Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1586

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1586 tas-26 ta' Frar 2015 dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (eks 13/NN u eks 12/N) — Il-Polonja — It-twaqqif tal-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo (notifikata bid-dokument C(2015) 1281) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 250, 25.9.2015, pp. 165–207 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1586/oj

25.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/165


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1586

tas-26 ta' Frar 2015

dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (eks 13/NN u eks 12/N) — Il-Polonja — It-twaqqif tal-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo

(notifikata bid-dokument C(2015) 1281)

(It-test Pollakk biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-proċedimenti quddiem il-Kummissjoni

(1)

Permezz ta' ittra datata s-7 ta' Settembru 2012, il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni, għal raġunijiet ta' ċertezza legali, dwar il-pjanijiet tagħha li tiffinanzja l-konverżjoni ta' mitjar militari qrib Gdynia fit-Tramuntana tal-Polonja f'ajruport ċivili. Il-miżura ġiet irreġistrata bin-numru SA.35388.

(2)

Permezz ta' ittri datati s-7 ta' Novembru 2012 u s-6 ta' Frar 2013, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni dwar il-miżura nnotifikata. Fis-7 ta' Diċembru 2012 u fil-15 ta' Marzu 2013, il-Polonja ppreżentat informazzjoni addizzjonali. Fis-17 ta' April 2013 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-Polonja. F'din il-laqgħa, il-Polonja kkonfermat li l-finanzjament innotifikat kien diġà ngħata b'mod irrevokabbli.

(3)

Permezz ta' ittra datata l-15 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja li hija kienet qiegħda tittrasferixxi l-każ lir-reġistru tal-għajnuna mhux innotifikata minħabba li l-biċċa l-kbira tal-finanzjament innotifikat lill-Kummissjoni kien diġà ngħata b'mod irrevokabbli. Permezz ta' ittra datata s-16 ta' Mejju 2013, il-Polonja ppreżentat aktar informazzjoni.

(4)

Permezz ta' ittra datata t-2 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (2) (minn hawn 'il quddiem “id-deċiżjoni tal-ftuħ”) fir-rigward tal-finanzjament mogħti lil Port Lotniczy Gdynia-Kosakowo sp. z o. o. (minn hawn 'il quddiem “GdyniaKosakowo Airport Ltd” jew “l-operatur tal-ajruport”) mill-belt ta' Gdynia (minn hawn 'il quddiem “Gdynia”) u mill-muniċipalità ta' Kosakowo (minn hawn 'il quddiem “Kosakowo”). Il-Polonja pprovdiet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ fis-6 ta' Awwissu 2013.

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni.

(6)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment mingħand il-partijiet interessati. Il-Polonja ġiet mgħarrfa b'dan permezz ta' ittra datata d-9 ta' Ottubru 2013.

(7)

Permezz ta' ittra datata t-30 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni. Il-Polonja pprovdiet aktar informazzjoni permezz ta' ittri datati l-4 u l-15 ta' Novembru 2013. Fis-26 ta' Novembru 2013 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-Polonja. Il-Polonja pprovdiet aktar informazzjoni permezz ta' ittri datati t-3 ta' Diċembru 2013 u t-2 ta' Jannar 2014.

(8)

Fil-11 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/883/UE (4) li tqis l-għajnuna mill-Istat li l-Polonja kienet ipprovdiet b'mod illeċitu lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd u l-għajnuna mill-Istat li l-Polonja kienet qiegħda tippjana li tipprovdi lil dak l-operatur tal-ajruport bħala inkompatibbli mas-suq intern. Id-Deċiżjoni ordnat lill-Polonja biex tirkupra mingħand Gdynia-Kosakowo Airport Ltd l-għajnuna li diġà kienet ingħatat.

1.2.   Il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-proċess ta' rkupru

(9)

Fid-9 ta' April 2014 Kosakowo, segwita fis-16 ta' April 2014 minn Gdynia u l-operatur tal-ajruport, ikkontestat id-Deċiżjoni 2014/883/UE quddiem il-Qorti Ġenerali, filwaqt li talbet l-annullament tagħha (5). Ir-rikorrenti sostnew, fost l-oħrajn, li fl-ammont li kellu jiġi rkuprat, il-Kummissjoni kienet inkludiet b'mod żbaljat l-infiq fuq attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku.

(10)

Fit-8 u fid-9 ta' April, rispettivament, Gdynia flimkien mal-operatur tal-ajruport u Kosakowo applikaw għall-miżuri interim f'dawn il-każijiet.

(11)

Fis-7 ta' Mejju 2014, il-Qorti Distrettwali ta' Gdańsk-Polnoc ħarġet deċiżjoni li tiddikjara lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd bħala falluta u li tordna l-likwidazzjoni tagħha. Il-kredituri kollha ġew mistiedna jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom fi żmien tliet xhur. Fil-5 ta' Ġunju 2014 Kosakowo ppreżentat pretensjoni għal PLN 6,28 miljun (daqs EUR 1,57 miljun) u l-imgħax fuqhom. Fit-22 ta' Awwissu 2014 Gdynia ppreżentat pretensjoni għal PLN 85,44 miljun (daqs EUR 21,36 miljun) u l-imgħax fuqhom.

(12)

Ir-rikorsi għall-miżuri provviżorji ġew irrifjutati b'digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta' Awwissu 2014 (6). B'mod partikolari, il-President tal-Qorti Ġenerali ddetermina li d-Deċiżjoni 2014/883/UE ma setgħetx tiġi meqjusa l-kawża determinanti tad-dannu li rriżulta mill-falliment ta' Gdynia-Kosakowo Airport Ltd, dment li l-kumpanija nnifisha kienet iddikjarat falliment ferm qabel ma l-awtoritajiet Pollakki adottaw miżuri vinkolanti biex jeżegwixxu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(13)

Fil-15 ta' Ottubru 2014, il-Polonja interveniet fiż-żewġ każijiet prinċipali billi talbet li d-Deċiżjoni 2014/883/UE għandha tiġi annullata fir-rigward tal-irkupru tar-riżorsi finanzjarji allokati lill-operatur tal-ajruport u li ntużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku, kif deskritt fil-punt 3.1.1 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(14)

Skont informazzjoni pprovduta mill-Polonja, matul il-proċedura ta' falliment li għaddejja u li tinvolvi l-likwidazzjoni tal-assi tal-kumpanija, l-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo qiegħed jiġi ġestit minn fiduċjarju (7).

1.3.   L-irtirar

(15)

Matul il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali, deher biċ-ċar li l-għajnuna ddikjarata mid-Deċiżjoni 2014/88/UE bħala inkompatibbli mas-suq intern tinkludi ċerti investimenti li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont id-deċiżjoni tal-ftuħ.

(16)

Fil-fatt, fil-premessa 25 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-investiment fil-bini u fit-tagħmir li jintuża għall-pumpiera, għad-dwana, għall-gwardji tas-sigurtà fl-ajruporti, għall-pulizija u għall-gwardji tal-fruntieri kien jaqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku u għaldaqstant ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk, l-investigazzjoni formali ma kellhiex x'taqsam ma' dan l-investiment.

(17)

Madankollu, fid-Deċiżjoni 2014/883/UE, il-Kummissjoni rriżultalha li l-liġi Pollakka kienet tobbliga lill-operaturi tal-ajruport li jiffinanzjaw tali investiment mir-riżorsi proprji tagħhom. Għaldaqstant operatur tas-suq privat jikkunsidra dawn il-kostijiet meta jiġi biex jiddeċiedi jekk jinvestix jew le fl-ajruport (bħalma sar fl-istudju ppreżentat mill-Polonja), u finanzjament pubbliku ta' dan l-investiment jaf jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(18)

Ġaladarba d-deċiżjoni tal-ftuħ ikkonkludiet li l-investiment fil-bini u fit-tagħmir li jintuża għall-pumpiera, għad-dwana, għall-gwardji tas-sigurtà fl-ajruporti, għall-pulizija u għall-gwardji tal-fruntieri ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tikkunsidra li m'għandhiex tikkontesta dik il-konklużjoni fid-deċiżjoni finali dwar il-miżura. Għaldaqstant id-Deċiżjoni 2014/883/UE għandha tiġi rtirata u sostitwita b'din id-Deċiżjoni. Billi l-elementi kollha neċessarji għall-valutazzjoni tal-miżura huma preżenti fil-fajl, ma hemmx għalfejn terġa' tinfetaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI U R-RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

2.1.   L-isfond tal-investigazzjoni

(19)

Il-każ jikkonċerna l-finanzjament ta' ajruport ċivili ġdid f'Pomerania (il-provinċja ta' Pomorskie), fuq il-fruntiera bejn il-belt ta' Gdynia u l-muniċipalità ta' Kosakowo, 25 kilometru bogħod mill-ajruport ta' Gdańsk (8). L-ajruport il-ġdid huwa ġestit minn Gdynia-Kosakowo Airport Ltd. L-operatur tal-ajruport huwa interament proprjetà tal-muniċipalitajiet ta' Gdynia u Kosakowo.

(20)

L-għan tal-proġett ta' investiment huwa li joħloq it-tieni ajruport għal Pomerania, li jkun ibbażat fuq l-infrastruttura ta' mitjar militari li jinsab f'Kosakowo (9). L-ajruport il-ġdid primarjament għandu jilqa' t-traffiku tal-avjazzjoni ġenerali (eż. jets privati, gliders/inġenji tal-ajru ħfief intiżi għall-isport), trasportaturi bi prezzijiet baxxi (minn hawn 'il quddiem “LCC”, low-cost carriers) u titjiriet charter. Fil-mument tan-notifika, l-ajruport kien mistenni jibda jopera fil-bidu tal-2014. Rapport ippubblikat fl-2012 minn PricewaterhouseCoopers (minn hawn 'il quddiem “PWC”) ipprovda l-previżjonijiet li ġejjin għat-traffiku tal-passiġġieri matul l-ewwel snin tal-operat: madwar […] fl-2014, […] fl-2017, […] fl-2020 u madwar […] fl-2028.

(21)

L-oriġini tal-proġett imorru lura għal April tal-2005, meta diversi awtoritajiet reġjonali, il-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali u rappreżentanti tal-ajruport ta' Gdańsk (10) iffirmaw ittra ta' intenzjoni sabiex jinħoloq ajruport ġdid għal Pomerania, li jkun ibbażat fuq l-infrastruttura tal-mitjar militari f'Kosakowo.

(22)

Skont dik l-ittra, l-amministrazzjoni tal-Ajruport futur ta' Gdynia-Kosakowo kellha tkun fdata lill-ajruport ta' Gdańsk. Id-deċiżjoni ġiet approvata mill-Ministeru tat-Trasport u l-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali f'Awwissu tal-2006.

(23)

F'Lulju tal-2007, l-awtoritajiet lokali fi Gdynia u Kosakowo waqqfu kumpanija msejħa Gdynia-Kosakowo Airport Ltd. F'Diċembru tal-2009, Gdynia u Kosakowo kisbu l-qbil tal-Ministeru tat-Trasport li Gdynia-Kosakowo Airport Ltd tkun, minn hemm 'il quddiem, responsabbli mill-ajruport il-ġdid.

(24)

Fl-10 ta' Lulju 2008, il-Parlament Pollakk adotta emenda (11) għall-Att tat-30 ta' Mejju 1996 dwar il-ġestjoni ta' ċerti assi tat-Teżor tal-Istat u tal-Aġenżija tal-Proprjetà Militari (minn hawn 'il quddiem “l-Att tat-30 ta' Mejju 1996, kif emendat”) li ppermettiet il-konverżjoni ta' mtajar f'ajruporti ċivili.

(25)

Fl-24 ta' Diċembru 2008. il-Gvern Pollakk adotta att ta' implimentazzjoni għall-Att tat-30 ta' Mejju 1996, kif emendat (minn hawn 'il quddiem “l-att ta' implimentazzjoni”), li jinkludi lista ta' mtajjar militari jew partijiet minnhom li jistgħu jintużaw għat-twaqqif jew għall-estensjoni tal-ajruporti ċivili. L-att ta' implimentazzjoni telenka l-mitjar militari ta' Gdynia-Kosakowo (b'mod aktar speċifiku, partijiet minnu) fost l-imtajjar militari li jistgħu, skont l-Att tat-30 ta' Mejju 1996, kif emendat, jinkrew lil awtorità lokali għall-perjodu ta' minn tal-inqas 30 sena bl-iskop uniku li jitwaqqaf jew ikun estiż ajruport ċivili. L-Att tat-30 ta' Mejju 1996, kif emendat, jispeċifika li awtorità lokali, jekk tiddeċiedi li ma twaqqafx ajruport weħidha, tista' tkompli tikri fit-tul jew tikri l-proprjetà mikrija għall-perjodu ta' minn tal-inqas 30 sena lil entità li twaqqaf jew li ġġesti ajruport ċivili.

(26)

Skont l-Att tat-30 ta' Mejju 1996, kif emendat, u l-att ta' implimentazzjoni. fid-9 ta' Settembru 2010, il-gvernatur tal-provinċja ta' Pomorskie, bħala rappreżentant tat-Teżor tal-Istat, ikkonkluda ftehim ta' kiri (mid-9 ta' Settembru 2010 sad-9 ta' Settembru 2040) ma' Kosakowo dwar is-sit ta' 253 ettaru li fih jinsab il-mitjar militari. Skont il-ftehim ta' kiri, Kosakowo hija obbligata li titrasferixxi 30 % tal-kera lill-Fond ta' Modernizzazzjoni tal-Forzi Armati (12).

