011.

    (4)  L-ADF inizjali għas-sena 2011 tikkorrispondi għall-bejgħ ta' bejn il-grupp ta' OMV Petrom. Peress li tali bejgħ fi ħdan il-grupp, bħal ta' ALRO (ara n-nota 2 f'qiegħ il-paġna), x'aktarx se jirrifletti kundizzjonijiet tas-suq differenti minn dawk prevalenti f'negozjati ta' kuntratt bilaterali bejn fornitur u xerrej independenti, li huwa l-punt ewlieni f'dan il-każ, jintuża minflok l-ADF li jmiss.

    (5)  Fuq il-bażi tal-valur medjan tal-marġini tal-operatur kummerċjali fir-Rumanija, ir-Rapport tal-KPMG għal Energy Holdings, Mejju 2014, Appendċi 3, p. 53.


    Top