(27)

Fil-11 ta' Marzu 2011, Kosakowo kriet fit-tul l-art għal 30 sena (sad-9 ta' Settembru 2040) lill-operatur tal-ajruport Gdynia-Kosakowo Airport Ltd. Il-ftehim ta' lokazzjoni jistipula d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet u l-ammont ta' kera li trid titħallas mill-operatur tal-ajruport lil Kosakowo.

(28)

Fi ftehim ieħor iffirmat fil-11 ta' Marzu 2011, l-azzjonisti (Gdynia u Kosakowo) stipulaw il-kundizzjonijiet tal-finanzjament għall-investiment fit-twaqqif ta' ajruport ċivili. F'dan il-ftehim, Gdynia wegħdet li tinjetta total ta' PLN 59 miljun matul il-perjodu 2011-2013. Min-naħa tagħha, Kosakowo wegħdet li tipprovdi kontribuzzjoni mhux fi flus fl-għamla ta' tpartit ta' dejn ma' ekwità matul il-perjodu 2011-2040.

(29)

Barra minn hekk, fis-7 ta' Marzu 2011, ġie ffirmat ftehim operattiv mal-utent militari tal-ajruport bl-iskop li jiġu stipulati regoli dwar l-użu kondiviż tal-ajruport u l-infrastruttura tiegħu minn Gdynia-Kosakowo Airport Ltd u l-utent militari (13).

Il-proġett ta' investiment  (14)

(30)

Minħabba li l-mitjar eżistenti ta' Gdynia-Kosakowo (Gdynia-Oksywie) oriġinarjament kien jintuża esklussivament għal skopijiet militari, huwa possibbli li l-operatur tal-ajruport il-ġdid juża l-infrastruttura eżistenti (bħal runway ta' 2 500 metru, taxiways, żona asfaltata, tagħmir ta' navigazzjoni eċċ.). Il-kost totali tal-investiment fil-proġett ta' konverżjoni huwa stmat għal PLN 164,9 miljun (EUR 41,2 miljun (15)) f'termini nominali u PLN 148,4 miljun (EUR 37,1 miljun) f'termini reali. It-tabella 1 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-iżvilupp gradwali tal-ajruport, li huwa maqsum f'erba' fażijiet. Fl-opinjoni tal-Polonja, il-kost totali tal-investiment jinkludi wkoll investimenti relatati mat-twettiq ta' kompiti li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku (16), li b'kollox jammontaw għal madwar PLN […] miljun (EUR […] miljun) (għall-erba' fażijiet kollha).

Tabella 1

Il-kost nominali totali ta' investiment fl-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo fl-2007-2030

Il-proġett ta' investiment

 

Kostijiet f'PLN miljuni

Kostijiet f'EUR miljuni

Fażi I: 2007 - 2011

[…]

[…]

Xogħlijiet preparatorji (eż. tindif tal-ġnub, tneħħija ta' bini antik u siġar) u studji tal-fattibilità, ippjanar

 

 

Fażi II: 2012 - 2013

[…]

[…]

Terminal (li għandu jitlesta f'Ġunju 2013 u użat inizjalment għall-Avjazzjoni Ġenerali

Bini għall-amministrazzjoni tal-ajruport u l-brigata tat-tifi tan-nar

Rinnovazzjoni taż-żona asfaltata,

Infrastruttura tal-enerġija, dwal tan-navigazzjoni u ċint tal-wajer tal-ajruport

Manutenzjoni tal-ajruport u tagħmir tas-sigurtà

Aġġustament tat-tagħmir tan-navigazzjoni

Toroq ta' aċċess, pompa tal-petrol u parkeġġ għall-karozzi

 

 

Fażi III: 2014 - 2019

[…]

[…]

Investimenti meħtieġa biex jakkomodaw ajruplani kbar (eż. Boeing 737 jew Airbus A320), bħal estensjoni tal-mogħdija ta' taxi, żona asfaltata u tagħmir tal-ajruport

Investimenti oħrajn orjentati lejn is-servizz tal-passiġġieri (eż. estensjoni tal-parkeġġ għall-karozzi)

 

 

Fażi IV: 2020 - 2030

[…]

[…]

Espansjoni tat-Terminal

Estensjoni tal-bini tal-amministrazzjoni tal-ajruport u tal-brigata tat-tifi tan-nar

Estensjoni taż-żoni asfaltati, mogħdijiet ta' taxi u parkeġġi għall-karozzi

 

 

Kostijiet totali tal-investiment

164,90

41,02

Sors: informazzjoni pprovduta mill-Polonja.

Il-finanzjament tal-proġett ta' investiment

(31)

Il-proġett ta' investiment qiegħed jiġi ffinanzjat permezz ta' injezzjonijiet ta' kapital mill-azzjonisti pubbliċi (jiġifieri Gdynia u Kosakowo). L-injezzjonijiet ta' kapital huma intiżi biex ikopru kemm il-kostijiet tal-investiment kif ukoll il-kostijiet operattivi tal-ajruport matul il-fażi inizjali tal-operat tiegħu (jiġifieri l-perjodu sal-aħħar tal-2019). L-azzjonisti pubbliċi qegħdin jistennew li l-operatur tal-ajruport jibda jiġġenera profitt u b'hekk ikun jista' jiffinanzja l-attivitajiet kollha tiegħu mid-dħul tiegħu stess fl-2020.

(32)

Qabel ma l-proġett ġie nnotifikat lill-Kummissjoni (jiġifieri qabel is-7 ta' Settembru 2012), l-azzjonisti pubbliċi f'Gdynia-Kosakowo Airport Ltd qablu li jikkontribwixxu total ta' madwar PLN 207,48 miljun (17) (madwar EUR 51,87 miljun) għall-finijiet tat-twettiq tal-proġett ta' investiment u sabiex ikopru t-telf tal-ajruport fl-ewwel snin tal-operat tiegħu. Gdynia kellha tikkontribwixxi PLN 142,48 miljun (madwar EUR 35,62 miljun) fi flus likwidi matul is-snin 2007-2019. Kosakowo pprovdiet kontribuzzjoni fi flus ta' PLN 0,1 miljun (EUR 25 000) meta twaqqfet il-kumpanija. Fis-snin 2011-2040, Kosakowo kellha wkoll tagħti kontribuzzjoni mhux fi flus ta' PLN 64,9 miljun (madwar EUR 16,2 miljun) billi tpartat parti mill-kera annwali pagabbli mill-ajruport ta' Gdynia skont il-lokazzjoni għal ishma fl-ajruport (ara t-Tabella 2).

Tabella 2

Il-finanzjament tal-proġett ta' investiment permezz ta' żidiet ta' kapital

 

PLN miljuni

EUR miljuni

Qabel it-18 ta' Ġunju 2012

Injezzjonijiet ta' kapital fi flus ta' Gdynia

60,73

15,18

Injezzjonijiet ta' kapital fi flus ta' Kosakowo

0,10

0,03

Tpartit ta' dejn ma' ekwità ta' Kosakowo

3,98

1,00

Il-kontribuzzjonijiet totali qabel it-18 ta' Ġunju 2012

64,81

16,20

Previst wara t-18 ta' Ġunju 2012

Injezzjonijiet ta' kapital fi flus ta' Gdynia

81,75

20,44

li minnhom:

 

 

fl-2013

29,90

7,48

fl-2014

[…]

[…]

fl-2015

[…]

[…]

fl-2016

[…]

[…]

fl-2017

[…]

[…]

fl-2018

[…]

[…]

fl-2019

[…]

[…]

Tpartit ta' dejn ma' ekwità ta' Kosakowo:

60,92

15,23

li minnhom:

 

 

fl-2013-2039 (27*[…] PLN)

[…]

[…]

fl-2040

[…]

[…]

Il-kontribuzzjonijiet totali previsti wara t-18 ta' Ġunju 2012

142,67

35,67

Il-kapital totali previst għal Gdynia-Kosakowo Airport Ltd

207,48

51,87

Sors: abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja.

2.2.   Ir-raġunijiet għall-bidu tal-proċedura ta' investigazzjoni formali u l-valutazzjoni inizjali

2.2.1.   Il-Konklużjoni

(33)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ qajmet il-mistoqsijiet li ġejjin:

L-ewwel nett, jekk il-finanzjament pubbliku tal-proġett ta' investiment huwiex konformi mal-Prinċipju tal-Investitur f'Ekonomija tas-Suq (Market Economy Investor Principle) (minn hawn 'il quddiem “il-MEIP”), b'mod partikolari fir-rigward ta' (i) l-applikazzjoni f'waqtha tal-MEIP, il-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-MEIP u (ii) jekk l-analiżi tal-MEIP imwettqa mill-awtoritajiet Pollakki li twassal għal Valur Preżenti Nett (Net Present Value) (minn hawn 'il quddiem “in-NPV”) (18) pożittiv hijiex ibbażata fuq suppożizzjonijiet realistiċi u affidabbli.

It-tieni nett, jekk l-għajnuna operatorja u dik għall-investiment lill-ajruport ta' Gdynia tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

2.2.2.   L-applikazzjoni tal-MEIP

(34)

Fir-rigward tal-ewwel mistoqsija, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-istudju tal-MEIP imwettaq fl-2012, jiġifieri wara li l-azzjonisti pubbliċi ħadu d-deċiżjoni irrevokabbli li jiffinanzjaw il-konverżjoni tal-ajruport, jistax jintuża sabiex tiġi vvalutata l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha dubji dwar kemm ix-xenarju kontrofattwali, li fih l-investiment huwa preżunt bħala li ntemm fl-2012, kien xieraq.

(35)

Minħabba li l-ajruport ta' Gdynia għandu jsegwi mudell kummerċjali simili (li jiffoka fuq l-LCC, it-titjiriet charter u l-avjazzjoni ġenerali) għall-ajruport eżistenti ta' Gdańsk, li għad għandu kapaċità vakanti u aktar pjanijiet ta' espansjoni u li jinsab biss 25 km bogħod, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-previżjoni tad-dħul għall-ajruport ta' Gdynia kinitx ibbażata fuq suppożizzjonijiet realistiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-livell ta' imposti tal-ajruport u l-livell tat-traffiku tal-passiġġieri mistenni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni rrimarkat li l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju għall-ajruport ta' Gdynia kien ippreveda ħlas ogħla għall-passiġġieri minn dak applikat, wara t-tnaqqis tal-iskontijiet/ribassi, fl-ajruport ta' Gdańsk u f'ajruporti reġjonali komparabbli oħrajn fil-Polonja.

(36)

Il-Kummissjoni esprimiet dubji wkoll dwar jekk il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju kkunsidrax l-inċentivi ppjanati kollha (bħal appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni, ribassi, jew kull inċentiv ieħor għall-iżvilupp tar-rotot, eċċ.) li għandhom jingħataw direttament mill-ajruport ta' Gdynia, mill-azzjonisti tiegħu jew minn awtoritajiet reġjonali oħrajn sabiex iħeġġu lill-kumpaniji tal-ajru jistabbilixxu rotot ġodda mill-ajruport.

(37)

Billi r-rata ta' tkabbir ta' impriża ġeneralment ma tkunx ogħla minn dik tal-ekonomija fejn topera (jiġifieri f'termini ta' tkabbir tal-PDG), il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk ir-rata ta' tkabbir tal-fatturat ta' […] użata biex jiġi kkalkolat il-Valur Terminali hijiex adegwata (19). Dan id-dubju jaffettwa direttament il-valutazzjoni tal-profittabilità tal-proġett ta' investiment, billi l-valur tal-ekwità tal-ajruport il-ġdid isir pożittiv biss fid-dawl tal-valur terminali tal-proġett mill-2040 (il-flussi tal-flus skontati kumulattivi fuq il-perjodu ta' projezzjoni 2010-2040 huma negattivi).

(38)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-finanzjament pubbliku għall-proġett ta' investiment jagħti lok għal benefiċċji ekonomiċi selettivi lill-operatur tal-ajruport ta' Gdynia. Il-finanzjament pubbliku ngħata wkoll mir-riżorsi tal-Istat u huwa imputabbli lill-Istat. Barra minn hekk, dan ifixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Billi l-kriterji kumulattivi kollha għall-kunċett ta' għajnuna ġew issodisfati, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-finanzjament pubbliku kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2.2.3   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(39)

Fir-rigward tat-tieni mistoqsija, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-għajnuna operatorja u dik għall-investiment lill-operatur tal-ajruport tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

(40)

Fir-rigward tal-għajnuna għall-investiment, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk ġewx issodisfati l-kriterji ta' kompatibbiltà kollha stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 għall-għajnuna għall-investiment lill-ajruporti (20). B'mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-investiment inkwistjoni jissodisfax objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni, jekk l-infrastruttura hijiex neċessarja u proporzjonali u jekk toffrix prospetti sodisfaċenti għall-użu fuq terminu medju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-impatt fuq l-iżvilupp tal-kummerċ kienx kompatibbli mal-interess komuni.

(41)

Fir-rigward tal-għajnuna operatorja fl-għamla ta' finanzjament għat-telf operattiv ta' Gdynia-Kosakowo Airport Ltd matul l-ewwel snin tal-operat tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk tali għajnuna kinitx tikkwalifika għad-deroga stabbilita fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE. B'mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-għajnuna operatorja tistax titqies bħala kompatibbli skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-perjodu 2007-2013 (21) (minn hawn 'il quddiem “ir-RAG”).

3.   IL-KUMMENTI TAL-POLONJA

3.1.   L-applikazzjoni tal-MEIP u l-eżistenza tal-għajnuna

(42)

Il-Polonja żżomm il-pożizzjoni tagħha li l-finanzjament pubbliku tal-investiment fl-ajruport ta' Gdynia huwa konformi mal-prinċipju ta' investitur f'ekonomija tas-suq (market economy investor principle, MEIP) u għalhekk ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. F'dan ir-rigward, il-Polonja tirreferi għall-istudji dwar il-MEIP imwettqa għall-investiment fis-snin 2010-2012. Il-Polonja ssostni li l-istudji kollha dwar il-MEIP irriżultaw f'valur preżenti nett pożittiv u f'rata ta' redditu interna (22) (minn hawn 'il quddiem “l-IRR”, internal rate of return) ogħla mill-kostijiet tal-kapital.

3.1.1.   Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u s-solidità metodoloġika tal-istudju dwar il-MEIP

(43)

Il-Polonja tispjega li d-diskussjonijiet u l-ħidma fuq il-konverżjoni tal-mitjar militari ta' Gdynia/Kosakowo f'ajruport ċivili bdew lura fl-2005. F'dak iż-żmien kienu involuti msieħba oħrajn (bħall-ajruport ta' Gdańsk). Il-Polonja tispjega wkoll li fl-2007 Gdynia u Kosakowo waqqfu l-kumpanija Gdynia-Kosakowo Airport Ltd, li minn hemm 'il quddiem kienet responsabbli għall-investiment.

(44)

Matul il-proċedimenti, il-Polonja ssottomettiet tliet studji dwar il-MEIP imwettqa minn PWC. L-ewwel studju dwar il-MEIP (datat is-16 ta' Lulju 2010, minn hawn 'il quddiem “l-istudju dwar il-MEIP tal-2010”) sar f'Lulju tal-2010. Sussegwentement, PWC ipproduċiet żewġ aġġornamenti għall-MEIP: l-ewwel wieħed f'Mejju tal-2011 (datat it-13 ta' Mejju 2011, minn hawn 'il quddiem “l-istudju dwar il-MEIP tal-2011”) u t-tieni wieħed f'Lulju tal-2012 (datat it-13 ta' Lulju 2012, minn hawn 'il quddiem “l-istudju dwar il-MEIP tal-2012”). Dawn l-aġġornamenti jinkorporaw projezzjonijiet ġodda għat-traffiku tal-passiġġieri, bidliet fil-kamp ta' applikazzjoni tal-proġett, bidliet fil-figuri tal-investiment u bidliet fil-metodoloġija u l-inputs bażiċi fil-kalkoli tan-NPV (bħall-beta u r-rata ta' skont). F'Novembru tal-2013, il-Polonja pprovdiet aktar informazzjoni li tissuġġerixxi li sorsi ġodda ta' dħul (jiġifieri l-bejgħ tal-karburant u l-provvista ta' servizzi ta' navigazzjoni) itejbu n-NPV tal-proġett. Sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Polonja kienet ippreżentat biss l-istudju dwar il-MEIP tal-2012.

(45)

Il-Polonja tispjega wkoll il-qafas ta' żmien għall-proġett ta' investiment ta' Gdynia u Kosakowo fl-ajruport ta' Gdynia. F'dan ir-rigward, il-Polonja tenfasizza li l-proċess ta' investiment jista' jinqasam f'żewġ stadji ta' implimentazzjoni tal-proġett:

i.   L-ewwel stadju (2007-2009) kopra x-xogħlijiet preparatorji u l-istudji dwar il-fattibbiltà bl-iskop li jitwaqqaf l-ajruport il-ġdid (dan huwa relatat mal-Fażi 1, kif deskritt fit-Tabella 1):

(46)

Il-Polonja tispjega li matul l-ewwel fażi il-kumpanija stabbilita minn Gdynia u Kosakowo wettqet kompiti preparatorji (pereżempju t-tħejjija ta' pjan prinċipali għall-investiment, id-dokumenti neċessarji sabiex jinkiseb l-istatus ta' operatur tal-ajruport, rapport dwar l-impatt ambjentali tal-investiment, id-dokumentazzjoni tad-disinn, eċċ.).

(47)

Il-Polonja ssostni li ma kien hemm ebda investiment ta' kapital sinifikanti matul l-ewwel fażi u li l-finanzjament pubbliku mogħti lill-operatur tal-ajruport kien konformi mar-regoli dwar l-għajnuna de minimis (23). Il-Polonja ssostni li l-injezzjonijiet ta' kapital fil-kumpanija qabel is-26 ta' Ġunju 2009 kienu jammontaw għal total ta' PLN 1,691 miljun (madwar EUR 423 000).

ii.   It-tieni fażi (mill-2010 'il quddiem) kienet tikkonċerna l-konverżjoni proprja tal-ajruport (din hija relatata mal-Fażijiet II sa IV, kif deskritt fit-Tabella 1):

(48)

Il-Polonja tkompli billi tispjega li l-ewwel fażi preparatorja ġiet fi tmiemha fl-2010, meta ġew iffinalizzati kemm il-pjan prinċipali (24) kif ukoll l-ewwel studju dwar il-MEIP tal-2010 għall-ajruport ta' Gdynia. Il-Polonja tirrimarka li l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 wera li l-investiment miż-żewġ awtoritajiet lokali għandu jitwettaq fuq it-termini tas-suq (jiġifieri ma jkunx jirrappreżenta għajnuna mill-Istat), filwaqt li jżid il-kapital azzjonarju tal-kumpanija għal PLN 6,05 miljun (madwar EUR 1,5 miljun).

(49)

L-istudju dwar il-MEIP tal-2010 ikkalkola n-NPV għall-proġett ta' investiment bl-użu tal-metodu tal-fluss tal-flus disponibbli għall-impriża (free cash flow to the firm, FCFF) (25). Dan il-kalkolu tan-NPV huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-injezzjonijiet ta' kapital kollha previsti fil-pjan ta' investiment għandhom isiru sabiex jiġi implimentat il-proġett ta' investiment. Dan il-metodu ta' valutazzjoni jintuża sabiex jiġu kkalkolati l-flussi tal-flus lid-detenturi kollha tal-kapital fl-impriża (kemm id-detenturi tal-ekwità kif ukoll id-detenturi tal-bonds) fil-perjodu ta' projezzjoni. Il-projezzjonijiet tal-fluss tal-flus imbagħad jiġu skontati permezz tal-kost medju ponderat tal-kapital (weighted average cost of capital, WACC) (26) bl-għan li jinkiseb il-fluss tal-flus skontat (discounted cash flow, DCF) tal-impriża fil-perjodu ta' projezzjoni. Il-valur terminali mbagħad jiġi kkalkolat bl-użu tal-metodu ta' tkabbir perpetwu (li jassumi direzzjoni ta' tkabbir stabbli abbażi tal-FCFF mill-aktar perjodu ta' projeżżjoni riċenti). In-NPV huwa bbażat fuq is-somma tad-DCF għall-perjodu ta' projezzjoni u l-valur terminali. F'dan il-każ, l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 pprovda estimi tal-fluss tal-flus għall-perjodu 2010-2040 bl-użu ta' WACC ta' […] % (27). Bl-użu ta' dawn l-inputs, l-istudju pproduċa DCF ta' minus PLN […] miljun (EUR […] miljun) għall-perjodu 2010-2040 u valur terminali (skontat) ta' madwar PLN […] miljun (EUR […] miljun). Għaldaqstant, in-NPV tal-proġett globali huwa stmat għal PLN […] miljun (jew EUR […] miljun), dment li l-ajruport ser jiġġenera profitt stabbli perpetwu, mill-2040, b'rata ta' tkabbir ta' […] % fis-sena.

(50)

Il-Polonja żżid li fl-istess ħin, minkejja li l-istudju dwar il-MEIP wera li l-investiment ma kien jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat, l-azzjonisti kienu bdew iħejju notifika lill-Kummissjoni li kellha tiġi ppreżentata għal raġunijiet ta' ċertezza legali biss.

(51)

Il-Polonja tkompli tispjega li f'Mejju tal-2011 twettaq studju ġdid dwar il-MEIP. Il-Polonja ssostni li dan l-istudju dwar il-MEIP kien aġġornament tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010, li kien sar fid-dawl tal-progress tat-tħejjijiet u d-disponibbiltà ta' dejta aktar preċiża dwar il-pjan ta' investiment, l-iskeda ta' żmien u l-finanzjament tiegħu. Il-Polonja tispjega li fil-perjodu bejn it-tħejjija tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010 u l-istudju dwar il-MEIP tal-2011:

fil-11 ta' Marzu 2011, l-azzjonisti ffirmaw ftehim li jistipula l-kundizzjonijiet tal-finanzjament għall-investiment fit-twaqqif ta' ajruport ċivili. F'dan il-ftehim, Gdynia wegħdet li tinjetta total ta' PLN 59 miljun matul il-perjodu 20112013. Min-naħa tagħha, Kosakowo wegħdet li tipprovdi kontribuzzjoni mhux fi flus fl-għamla ta' tpartit ta' dejn ma' ekwità (kif deskritt fit-Tabella 2) matul il-perjodu 2011-2040;

dakinhar, fil-11 ta' Marzu 2011, il-kumpanija responsabbli mit-twaqqif tal-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo kkonkludiet ftehim ta' lokazzjoni ma' Kosakowo għall-art (li jispeċifika l-ambitu tal-art mikrija, il-kundizzjonijiet għall-pagamenti tal-lokazzjoni, kwistjonijiet fiskali, eċċ.);

il-kostijiet tal-investiment inklużi fil-pjan ta' investiment ġew speċifikati u aġġornati.

(52)

Il-Polonja tispjega li l-istudju dwar il-MEIP tal-2011 ipproduċa wkoll NPV pożittiv. Il-Polonja ssostni wkoll li l-azzjonisti pubbliċi tal-operatur tal-ajruport għamlu injezzjonijiet ta' kapital sussegwenti fuq din il-bażi. Il-Polonja tirrimarka li l-ekwità tal-kumpanija (il-kapital proprju) żdiedet għal PLN 33,801 miljun (EUR 8,45 miljun) f'Lulju tal-2011 u għal PLN 64,810 miljun (EUR 16,20 miljun) f'April tal-2013.

(53)

Fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011, id-DCF ġie kkalkolat abbażi tad-DCF għall-perjodu ta' projezzjoni 2011-2040. Id-DCF aġġornat kien ta' PLN (– […]) miljun (EUR […] miljun), li jissuġġerixxi telf akbar, filwaqt li l-valur terminali tnaqqas għal PLN […] miljun (madwar EUR […] miljun). Għalhekk, in-NPV tnaqqas għal PLN […] miljun (jew inqas minn EUR […] miljun). Il-WACC tnaqqas għal […] % (28) u r-rata ta' tkabbir stabbli għall-valur terminali tnaqqset minn […] % għal […] %. Dawn il-kalkoli eskludew in-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku, li jfisser li l-projezzjonijiet dwar il-profittabilità tal-investiment ma jikkunsidrawx il-kapital neċessarju sabiex tkun iffinanzjata l-parti tal-infrastruttura ddikjarata li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku.

(54)

Il-Polonja ssostni li bidla fis-sitwazzjoni makroekonomika (il-kriżi finanzjarja u t-tnaqqis fl-attività ekonomika) wasslet sabiex il-proġett jiġi vvalutat mill-ġdid fl-2012, li rriżulta fi studju ġdid dwar il-MEIP (jiġifieri l-istudju dwar il-MEIP tal-2012). Il-Polonja ssostni li l-bidliet li ġejjin fir-rigward tas-suppożizzjonijiet fl-istudji preċedenti dwar il-MEIP saru għall-finijiet tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012:

Kien hemm tnaqqis fit-tbassir tat-traffiku tal-passiġġieri għall-ajruport ta' Gdynia.

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-investiment tnaqqas, tant li l-kostijiet tal-investiment naqsu b'PLN […] miljun (EUR […] miljun).

L-idea li jinbena terminal prinċipali (flimkien mal-iżvilupp relatat tal-infrastruttura tat-toroq u l-parkeġġi għall-karozzi) ġiet abbandunata. Minflok, ġie deċiż li l-kapaċità tat-terminal tal-avjazzjoni ġenerali tiġi estiża bi […] % fit-tieni fażi tal-investiment.

Wara li ġiet ivverifikata s-sitwazzjoni fis-suq, il-kostijiet tal-investiment relatati mas-sigurtà kellhom jiżdiedu bi PLN […] miljun (EUR […] miljun).

It-tnaqqis fl-investiment wassal għal perjodu iqsar ta' rkupru tal-kost tal-investiment (f'termini nominali, b'[…] snin, minn […] snin u […] xhur għal […] snin u […] xhur).

(55)

Il-Polonja tgħid ukoll li l-metodoloġija użata għall-istudji preċedenti dwar l-MEIP ġiet immodifikata għall-finijiet tal-istudju dwar l-MEIP tal-2012:

Sabiex tkun riflessa aħjar l-istruttura tal-finanzjament u l-kost tal-ħlas tal-imgħax fuq id-dejn, il-metodu tal-fluss tal-flus disponibbli għall-impriża (minn hawn 'il quddiem “il-FCFF”) ġie sostitwit mill-metodu tal-fluss tal-flus disponibbli mal-ekwità (minn hawn 'il quddiem “il-FCFE”, free cash flow to equity(29).

Wara l-bidliet li saru fis-suq finanzjarju (tat-titoli), ir-rata tal-imgħax bla riskju u l-fattur beta ġew aġġornati. Barra minn hekk, il-kumpaniji minn barra l-Ewropa ġew eliminati mill-analiżi komparattiva. Dan irriżulta f'rata ta' skont ġdida.

Ir-rata ta' skont għall-ikkalkolar tan-NPV ġiet stabbilita abbażi ta' analiżi ta' kumpaniji komparabbli, li tkopri kemm il-kumpaniji tal-ajruport kif ukoll il-kumpaniji li jipprovdu servizzi fl-ajruporti (li r-riżultati finanzjarji tagħhom huma kkorrelati mill-qrib mar-rendiment tal-kumpaniji tal-ajruport) (30).

Kien preżunt li l-proġett għandu jiġi ffinanzjat primarjament mir-riżorsi tal-azzjonisti u mbagħad minn sorsi esterni (self ta' kapital tax-xogħol) u dħul operattiv.

(56)

Fl-istudju dwar il-MEIP tal-2012, id-DCF ġie kkalkolat abbażi tad-DCF għall-perjodu ta' projezzjoni 2012-2030 (jiġifieri l-perjodu ta' projezzjoni użat għall-istudju preċedenti tnaqqas b'10 snin). Id-DCF aġġornat kien jammonta għal PLN (– […] miljun) (madwar EUR (– […]) miljun), filwaqt li l-valur terminali għadda minn żieda sinifikanti, fejn żdied għal PLN […] miljun (EUR […] miljun). Imbagħad tnaqqas il-valur kapitalizzat tal-investimenti li kienu saru diġà (PLN […] miljun). Kif aġġornat fl-2012, in-NPV kien jammonta għal PLN […] miljun (jew EUR […] miljun). Sabiex jiġi kkalkolat in-NPV, intuża kost tal-ekwità ta' […] % (31) u r-rata ta' tkabbir stabbli għall-kalkolu tal-valur terminali kompliet titnaqqas minn […] % għal […] %.

(57)

Il-Polonja tirrimarka li r-riżultati tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012 xorta kienu pożittivi u wasslu għal aktar injezzjonijiet ta' kapital mill-azzjonisti. Il-Polonja sostniet li l-kapital tal-kumpanija żdied għal PLN 91,310 miljun (EUR 22,8 miljun) sa April tal-2013 u ma reġax inbidel fl-2013, kif spjegat fil-qosor fit-Tabella 3.

Tabella 3

Żidiet fil-kapital tal-operatur tal-ajruport ta' Gdynia minn Gdynia u Kosakowo

Data tad-deċiżjoni tad-dħul fir-Reġistru tal-Qorti Nazzjonali

Data tar-riżoluzzjoni dwar iż-żieda fil-kapital

Isem tal-azzjonist

Suġġett tar-riżoluzzjoni

Valur tal-ishma

Kapital azzjonarju

Kwota kumulattiva fiż-żidiet totali tal-kapitalli saru sa tmiem l-2013

(PLN miljun)

(PLN miljun)

28.8.2007

23.7.2007

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

0,030

0,030

0,03 %

28.8.2007

23.7.2007

Kosakowo

ħolqien ta' ishma ġodda

0,020

0,050

0,05 %

4.3.2008

6.12.2007

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

0,120

0,170

0,19 %

4.3.2008

6.12.2007

Kosakowo

ħolqien ta' ishma ġodda

0,080

0,250

0,27 %

11.9.2008

21.7.2008

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

0,500

0,750

0,82 %

28.7.2009

26.6.2009

Gdynia

404 ishma proprjetà tal-Muniċipalità ta' Gdynia ġew ikkanċellati mingħajr kunsiderazzjoni tal-azzjonist

– 0,404

0,346

0,38 %

28.7.2009

26.6.2009

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

1,345

1,691

1,85 %

8.12.2010

29.7.2010

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

4,361

6,052

6,63 %

8.7.2011

7.6.2011

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

25,970

32,022

35,07 %

1.9.2011

26.7.2011

Kosakowo

ħolqien ta' ishma ġodda

1,779

33,801

37,02 %

25.4.2012

5.4.2012

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

28,809

62,610

68,57 %

25.4.2012

5.4.2012

Kosakowo

ħolqien ta' ishma ġodda

2,200

64,810

70,98 %

27.5.2013

8.4.2013

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

4,269

69,079

75,65 %

27.5.2013

8.4.2013

Kosakowo

ħolqien ta' ishma ġodda

2,200

71,279

78,06 %

17.6.2013

25.4.2013

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

20,031

91,310

100,00 %

Sors: informazzjoni pprovduta mill-Polonja.

(58)

Fil-qosor, il-Polonja tgħid li filwaqt li l-awtoritajiet lokali ilhom sa mill-2005 li ħadu passi preliminari sabiex iwaqqfu l-ajruport ta' Gdynia, il-proġett ma ssawwarx fl-għamla finali tiegħu qabel it-tħejjija tal-pjan prinċipali u l-ewwel studju dwar il-MEIP, jiġifieri fl-2010. Il-Polonja tispjega li s-suppożizzjonijiet inizjali tal-proġett kienu sostanzjalment riveduti bħala riżultat tal-bidliet fiċ-ċirkostanzi esterni. Il-Polonja tisħaq li d-deċiżjoni finali tal-azzjonisti pubbliċi dwar l-implimentazzjoni tal-proġett u l-forma finali ttieħdet fl-2012. Il-Polonja tenfasizza wkoll li t-tliet verżjonijiet kollha tal-istudju dwar il-MEIP ikkonfermaw il-vijabbiltà tal-proġett u wrew li l-proġett seta' jitwettaq minn investitur f'ekonomija tas-suq.

(59)

Dwar ix-xenarju kontrofattwali, il-Polonja tisħaq li l-liġi nazzjonali intitolat lil Kosakowo li tuża l-art fejn jinsab l-ajruport ta' Gdynia biss biex twaqqaf ajruport ċivili ġdid. F'dan ir-rigward, il-Polonja tispjega li s-sit fejn jinsab l-ajruport inkera lil Kosakowo għal perjodu ta' 30 sena. Il-Polonja ssostni li l-ftehim ta' kiri jobbliga lil Kosakowo tikri l-art biss lil entità responsabbli mit-twaqqif u/jew mill-operat ta' ajruport ċivili. Skont il-Polonja, l-art setgħet tittieħed lura mill-Istat li kieku Kosakowo ma krietx l-art sabiex fuqha jitwaqqaf ajruport ċivili fi żmien sitt xhur, li kieku l-art intużat għal skopijiet oħrajn jew li kieku l-ajruport ma bediex l-attivitajiet tiegħu fi żmien tliet snin. Billi x-xenarju fejn l-art tal-ajruport ta' Gdynia tintuża/tinkera għal skopijiet oħrajn għajr għall-avjazzjoni ma kienx possibbli, dan ma jistax jintuża sabiex jiġi stabbilit xenarju kontrofattwali.

3.1.2.   L-affidabbiltà tas-suppożizzjonijiet ewlenin għall-istudju dwar il-MEIP tal-2012

Il-projezzjonijiet tat-traffiku u l-previżjoni tad-dħul

(60)

Il-Polonja tispjega li l-imposti tal-ajruport ippjanati kienu bbażati fuq it-tariffi disponibbli għall-pubbliku applikati minn ajruporti oħrajn bl-għan li ma jfixklux is-suq eżistenti, filwaqt li jiżguraw livell xieraq ta' profittabilità għall-proġett abbażi tal-volum tat-traffiku tal-passiġġieri pprojettat. Skont il-Polonja, l-imposti ma jvarjawx b'mod sinifikanti mill-imposti standard miġbura minn ajruporti żgħar. B'mod partikolari, żewġ ajruporti reġjonali li nfetħu dan l-aħħar, Varsavja-Modlin u Lublin, japplikaw imposti tal-ajruport standard simili għal dawk ipprojettati fl-istudju dwar il-MEIP għall-ajruport ta' Gdynia.

(61)

Bħala tweġiba għall-kumment tal-Kummissjoni li l-imposti previsti għall-ajruport ta' Gdynia (PLN 25 (EUR 6,25) fl-ewwel sentejn għal kull passiġġier li jitlaq mill-ajruport u minn hemm 'il quddiem PLN 40 (EUR 10)) huma ogħla mill-imposti skontati applikati fl-ajruport ta' Gdańsk (PLN 24, jiġifieri EUR 6) għal kull passiġġier li jitlaq mill-ajruport permezz ta' inġenju tal-ajru tat-tip LCC jekk ikun hemm is-servizz ta' rotta internazzjonali mill-inqas darbtejn fil-ġimgħa; filwaqt li għal rotta domestika, l-imposta tkun PLN 12,5 (EUR 3,1), il-Polonja tinnota li l-livell tal-imposti fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju jirrappreżenta l-medja għall-perjodu kollu ta' projezzjoni (2014-2030), u tikkunsidra l-fatt li fuq terminu ta' żmien twil, l-imposti fl-ajruport ta' Gdańsk ser ikollhom jiżdiedu hekk kif jitjiebu l-istandards tas-servizzi pprovduti fl-ajruport.

(62)

Barra minn hekk, il-Polonja tirrimarka li l-marġini ta' profitt tal-proġett, il-previżjoni riveduta (kemxejn ogħla) tat-traffiku tal-ajru u l-kondiviżjoni ta' xi kostijiet operattivi mill-militar ifissru li l-ajruport ta' Gdynia għandu jkun jista' jżomm imposti mnaqqsa għall-passiġġieri fuq perjodu itwal (l-imposti mnaqqsa jistgħu jiġu applikati sal-aħħar tal-2021), filwaqt li jżomm NPV pożittiv għall-azzjonisti pubbliċi.

(63)

Il-Polonja tisħaq ukoll li l-previżjoni aġġornata (f'Marzu tal-2013) tat-traffiku għal Pomerania tissoponi traffiku ogħla mill-istudju dwar il-MEIP tal-2012. Skont l-aħħar ċifri, l-ajruport ta' Gdynia mistenni jilqa' 1 149 978 passiġġier fl-2030, u mhux 1 083 746. Għall-Pomerania b'mod ġenerali, huwa mbassar li n-numru ta' passiġġieri ser jiżdied minn 7,8 għal 9 miljun passiġġier fl-2030.

(64)

Fil-fehma tal-Polonja, dawn iċ-ċifri jikkonfermaw il-vijabilità tal-koeżistenza u l-ħidma konġunta tal-ajruport ta' Gdańsk u tal-ajruport ta' Gdynia fis-suq tal-Pomerania. Huma jikkunsidraw li anke li kieku l-ajruport ta' Gdańsk jiġi estiż sabiex jilħaq il-kapaċità ppjanata ta' sebgħa miljun passiġġier, xorta hemm lok fis-suq tal-avjazzjoni li qiegħed jiżviluppa fil-Pomerania għal ajruport reġjonali żgħir ieħor (b'kapaċità ta' miljun passiġġier) li jkun jikkumplimenta s-servizzi pprovduti mill-ajruport ta' Gdańsk.

Tabella 4

Tqabbil tal-projezzjonijiet tat-traffiku tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012 u l-projezzjonijiet tat-traffiku aġġornati (Marzu tal-2013) għall-ajruport ta' Gdynia

Sena

Traffiku kummerċjali

Traffiku kummerċjali

Avjazzjoni ġenerali

 

Passiġġieri (000)

Operazzjonijiet ta' inġenji tal-ajru

Operazzjonijiet ta' inġenji tal-ajru

 

Abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012

Previżjoni aġġornata

Abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012

Previżjoni aġġornata

Abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012

Previżjoni aġġornata

 

Total

Total

Total

Total

Total

Total

2009

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2010

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2011

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2012

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2013

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2014

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2015

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2016

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2017

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2018

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2019

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2020

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2021

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2022

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2023

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2024

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2025

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2026

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2027

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2028

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2029

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2030

1 083 746

1 149 978

[…]

[…]

[…]

[…]

Sors: abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja.

Kostijiet operattivi (inċentivi lill-kumpaniji tal-ajru, kostijiet relatati mal-operazzjonijiet militari tal-ajruport)

(65)

Il-Polonja tispjega li l-istudju dwar il-MEIP jikkunsidra l-miżuri promozzjonali u kummerċjali tal-ajruport billi jistima:

i.

kostijiet operattivi, liema kostijiet jiġu stmati abbażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji disponibbli għall-ajruporti maġġuri kollha tal-Polonja,

ii.

kostijiet oħrajn skont it-tip, li huma previsti għall-Ajruport ta' Gdynia f'livell konservattivament għoli, filwaqt li jitqiesu wkoll il-kostijiet korrispondenti f'ajruporti oħrajn.

(66)

Il-Polonja tgħid ukoll li l-istudju dwar il-MEIP kellu bħala suppożizzjoni li l-kostijiet operattivi kien ser iġarrabhom l-investitur, u għaldaqstant ma jikkunsidra ebda kondiviżjoni tal-kostijiet operattivi mill-utent militari tal-ajruport. Il-Polonja ssostni li d-diviżjoni tal-kostijiet operattivi għall-infrastruttura kondiviża kienet preżunta li kienet […] għan-numru ta' titjiriet ċivili u militari. Il-Polonja tispjega wkoll li l-kostijiet għar-rinnovazzjoni u għat-tiswijiet ser ikunu […]. Il-Polonja tenfasizza li l-adozzjoni tar-regoli dwar l-użu kondiviż tal-ajruport (li għadhom ma ġewx maqbula b'mod formali mal-utent militari tal-ajruport) ser twassal għal tnaqqis ta' mill-inqas […] fil-kostijiet relatati ma' pagi u servizzi ta' partijiet terzi. Skont il-Polonja, l-inklużjoni ta' dan il-fattur fl-istudji dwar il-MEIP kienet twassal għal profittabilità pprojettata ogħla tal-proġett.

Rata ta' tkabbir fuq terminu twil

(67)

Il-Polonja tispjega li r-rata ta' tkabbir ta' […] % adottata fl-istudju dwar il-MEIP tirreferi għall-valur terminali f'termini nominali.

(68)

Il-Polonja ssostni wkoll li r-rata ta' tkabbir ta' […] % hija ugwali għall-mira tal-inflazzjoni stabbilita għall-Polonja mill-Kunsill tal-Politika Monetarja (entità li tieħu d-deċiżjonijiet fi ħdan il-Bank Nazzjonali tal-Polonja). Il-Polonja tinnota li skont l-aħħar previżjoni mill-Fond Monetarju Internazzjonali ta' Lulju tal-2013, il-PDG tal-Polonja ser jikber bir-rata ta' 2,2 % fl-2014, 3 % fl-2015, 3,3 % fl-2017 u 3,8 % fl-2018.

L-aġġornament ta' Novembru tal-2013

(69)

F'Novembru tal-2013, il-Polonja rrapportat li l-operatur tal-ajruport kien irċieva d-deċiżjonijiet amministrattivi mill-Uffiċċju Doganali u mill-Uffiċċju Regolatorju tal-Enerġija li jawtorizzawh sabiex ibigħ il-karburant lill-inġenji tal-ajru direttament. Il-bejgħ tal-karburanti mill-operatur tal-ajruport huwa sors ta' dħul addizzjonali u jtejjeb ir-riżultati finanzjarji tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju.

(70)

Skont il-Polonja, l-istudji kollha dwar il-MEIP imwettqa sa issa pprevedew għall-bejgħ tal-karburanti permezz ta' operatur estern. Il-bejgħ tal-karburanti mill-operatur tal-ajruport għandu jżid il-marġini ta' profitt tal-kumpanija f'din l-attività minn PLN […] (EUR […]) għal kull litru (fejn il-karburant jinbiegħ minn operatur estern) għal PLN […] (EUR […]) (fejn il-karburant jinbiegħ direttament mill-operatur tal-ajruport).

(71)

Fil-fehma tal-Polonja, dan id-dħul addizzjonali għandu jtejjeb ir-riżultat tal-aġġornament tal-MEI tal-2012. Il-Polonja tirrimarka li b'hekk huwa mistenni li n-NPV għall-proġett jiżdied minn PLN […] miljun (EUR […] miljun) għal PLN […] miljun (EUR […] miljun). Il-Polonja tispjega wkoll li l-IRR imbagħad tiżdied minn […] % għal […] %.

(72)

Il-Polonja ssostni li, min-naħa l-oħra, id-dħul addizzjonali jippermetti mbagħad li fuq terminu twil, l-imposti tal-ajruport jinżammu baxxi għall-kumpaniji tal-ajru.

(73)

Il-Polonja kkonfermat li approċċ prudenzjali wassal biex il-bejgħ dirett tal-karburant lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru ma jkunx kopert mill-istudji dwar il-MEIP. Fiż-żmien meta saru dawn l-istudji, l-operatur tal-ajruport ma kellux l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa jew xi garanzija li jkun jista' jiksibhom.

(74)

Barra minn hekk, il-Polonja qalet li l-kumpanija beħsiebha tipprovdi servizzi ta' navigazzjoni lill-kumpaniji tal-ajru (minflok l-Aġenzija Pollakka għas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru). Il-Polonja tirrimarka li dan ikun jippermetti li titnaqqas it-tariffa tat-terminal imħallsa mill-kumpaniji tal-ajru (li bħalissa titħallas lill-Aġenzija) u b'hekk l-ajruport ta' Gdynia jsir aktar attraenti għall-kumpaniji tal-ajru. Għaldaqstant, l-operatur tal-ajruport ikun jista' joffri lill-kumpaniji tal-ajru imposti tal-ajruport aktar kompetittivi mill-ajruporti tal-viċinat.

3.2.   Valutazzjoni tal-kompatibbiltà

3.2.1.   Għajnuna għall-investiment

(75)

Skont il-Polonja, il-kriterji tal-kompatibbiltà kollha stipulati fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 għall-għajnuna ta' investiment lill-ajruporti ġew issodisfati.

L-issodisfar ta' objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni

(76)

Il-Polonja ssostni li t-twaqqif tal-ajruport ta' Gdynia, bħala element tas-sistema tat-trasport tal-Pomerania, itejjeb l-użu tal-infrastruttura disponibbli u jħalli impatt pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali, notevolment permezz ta' żieda fl-impjiegi fl-ajruport, id-dħul mill-katina tal-provvista fis-suq tal-avjazzjoni u l-iżvilupp tat-turiżmu.

(77)

Il-Polonja tirreferi għall-“Istrateġija dwar l-iżvilupp tat-trasport reġjonali fil-Pomerania għall-perjodu 20072020”, li hija bbażata fuq il-previżjonijiet tat-traffiku tal-ajru għar-reġjun u li tirrikonoxxi l-ħtieġa li jinbena ċentru ta' ajruporti li jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni taż-żona tat-Tricity (32).

(78)

Skont il-Polonja, l-argumenti ewlenin għall-bini ta' ċentru ta' ajruporti fiż-żona tat-Tricity huma: iż-żieda tat-traffiku tal-ajru fil-Polonja, in-nuqqas ta' kamp ta' applikazzjoni għaż-żieda tal-kapaċità tal-ajruport ta' Gdańsk u l-estensjoni tal-agglomerazzjoni fuq distanza ta' kważi 60 km (jew aktar minn 100 km jekk jiġu inklużi l-bliet ta' Tczew u Wejherowo). Il-Polonja tisħaq li għalkemm l-ajruport ta' Gdańsk bħalissa għandu kapaċità ta' madwar ħames miljun passiġġier, xi previżjonijiet tat-traffiku tal-ajru qegħdin jipproġettaw li t-traffiku tal-passiġġieri potenzjali f'dak l-ajruport jista' jaqbeż is-sitt miljun passiġġier fl-2035. Minn naħa waħda, il-Polonja sostniet fil-kummenti tagħha li r-restrizzjonijiet ambjentali u l-iżviluppi residenzjali fil-viċinanza tal-ajruport ta' Gdańsk jillimitaw il-prospetti għall-espansjoni ulterjuri tiegħu. Min-naħa l-oħra, fil-kummenti tagħha tas-6 ta' Diċembru 2012, il-Polonja invokat il-pjan prinċipali tal-ajruport ta' Gdańsk sabiex targumenta li ma hemm ebda restrizzjoni fir-rigward tal-espansjoni tal-ajruport ta' Gdańsk.

(79)

Il-Polonja tgħid li s-sigurtà fl-ajru tirrikjedi wkoll il-bini ta' ċentru ta' ajruporti fiż-żona tat-Tricity, bl-ajruport ta' Gdynia jservi bħala ajruport ta' riserva f'każ ta' emerġenza (l-inżul fl-ajruport ta' Gdynia huwa possibbli f'madwar 80 % tal-każijiet meta s-sħab u l-viżibilità ma jippermettux li jsir inżul fl-ajruport ta' Gdańsk).

(80)

Fl-aħħar nett, il-Polonja ssostni li l-iżvilupp tal-ajruport ta' Gdynia jikkorrispondi għall-objettivi tad-dokumenti ta' strateġija reġjonali u nazzjonali li jikkonċernaw l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-avjazzjoni fil-Polonja. Il-Polonja tispjega li l-iżvilupp tal-ajruport ta' Gdynia mistenni jkollu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tal-Pomerania u l-użu tal-infrastruttura militari eżistenti, kif ukoll li huwa kumplimentari għall-ajruport ta' Gdańsk.

In-neċessità u l-proporzjonalità tal-infrastruttura

(81)

Il-Polonja tisħaq li l-infrastruttura hija neċessarjaa u proporzjonali għall-objettiv stabbilit minħabba l-iskala żgħira tal-operazzjonijiet tal-ajruport (kwota ta' 1.55 % tas-suq tal-avjazzjoni Pollakk fl-2030), il-previżjonijiet għall-volumi tat-traffiku tal-passiġġieri li jaqbżu l-kapaċità tal-espansjoni tal-ajruport ta' Gdańsk, l-attrazzjoni tar-reġjun għat-turiżmu u r-rata għolja ta' żvilupp ipprojettata għall-Pomerania.

(82)

Il-Polonja tagħmel enfasi fuq ir-rwol strateġiku tal-mitjar militari ta' Gdynia fir-reġjun u tinnota li l-użu tal-infrastruttura eżistenti jnaqqas il-kostijiet ta' investiment u jimmassimizza l-impatt pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali.

(83)

Il-Polonja tirrimarka wkoll li l-kostijiet inżammew baxxi kemm jista' jkun u l-effettività tal-investiment żdiedet permezz tal-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet tekniċi bħal, pereżempju, il-kostruzzjoni ta' terminal tal-avjazzjoni ġenerali għat-traffiku tal-passiġġieri u tal-avjazzjoni ġenerali, li jilqa' fih il-maġġoranza tas-servizzi pprovduti fl-ajruport (il-gwardji tal-fruntieri, l-uffiċċji doganali, il-pulizija, il-pumpiera, l-amministrazzjoni) f'bini wieħed u l-adattament ta' binjiet eżistenti oħrajn sabiex isir l-aħjar użu minnhom. Barra minn hekk, il-kostijiet operattivi tal-infrastruttura ser jinqasmu mal-armata.

Prospetti għall-użu fuq terminu medju sodisfaċenti

(84)

Il-Polonja tirrimarka li l-prospetti għall-użu fuq terminu medju għall-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo huma sodisfaċenti, bis-saħħa tat-tkabbir tal-PDG fil-Pomerania, li mistenni jaqbeż il-medja għall-Polonja u l-UE, l-attrazzjoni tar-reġjun għat-turisti, l-istatus tiegħu bħala ċentru ta' investiment barrani u l-previżjoni tat-tkabbir fit-traffiku tal-ajru.

(85)

Il-Polonja tenfasizza li l-kollaborazzjoni ppjanata mal-ajruport ta' Gdańsk u l-kumplimentarjetà tas-servizzi offruti miż-żewġ ajruporti (l-ajruport ta' Gdynia ser ikun iddedikat primarjament għat-traffiku tal-avjazzjoni ġenerali) ikomplu jsaħħu l-prospetti fuq terminu medju u twil għall-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo.

(86)

Il-Polonja tkompli tispjega li l-ajruport qiegħed jippjana wkoll li jiżviluppa attivitajiet speċjalizzati relatati mal-avjazzjoni fiż-żona tal-ajruport, bħall-produzzjoni ta' service parts sempliċi, it-tiswija tal-parts tal-inġenji tal-ajru jew il-produzzjoni ta' komponenti/prodotti oħrajn fornuti fil-mument meta jkun meħtieġ (“just-in-time”).

(87)

Il-Polonja tirreferi għal ittra ta' intenzjoni ffirmata minn bank kummerċjali u li tesprimi r-rieda tal-bank li jibda taħditiet dwar il-finanzjament tal-investiment fl-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo bħala prova oħra tal-attrazzjoni tal-proġett.

L-impatt fuq l-iżvilupp tal-kummerċ li jmur kontra l-interess komuni

(88)

Billi l-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo għandu jkun ajruport bi kwota żgħira tas-suq (li jservi inqas minn miljun passiġġier fis-sena), il-Polonja ma tqisx li l-impatt tal-proġett fuq il-kummerċ imur kontra l-interess komuni. Fid-dawl tat-tkabbir ipprojettat fit-traffiku tal-ajru, il-Polonja qiegħda tistenna li l-ajruporti ta' Gdańsk u Gdynia jifformaw ċentru tal-avjazzjoni kooperattiv li jservi liż-żona tat-Tricity fil-Pomerania u joffri servizzi kumplimentari.

(89)

Il-Polonja tenfasizza li l-ajruport ta' Gdynia mhuwiex ser ikun kompetitur għall-ajruport ta' Gdańsk, minħabba li ser jiffoka fuq il-provvista ta' servizzi għas-settur tal-avjazzjoni ġenerali (servizzi ta' manutenzjoni, tiswija u rikostruzzjoni, akkademja tat-titjir) u jikkoopera mal-port marittimu ta' Gdynia.

(90)

Il-Polonja ssostni wkoll li t-traffiku tat-titjiriet charter u bi prezzijiet baxxi fl-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo mhuwiex ser ikun għas-spejjeż tal-ajruport ta' Gdańsk, iżda ser jirriżulta minn żieda globali fil-ġid u fill-mobilità. Il-Polonja tirrimarka li r-rata li biha qiegħed jikber l-ajruport ta' Gdańsk u n-natura tal-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru li jilqa' jfissru li n-numru ta' titjiriet li qiegħed jilqa' xi darba jew oħra ser ikollu jiġi limitat. Il-Polonja issostni li dawn il-konklużjonijiet huma ppreżentati fir-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali fuq il-proġett “L-espansjoni tal-Ajruport Lech Wałęsa Gdańsk”.

(91)

Il-Polonja tispjega li l-investiment fl-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo jista' jillimita l-kostijiet soċjali u finanzjarji ta' kull restrizzjoni fuq l-attività fl-ajruport ta' Gdańsk. Il-Polonja tirrimarka li ċ-ċaqliq ta' ċertu ammont ta' traffiku tal-ajru mill-ajruport ta' Gdańsk għall-ajruport ta' Gdynia ser jirriżulta f'użu aħjar tal-kapaċità fiż-żewġ ajruporti.

In-neċessità tal-għajnuna u l-effett ta' inċentiv

(92)

Il-Polonja ssostni li l-kumpanija ma kinitx twettaq il-proġett mingħajr finanzjament pubbliku. Il-Polonja tinnota li l-għajnuna nżammet għal minimu u li l-kostijiet tal-proġett tnaqqsu u tjiebu bl-użu tal-infrastruttura militari eżistenti.

(93)

Fil-fehma tal-Polonja, l-injezzjonijiet ta' kapital fl-ajruport ta' Gdynia huma neċessarji u limitati għal minimu, kif ikkonfermat minn:

i.

ir-rata ta' redditu interna tal-proġett ta' […] %, ftit biss ogħla mir-rata ta' skont (il-kost tal-ekwità), li hija ta' […] % (ibbażata fuq l-istudju dwar il-MEIP tal-2012);

ii.

il-ħtieġa, prevista fil-projezzjonijiet finanzjarji, li jittieħed self ta' kapital tax-xogħol sabiex jiffinanzja l-operazzjonijiet tal-ajruport, minħabba li nkella Gdynia-Kosakowo Airport Ltd tista' titlef il-likwidità;

iii.

il-fatt li l-finanzjament totali mill-kapital tal-ekwità huwa aktar baxx min-nefqa kapitali totali (il-finanzjament mill-kapital tal-ekwità jammonta għal inqas minn […] tal-kostijiet totali fi flus fil-perjodu ta' projezzjoni, inkluża n-nefqa kapitali totali).

(94)

Il-Polonja tkompli tispjega l-proporzjonalità tal-miżura ta' għajnuna, billi tqabbel il-finanzjament pubbliku tagħha (madwar PLN 148 f'termini reali) ma' dak ta' investiment ġdid (l-Ajruport Lublin-Świdnik, li l-kostijiet netti tal-kostruzzjoni tiegħu kienu ta' madwar PLN 420 miljun) u investiment ibbażat fuq mitjar militari (l-Ajruport Warsaw-Modlin, li l-kostruzzjoni tiegħu sa issa ġiet tiswa kważi PLN 454 miljun).

3.2.2.   L-għajnuna operatorja

(95)

Il-Polonja ssostni li l-proġett jissodisfa l-kriterji tal-kompatibbiltà stipulati fir-RAG għall-għajnuna operatorja f'reġjun kopert mill-Artikolu 107(3)(a) TFUE. Fil-fehma tal-Polonja, l-għajnuna operatorja għall-proġett:

i.

hija maħsuba biex tiffinanzja sett predefinit ta' nfiq;

ii.

hija limitata għal minimu neċessarju u tingħata fuq bażi temporanja (l-għajnuna għall-kostijiet operattivi tingħata sal-limitu u għall-perjodu neċessarju sabiex l-ajruport jibda jopera, jiġifieri sal-aħħar tal-2018);

iii.

hija digressiva u tonqos minn […] % tan-nefqa kapitali fl-2013 għal […] % fl-2018;

iv.

hija mfassla sabiex tissodisfa l-miri tal-proġett fir-rigward tal-iżvilupp reġjonali u t-tnaqqis tal-limitazzjonijiet eżistenti. Wara li kkunsidrat l-ammont tal-għajnuna fir-rigward tal-effetti ta' benefiċċju tagħha fuq l-iżvilupp tal-Pomerania, il-Polonja ssostni li din l-għajnuna għandha titqies bħala waħda proporzjonali.

(96)

Il-Polonja tenfasizza wkoll li l-għajnuna hija intiża għal ajruport żgħir b'kapaċità massima ta' miljun passiġġier fis-sena, li jfisser li r-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jkollu effett li jmur kontra l-interess komuni huwa minimu, speċjalment fid-dawl tal-kooperazzjoni ppjanata bejn l-ajruporti ta' Gdynia u Gdańsk u l-kumplimentarjetà tal-kooperazzjoni tagħhom.

(97)

Il-Polonja tirrimarka wkoll li l-kooperazzjoni li qiegħda tiġi nnegozjata bħalissa mal-utent militari tal-ajruport u l-parteċipazzjoni ta' dan tal-aħħar fil-kostijiet operattivi tal-ajruport ser inaqqsu t-telf u l-kostijiet operattivi tal-kumpanija.

4.   OSSERVAZZJONIJIET MINN PARTIJIET TERZI

(98)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda osservazzjoni minn partijiet interessati wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-finanzjament mogħti lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd minn Gdynia u Kosakowo.

5.   VALUTAZZJONI

5.1.   L-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat

(99)

L-Artikolu 107(1) TFUE jistipula li “kull għajnuna, ta' kull forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(100)

Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jeħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin. L-appoġġ finanzjarju jrid:

jingħata mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat;

jiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti;

ifixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni; u

jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.1.1.   L-attività ekonomika u l-kunċett ta' impriża

(101)

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tistabbilixxi jekk Gdynia-Kosakowo Airport Ltd hijiex impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-kunċett ta' impriża jkopri kull entità involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u l-mod li bih tiġi ffinanzjata (33). Kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta' prodotti jew servizzi f'suq partikolari hija attività ekonomika (34).

(102)

Fis-sentenza tagħha dwar “l-ajruport ta' Leipzig-Halle”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-operat ta' ajruport għal skop kummerċjali u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-ajruport jikkostitwixxu attività ekonomika (35). Ladarba operatur ta' ajruport jipparteċipa f'attivitajiet ekonomiċi billi joffri servizzi ta' ajruport bi ħlas, irrispettivament mill-istatus legali tiegħu jew il-mod li bih jiġi ffinanzjat, dan jikkostitwixxi impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, għaldaqstant, ir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu kapaċi japplikaw għall-vantaġġi mogħtija mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat lil dak l-operatur tal-ajruport (36).

(103)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-infrastruttura li hija s-suġġett tad-deċiżjoni preżenti għandha titħaddem fuq bażi kummerċjali mill-operatur tal-ajruport Gdynia-Kosakowo Airport Ltd. Billi l-operatur tal-ajruport ser ikun qiegħed jitlob ħlas mingħand l-utenti għall-użu ta' din l-infrastruttura, din tal-aħħar trid titqies bħala kummerċjalment sfruttabbli. Dan għalhekk ifisser li l-entità li tisfrutta din l-infrastruttura tikkostitwixxi impriża għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(104)

Madankollu, mhux l-attivitajiet kollha ta' operatur ta' ajruport huma neċessarjament ta' natura ekonomika (37). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kompiti li normalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat abbażi tas-setgħa sovrana tiegħu mhumiex ta' natura ekonomika u ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F'ajruport, attivitajiet bħall-kontroll tat-traffiku, il-pulizija, id-dwana, it-tifi tan-nar, l-attivitajiet neċessarji għall-protezzjoni tal-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' interferenza illegali u l-investimenti relatati mal-infrastruttura u t-tagħmir meħtieġa għat-twettiq ta' dawn l-attivitajiet jitqiesu b'mod ġenerali bħala li huma ta' natura mhux ekonomika (38). Minkejja li l-finanzjament pubbliku ta' tali attivitajiet mhux ekonomiċi ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, irid ikun strettament limitat għall-kumpens għall-kostijiet derivanti minn dawn l-attivitajiet, u ma jistax jintuża biex ikopri kostijiet assoċjati ma' attività ekonomika ta' tip ieħor (39).

(105)

Tabilħaqq, skont il-ġurisprudenza stabbilita jeżisti vantaġġ meta l-awtoritajiet pubbliċi jeħilsu lill-impriżi mill-kostijiet inerenti għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. (40) Għaldaqstant, jekk sistema ġuridika normalment tirrikjedi li l-operaturi tal-ajruporti jġarrbu l-kostijiet ta' ċerti servizzi, allura l-operaturi tal-ajruporti li ma għandhomx għalfejn iġarrbu dawk il-kostijiet għandhom imnejn ikunu vvantaġġati, anke jekk dawk is-servizzi minnhom infushom jitqiesu bħala mhux ekonomiċi. Għalhekk, huwa neċessarju li ssir analiżi tal-qafas ġuridiku applikabbli għal operatur tal-ajruport sabiex jiġi vvalutat jekk, skont dak il-qafas ġuridiku, il-operaturi tal-ajruporti humiex obbligati li jġarrbu l-kostijiet tal-forniment ta' xi attivitajiet li minnhom infushom jaf ma jkunux ekonomiċi, iżda li jkunu inerenti għall-ippożizzjonar tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

(106)

Il-Kummissjoni tinnota li fid-deċiżjoni tal-ftuħ tat-2 ta' Lulju 2013, ma kinitx ivvalutat jekk il-liġi Pollakka tirrikjedix lill-operaturi tal-ajruporti li jġarrbu l-kostijiet tas-servizzi li ġew iddikjarati bħala servizzi ta' natura mhux ekonomika. Din id-Deċiżjoni tistqarr biċ-ċar li l-investiment fil-bini u fit-tagħmir li jintuża għall-pumpiera, għad-dwana, għall-gwardji tas-sigurtà fl-ajruporti, għall-pulizija u l-gwardji tal-fruntieri kien jaqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku u għaldaqstant ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (41). Kif spjegat fil-premessa 18, il-Kummissjoni tikkunsidra li, f'dawn iċ-ċirkostanzi partikolari, ma għandhiex tikkontesta din il-konklużjoni fid-deċiżjoni finali tagħha.

(107)

L-ammont ta' PLN […] miljun (EUR […] miljun) imsemmi fid-deċiżjoni tal-ftuħ għall-kostijiet ta' investiment fil-bini u fit-tagħmir li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku jikkonċerna l-istudju dwar il-MEIP tal-2012. Skont l-istudju dwar il-MEIP tal-2012, il-kostijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku jammontaw għal PLN […] miljun (EUR […] miljun) (42), u l-istudju dwar il-MEIP tal-2011 jirreferi għall-ammont ta' PLN […] miljun (EUR […] miljun) (43).

(108)

Għalhekk, fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, meta l-Kummissjoni tiġi biex tivvaluta l-istudji dwar il-MEIP tal-2010 u tal-2011, ser teskludi dik il-parti tal-investiment li għandha x'taqsam ma' attivitajiet iddikjarati li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku. Minbarra dan, ġaladarba l-finanzjament ta' din il-parti tal-investimenti mhuwiex ikkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni mhijiex ser tordna l-irkupru tiegħu.

5.1.2.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat

(109)

Il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat japplika għal kull vantaġġ mogħti permezz ta' riżorsi tal-Istat mill-Istat innifsu jew minn kull korp intermedjarju li jaġixxi permezz tas-setgħat mogħtija lilu (44). Għall-finijiet tal-Artikolu 107 TFUE, ir-riżorsi tal-awtoritajiet lokali huma riżorsi tal-Istat (45). Fil-każ preżenti, il-kapital injettat fi Gdynia-Kosakowo Airport Ltd jiġi mill-baġits ta' żewġ awtoritajiet lokali, jiġifieri Gdynia u Kosakowo. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-riżorsi taż-żewġ muniċipalitajiet involuti huma riżorsi tal-Istat.

(110)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa irrilevanti jekk il-miżura jkollhiex l-għamla ta' għotja finanzjarja diretta (kontribuzzjoni fi flus kontanti ta' Gdynia u Kosakowo) jew ta' tpartit ta' parti mid-dejn tal-operatur tal-ajruport lil wieħed mill-azzjonisti pubbliċi tiegħu (il-kera dovuta lil Kosakowo) ma' ekwità. Id-dħul mill-kera huwa parti mir-riżorsi finanzjarji ta' Kosakowo u għaldaqstant jikkostitwixxi riżorsi tal-Istat.

(111)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kapital injettat f'Gdynia-Kosakowo Airport Ltd huwa ffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat u imputabbli għall-Istat.

5.1.3.   Vantaġġ ekonomiku

5.1.3.1.   Il-Konklużjoni

(112)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Polonja qiegħda ssostni, minn naħa waħda, li l-injezzjonijiet ta' kapital huma konformi mal-MEIP, filwaqt li, min-naħa l-oħra, tikkunsidra l-għajnuna bħala kompatibbli, minħabba li l-operatur tal-ajruport ma seta' jagħmel ebda investiment mingħajr il-finanzjament pubbliku.

(113)

Sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżura inkwistjoni f'dan il-każ tagħtix lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd vantaġġ li ma kinitx tirċievi taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, il-Kummissjoni trid tqabbel l-imġiba tal-azzjonisti pubbliċi tal-operatur tal-ajruport ma' dik ta' investitur f'ekonomija tas-suq iggwidat minn prospetti ta' profittabilità fuq terminu itwal (46).

(114)

Kull riperkussjoni pożittiva fuq l-ekonomija tar-reġjun fejn jinsab l-ajruport għandha tiġi injorata fil-valutazzjoni, minħabba li l-Qorti spjegat li l-mistoqsija rilevanti li trid issir meta jiġi applikat l-istudju dwar il-MEIP hija “jekk f'ċirkostanzi simili, azzjonist privat, wara li jkun ikkunsidra l-prevedibbiltà li jikseb ritorn u wara li jkun warrab kull kunsiderazzjoni ta' natura soċjali, ta' politika reġjonali u settorjali, ikunx lest li jissottoskrivi l-kapital inkwistjoni” (47).

(115)

Il-Polonja ssostni li l-miżuri kkonċernati ma jagħtux vantaġġ ekonomiku lill-ajruport ta' Gdynia, minħabba li huma konformi mal-MEIP. Kif deskritt fit-Taqsima 3.1, bl-għan li tappoġġja dan, il-Polonja ppreżentat ir-riżultati tal-istudji dwar il-MEIP imwettqa minn PWC (48). F'Novembru tal-2013, il-Polonja pprovdiet aktar informazzjoni li tissuġġerixxi li sorsi ġodda ta' dħul (jiġifieri l-bejgħ tal-karburant u s-servizzi ta' navigazzjoni) itejbu n-NPV tal-proġett. Fil-waqt tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Polonja kienet ippreżentat biss l-istudju dwar il-MEIP tal-2012.

(116)

Minkejja l-fatt li l-ftehim tal-azzjonisti tal-2011 rabat lil Gdynia u Kosakowo li jipprovdu kontribuzzjonijiet fi flus kif ukoll mhux fi flus sabiex jiffinanzjaw il-proġett ta' investiment sal-2040, il-Polonja tisħaq li huma biss l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 u l-aħħar informazzjoni dwar il-flussi tad-dħul addizzjonali li huma rilevanti meta jiġi vvalutat jekk l-injezzjonijiet ta' kapital humiex kompatibbli mas-suq intern.

(117)

Hawn taħt, il-Kummissjoni l-ewwel ser tikkunsidra l-argument tal-awtoritajiet Pollakki li jgħid li l-mistoqsija dwar jekk l-operatur tal-ajruport kienx ivvantaġġat għandha tiġi vvalutata abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012 u informazzjoni li ġiet wara dan, u għaldaqstant, mhux abbażi tal-istudji dwar il-MEIP tal-2010 u tal-2011 (it-Taqsima 5.1.3.2). Imbagħad il-Kummissjoni ser tivvaluta jekk il-MEIP huwiex issodisfat abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010 (it-Taqsima 5.1.3.3), tal-2011 u tal-2012 (it-Taqsima 5.1.3.4) rispettivament.

5.1.3.2.   Ir-rilevanza tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010 għall-valutazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku

(118)

Fil-Kawża Stardust Marine, il-Qorti ddikjarat li, “[…] sabiex ikun eżaminat jekk l-Istat ikunx adotta jew le l-imġiba ta' investitur prudenti li jopera f'ekonomija tas-suq, jeħtieġ li wieħed iqiegħed lilu nnifsu fil-kuntest tal-perjodu li matulu jkunu ttieħdu l-miżuri ta' appoġġ finanzjarju, sabiex jivvaluta r-razzjonalità ekonomika tal-imġiba tal-Istat u, b'hekk, joqgħod lura milli jagħmel xi valutazzjoni msejsa fuq sitwazzjoni sussegwenti” (49).

(119)

Barra minn hekk, fil-Kawża EDF, il-Qorti ddeċidiet li, “[…] għall-finijiet li jintwera li, qabel jew fl-istess ħin li jagħti l-vantaġġ, l-Istat Membru ħa dik id-deċiżjoni bħala azzjonista, mhuwiex biżżejjed li jintużaw evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara li jkun ingħata l-vantaġġ, fuq is-sejba retrospettiva li l-investiment magħmul mill-Istat Membru kkonċernat kien tabilħaqq profittabbli, jew fuq ġustifikazzjonijiet sussegwenti tal-pjan ta' azzjoni tabilħaqq magħżul” (50).

(120)

Sabiex tkun tista' tapplika l-MEIP, il-Kummissjoni għandha tqiegħed lilha nnifisha fil-kuntest tal-perjodu li matulu jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet individwali li jikkonċernaw il-konverżjoni tal-mitjar militari preċedenti f'ajruport ċivili. Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni u s-suppożizzjonijiet disponibbli għall-azzjonisti pubbliċi fiż-żmien meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tirrigwarda l-arranġamenti finanzjarji tal-proġett ta' investiment.

(121)

Il-Kummissjoni tqis l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 bħala l-aktar wieħed rilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk il-muniċipalitajiet ta' Gdynia u Kosakowo aġixxewx bħala investitur privat. Tabilħaqq, il-valutazzjoni ta' jekk l-intervent tal-Istat huwiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq għandha titwettaq abbażi ta' analiżi ex-ante, billi jiġu kkunsidrati l-informazzjoni u d-dejta disponibbli fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-investiment.

(122)

Il-Kummissjoni tosserva li sa qabel l-2010 kienu twettqu biss studji u xogħlijiet preparatorji għall-proġett ta' investiment inkwistjoni. Dawn kienu jinkludu l-pjan prinċipali għall-proġett ta' investiment, ir-rapport ambjentali, id-dokumentazzjoni tad-disinn għat-terminal tal-avjazzjoni ġenerali, id-dokumentazzjoni tad-disinn għall-bini tal-amministrazzjoni u l-bini tal-pumpiera, id-dokumenti speċjalizzati dwar l-avjazzjoni u studji oħrajn. Sa tmiem l-2010, il-kost ta' dawn l-istudji kien ta' PLN […] miljun (EUR […]) (51).

(123)

Barra minn hekk, kif tiddikjara l-Polonja, fl-2010, l-azzjonisti pubbliċi tal-operatur tal-ajruport iffinalizzaw it-tħejjijiet għall-proġett ta' investiment inkwistjoni. Fl-istess sena, l-azzjonisti pubbliċi żiedu l-kapital azzjonarju tal-kumpanija għal PLN 6,05 miljun (madwar EUR 1,5 miljun) bl-għan li jimplimentaw il-proġett ta' investiment. L-investimenti ewlenin fl-assi fissi (bħall-kostruzzjoni tat-terminal tal-avjazzjoni ġenerali) kienu ppjanati li jibdew fl-2011, iżda fil-fatt bdew fl-2012. Il-Kummissjoni temmen li kull investitur privat seta' jivvaluta l-profittabilità mistennija tal-proġett f'dak il-mument. Li kieku l-pjan ta' investiment ma weriex rata ta' redditu aċċettabbli jew li kieku kien ibbażat fuq suppożizzjonijiet dubjużi, investitur privat ma kienx ikun jista' jibda jimplimenta l-pjan u ma kienx jonfoq aktar flus fuqu, minbarra l-flus li kien diġà nefaq fuq ix-xogħlijiet preparatorji msemmija fil-premessa 122. Fir-rigward tal-injezzjonijiet ta' kapital, il-Kummissjoni tinnota li l-ewwel injezzjoni ta' kapital importanti ta' PLN 4,4 miljun ġiet deċiża fid-29 ta' Lulju 2010 (li żiedet bi kważi erba' darbiet il-kapital eżistenti ta' PLN 1,7 miljun), eżatt wara li ġie ffinalizzat l-istudju dwar il-MEIP 2010 fis-16 ta' Lulju 2010. Minbarra dan, il-ftehim tal-azzjonisti dwar iż-żidiet ulterjuri tal-kapital azzjonarju tal-kumpanija sal-2040 (kif jissemma fil-premessa 28) ġie ffirmat fil-11 ta' Marzu 2011 (52) (jiġifieri qabel l-iffinalizzar tat-tieni studju dwar il-MEIP fit-13 ta' Mejju 2011). Barra minn hekk, il-ftehim operattiv mal-utent militari tal-art tal-ajruport u l-ftehim ta' lokazzjoni tal-istess art (kif imsemmi fil-premessa 27) ġew konklużi fl-istess waqt, fis-7 u fil-11 ta' Marzu 2011 rispettivament. Fid-9 ta' Settembru 2010, ftit tax-xhur wara l-istudju dwar il-MEIP tal-2010, Kosakowo kkonkludiet ukoll ftehim ta' kiri mat-Teżor tal-Istat dwar l-art li fuqha jinsab il-mitjar militari (ara l-premessa 26). Dik l-art setgħet tintuża biss sabiex jitwaqqaf ajruport ċivili ġdid (ara l-premessi 25 u 59).

(124)

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-Polonja kkonfermat (53) li d-deċiżjoni dwar l-injezzjoni ta' kapital meħuda fid-29 ta' Lulju 2010 kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni ekonomika tal-proġett inkluża fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010. Għaldaqstant, jidher biċ-ċar li f'dan l-istadju, l-azzjonisti pubbliċi kienu impenjaw ruħhom b'mod inekwivoku għall-proġett ta' investiment inkwistjoni, li kellu jieħu 30 sena biex jiġi implimentat u kien soġġett għall-penali kuntrattwali għan-nuqqas ta' twettiq tal-obbligi sakemm jitlesta f'Settembru tal-2040, kif stipulat fil-ftehim tal-azzjonisti (msemmi fil-premessa 28).

(125)

Sakemm sar l-ewwel aġġornament tal-MEIP fl-2011, l-azzjonisti pubbliċi kienu diġà injettaw PLN 6,05 miljun fil-kumpanija (ara t-Tabella 3). Minbarra dan, sakemm ġie ffinalizzat it-tieni aġġornament tal-istudju dwar il-MEIP f'Lulju tal-2012, l-azzjonisti pubbliċi kienu injettaw total ta' PLN 64 810 miljun (jiġifieri madwar 70 % tal-kapital kollu injettat).

(126)

Apparti l-injezzjonijiet ta' kapital lill-operatur tal-ajruport, deskritti iktar 'il fuq, id-diversi studji dwar il-MEIP ippreżentati mill-awtoritajiet Pollakki wkoll iddeskrivew l-infiq ta' kapital ipproġettat (“capex”) (jiġifieri l-esportazzjoni ta' kapital) sal-2030. B'mod partikolari, u kif deskritt fit-Tabella 1, l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 juri l-investimenti fl-assi fissi maqsumin f'erbgħa fażijiet. B'mod sinifikanti, skont l-informazzjoni ppreżentata mill-Polonja, in-nefqa ta' kapital fl-2012 kienet tammonta għal PLN […] miljun (li aktar minn nofshom intefqu saħansitra qabel kien beda l-aġġornament tal-istudju tal-2012). Il-Grafika 1 turi l-capex annwali (nominali) kif ippreżentata fl-istudju dwar il-MEIP tal-2012 (madankollu, tneħħiet in-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku).

Grafika 1

Il-capex annwali (l-istudju dwar il-MEIP tal-2012, eskluża n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku)

[…]

(127)

L-istudju dwar il-MEIP tal-2011 u l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 ivvalutaw biss l-emendi għad-deċiżjoni inizjali li kienet ittieħdet fl-2010 abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010 sabiex jingħata bidu għall-proġett ta' investiment. Iż-żewġ studji sussegwenti juru li l-azzjonisti kienu ggwidati mill-iżviluppi fis-suq u kienu qegħdin jadattaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-proġett skonthom ('il fuq jew 'l isfel, skont it-tip ta' investiment). Madankollu, dawn il-bidliet kienu marġinali meta mqabbla mad-deċiżjoni globali li l-bażi militari tinbidel f'ajruport ċivili. Il-Grafika 2 turi n-nefqa ta' kapital (nominali) kif ippreżentata fl-istudji dwar il-MEIP tal-2010, tal-2011 u tal-2012 (eskluża n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku). Kif jista' jidher, filwaqt li l-għażla taż-żmien u l-firxa tal-investimenti kienu aġġornati kemm fl-2011 kif ukoll fl-2012, dawn il-bidliet ma kinux sostanzjali meta mqabbla mad-daqs globali tal-proġett. Fl-2010, il-capex nominali ġie stmat li kien madwar PLN […] miljun u din iċ-ċifra żdiedet għal madwar PLN […] miljun fl-2011 (l-aktar minħabba investiment ġdid fl-infrastruttura għat-toroq).

Grafika 2

Il-capex (PLN '000) kif ipproġettat fl-istudji dwar il-MEIP tal-2010, tal-2011 u tal-2012 (eskluża n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku)

[…]

(128)

Fil-premessi 122 u 127, il-Kummissjoni tqis li, sabiex tivvaluta jekk Gdynia u Kosakowo aġixxewx bħala investitur privat prudenti li jopera f'ekonomija tas-suq, din għandha primarjament tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq l-istudju dwar il-MEIP tal-2010, billi tinjora kull żvilupp ulterjuri u informazzjoni li ma kinitx għad-dispożizzjoni ta' dawk l-azzjonisti pubbliċi fiż-żmien meta ħadu d-deċiżjoni tagħhom li jimplimentaw il-proġett ta' investiment inkwistjoni.

(129)

Hija xi ħaġa ta' min jistenniha li fid-dawl taċ-ċirkostanzi li ma jibqgħux l-istess, investitur privat jaġġusta pjan ta' investiment matul l-implimentazzjoni tiegħu. Madankollu, f'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha bżonn tivvaluta jekk investitur privat kienx jieħu f'idejh il-proġett li jikkonverti mitjar militari f'ajruport ċivili. Sabiex tagħmel dan, huwa meħtieġ li jkun determinat eżattament meta fil-fatt ittieħdet id-deċiżjoni prinċipali li jitwettaq il-proġett. Abbażi tal-evidenza disponibbli fil-fajl (l-injezzjonijiet ta' kapital, il-ftehim ta' kiri u l-ftehim ta' lokazzjoni), il-passi ewlenin kienu diġà ttieħdu qabel l-istudju dwar il-MEIP tal-2011. Billi kull investitur privat kien iwettaq valutazzjoni ex ante tal-profittabilità finanzjarja ta' proġett qabel ma jieħu impenn u jalloka ammont kbir ta' riżorsi jew jidħol f'arranġamenti kuntrattwali vinkolanti, l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 huwa l-aktar analiżi rilevanti sabiex tkun ivvalutata il-konformità tal-investiment mas-suq.

(130)

L-istudji dwar il-MEIP tal-2011 u tal-2012 jagħmlu aġġustamenti għall-pjan ta' investiment inizjali, li abbażi tiegħu ttieħdet id-deċiżjoni inizjali li jingħata bidu għall-proġett tal-konverżjoni tal-mitjar militari. Għalhekk, l-injezzjonijiet ta' kapital implimentati ulterjorment skont dawn l-istudji sussegwenti dwar il-MEIP, ma jistgħux jiġu eżaminati b'mod iżolat.

5.1.3.3.   L-applikazzjoni tal-MEIP abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010:

(131)

L-istudju dwar il-MEIP tal-2010 huwa bbażat fuq pjan ta' direzzjoni tan-negozju li jipproġetta flussi tal-flus għall-futur għall-perjodu 2010-2040. Fiż-żmien meta twettaq l-istudju dwar il-MEIP, il-Polonja kienet qiegħda tistenna li l-ajruport jibda jilqa' t-traffiku tal-avjazzjoni ġenerali fl-2011, it-titjiriet charter fl-2013 u t-trasportaturi bi prezzijiet baxxi fl-2015. Dan kien jirriżulta f'żieda kostanti fin-numru ta' passiġġieri li jingħataw servizz minn […] passiġġier fl-2013 sa kważi […] miljun fl-2024 u 1 753 miljun fl-2040 (kif muri fit-Tabella 5 ta' hawn taħt).

Tabella 5

Il-projezzjonijiet tat-traffiku għall-ajruport ta' Gdynia użati fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010 ('000)

L-iżvilupp mistenni fir-rigward tal-passiġġieri (il-MEIP tal-2010)

Is-sena

2013

2014

2015

2016

2020

2024

2028

2032

2036

2040

In-nru. ta' passiġġieri

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

1 752 835

(132)

L-istudju dwar il-MEIP tal-2010, kif ippreżentat mill-Polonja, jinkludi l-kapital neċessarju biex ikunu ffinanzjati l-kostijiet iddikjarati li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku, iżda ma jikkwantifikax dawk il-kostijiet. Min-naħa l-oħra, l-istudju dwar il-MEIP tal-2011 jeskludi dawk il-kostijiet ta' kapital iżda jikkwantifikahom. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-proġett ta' investiment fl-istudji dwar il-MEIP tal-2010 u tal-2011 huwa sostanzjalment l-istess. Minbarra li jeskludi l-kostijiet relatati mal-ambitu ta' ordni pubbliku, l-istudju dwar il-MEIP tal-2011 huwa differenti mill-istudju dwar il-MEIP tal-2010 biss għaliex fih dejta aġġornata dwar il-kostijiet u rata ta' skont, il-kostijiet ivverifikati tal-infrastruttura għat-toroq, ir-riżultat finanzjarju tal-ftehim ta' lokazzjoni ffirmat minn Kosakowo u l-operatur tal-ajruport u l-iskeda ta' injezzjonijiet ta' kapital maqbula minn Kosakowo u Gdynia. Għalhekk, sabiex tneħħi l-allegati kostijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku mill-kalkoli tan-NPV fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010, il-Kummissjoni applikat l-istess metodoloġija li kienet ġiet applikata fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011 biex ikun determinat is-sehem ta' investiment ta' kapital irrappreżentat mill-kostijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku. B'mod partikolari, l-istudju dwar il-MEIP tal-2011 jindika (54) li […] % tal-kostijiet tat-terminals (għat-terminals tal-passiġġieri u t-terminals tal-avjazzjoni ġenerali) jitqiesu li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku; […] % tal-kostijiet tal-bini bi skop multiplu li jospita lill-pumpiera jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku kif ukoll il-kostijiet kollha relatati maċ-ċint tal-wajer, mat-tagħmir ta' monitoraġġ, mat-tagħmir ta' kontroll tal-bagalji, mat-tagħmir għas-servizz ta' sigurtà tal-ajruport (b'kollox PLN […] miljun; EUR […] miljun). Billi eskludiet l-istess entrati ta' kost ta' kapital u użat l-istess sehem ta' kostijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku għad-diversi binjiet (billi dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq l-ispazju ta' art f'dawk il-binjiet attribwiti lill-funzjonijiet ta' sigurtà, li ma nbidlux matul il-perjodu ta' żmien bejn iż-żewġ studji), il-Kummissjoni kkalkolat is-sehem tal-kostijiet ta' investiment fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010 li, għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, għandu jiġi eskluż mill-MEIP għaliex jaqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku. Dawn il-kostijiet jammontaw għal PLN […] miljun (jew EUR […] miljun).

(133)

Apparti minn hekk, skont l-istudju dwar il-MEIP tal-2010, il-kumpanija ser tkun qiegħda tagħmel profitt fil-livell tal-EBITDA mill-2018. Madankollu, fuq bażi kumulattiva (jiġifieri wara ż-żieda, kull sena, tal-flussi tal-flus tas-snin preċedenti), it-total tal-fluss tal-flus skontat (id-DCF) matul il-perjodu kollu 2010-2040 mistenni jkun negattiv (kif jidher fil-Grafika 3). Fi kliem ieħor, il-flussi tal-flus pożittivi li mistennija jiġu ġġenerati mill-2018 mhumiex għoljin biżżejjed sabiex jikkumpensaw għall-flussi tal-flus negattivi ħafna rreġistrati fil-perjodi ta' investiment preċedenti. Kif jista' jidher, il-fluss tal-flus skontat kumulattiv tal-proġett jibqa' negattiv sal-2040.

Grafika 3

Id-DCF kumulattiv f'PLN '000 (skont l-istudju dwar il-MEIP tal-2010)

[…]

Sors: Ibbażat fuq l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 u jeskludi n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku.

(134)

Wara l-2040, il-valur tal-operatur tal-ajruport huwa mistenni li jikber b'mod perpetwu, bil-fluss tal-flus disponibbli jikber b'rata stabbli ta' […] %. Skont din is-suppożizzjoni, il-Polonja kkalkolat il-valur finali tal-operatur tal-ajruport fl-2040. Il-valur finali skontat jammonta għal PLN […] miljun. L-istudju oriġinali dwar il-MEIP tal-2010 irriżulta f'valur tal-ekwità pożittiv (55) ta' PLN […] miljun (jiġifieri madwar EUR […] miljun). Dan il-valur tal-ekwità pożittiv huwa dovut għad-differenza mal-valur finali ta' PLN […] miljun, li f'termini assoluti huwa akbar min-NPV tal-fluss tal-flus disponibbli għall-impriża (il-FCFF) stmat għal PLN ([…]) matul il-perjodu 2010-2040. L-IRR tal-proġett ta' investiment kien stmat għal […] %, li huwa ogħla mill-kost tal-kapital preżunt tal-operatur tal-ajruport ([…] %). Meta n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku tiġi eskluża, in-NPV tal-fluss tal-flus disponibbli għall-impriża (il-FCFF) jibqa' negattiv ta' PLN ([…]) miljun u l-proġett isir profittabbli biss minħabba l-valur finali kkalkolat ta' PLN […] miljun. Għaldaqstant il-valur tal-ekwità pożittiv tal-proġett (eskluża n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku) huwa ta' PLN […] miljun (jiġifieri madwar EUR […] miljun).

(135)

Għalhekk, il-proġett isir profittabbli biss jekk ikun preżunt li, lil hinn mill-perjodu ta' lokazzjoni ta' 30 sena, l-operatur tal-ajruport ikompli jopera l-ajruport b'mod perpetwu u jikber b'rata stabbli ta' […] % fis-sena (jiġifieri l-valur finali (56)). Madankollu, kif jissemma fil-premessi 25 — 27, l-Istat tal-Polonja huwa sid l-art li fuqha l-ajruport huwa mibni u krieha lil Kosakowo għal perjodu ta' 30 sena sa Settembru tal-2040. Sussegwentement, Kosakowo kriet fit-tul l-art għal 30 sena lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd. Għaldaqstant, skont il-liġi Pollakka applikabbli (l-Artikoli 48 u 191 tal-Kodiċi Ċivili), il-binjiet u l-faċilitajiet kollha mibnija fuq il-proprjetà mikrija li huma fissi permanentement mal-art huma l-proprjetà ta' sid il-proprjetà (it-Teżor tal-Istat) u mhux propjetà ta' Gdynia-Kosakowo Airport Ltd jew Kosakowo. Il-ftehim ta' kiri jistipula li l-proprjetà mikrija trid tiġi rritornata lura lil sid il-kera fi żmien […] wara t-terminazzjoni tal-ftehim ta' kiri (§ 4(16)). Il-ftehim ta' kiri ma jipprevedix għal dritt unilaterali għall-estensjoni tal-kera wara dak il-perjodu jew għal dritt li jingħata xi kumpens għall-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport. Mhuwiex ċar xejn ukoll jekk tali drittijiet jistgħux jiġu invokati skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi ċivili Pollakka. Barra minn hekk, il-ftehim ta' kiri (Taqsima 4(11)) u l-ftehim ta' lokazzjoni (Taqsima 5(4)) jistipulaw li meta jiġri li operatur tal-ajruport iwaqqaf l-attività ekonomika tiegħu, l-infrastruttura trid tiġi kkonsenjata lill-Istat mingħajr kumpens. Għaldaqstant l-użu tal-ammont eżatt speċifikat fl-istudju jidher li mhuwiex raġonevoli, billi, skont it-termini tal-ftehim ta' kiri tad-9 ta' Settembru 2010, la l-operatur tal-ajruport u lanqas l-azzjonisti mhuma s-sidien tal-infrastruttura tal-ajruport. Għalhekk, il-valur finali tal-investiment invokat fl-istudji dwar il-MEIP mhuwiex affidabbli u wisq probabbli sopravvalutat b'mod konsiderevoli.

(136)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-fattur ewlieni ta' ħolqien ta' valur tal-flussi tal-flus futuri tal-operatur tal-ajruport ta' Gdynia huwa d-dħul mistenni, li ser jiddependi fuq il-kwantità ta' passiġġieri u fuq il-livell tal-imposti tal-ajruport imħallsa mill-kumpaniji tal-ajru. Fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010, id-dħul mil-LCC u mit-titjiriet charter (miżati tal-passiġġieri, tal-inżul u tal-parkeġġ) jammonta għal [80 — 90] % tad-dħul kollu fl-2040 u għal medja ta' [80 — 90] % tad-dħul kollu matul il-perjodu kollu vvalutat, jiġifieri mill-2010 sal-2040. Dan jikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet tal-Polonja li l-attivitajiet tal-ajruport ta' Gdynia jkunu jikkumplimentaw lil dawk tal-ajruport ta' Gdańsk għaliex l-ajruport ta' Gdynia jkun jiffoka fuq l-attivitajiet tal-avjazzjoni ġenerali. Fil-fatt, kif muri mid-dejta ppreżentata iktar 'il fuq, l-LCC u t-titjiriet charter huma s-sors ewlieni ta' dħul f'ħafna mis-snin koperti mill-previżjoni. Madankollu, kif ser jiġi spjegat f'aktar dettall iktar 'l isfel, il-biċċa l-kbira tad-dħul tal-ajruport ta' Gdańsk tiġi wkoll mil-LCC u mit-titjiriet charter (ara l-premessa 140).

(137)

Fil-kuntest tad-domanda fost il-passiġġieri u tad-domanda fost it-trasportaturi tal-ajru, il-Kummissjoni tosserva li l-ajruport ta' Gdynia jkollu l-istess żona ta' lħuq bħall-ajruport ta' Gdańsk, li jinsab biss madwar 25 km bogħod mill-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo. Fl-2012, l-ajruport ta' Gdańsk ġie estiż sabiex ikun ta' servizz għal mhux aktar minn ħames miljun passiġġier, filwaqt li hija ppjanata estensjoni oħra għall-2015 sabiex ikun ta' servizz għal mhux aktar minn seba' miljun passiġġier. Din l-iskeda ta' żmien għall-espansjoni kienet diġà magħrufa pubblikament fl-2010, jiġifieri fiż-żmien meta tħejja l-istudju dwar il-MEIP tal-2010. (57) Barra minn hekk, il-finanzjament pubbliku għall-estensjoni tal-ajruport ta' Gdańsk għall-kapaċità ta' ħames miljun passiġġier kien innotifikat ukoll lill-Kummissjoni fl-24 ta' Settembru 2008 permezz tal-każ dwar l-għajnuna mill-Istat Nru. N 472/08 u kien approvat mill-Kummissjoni fil-5 ta' Frar 2009 (58).

(138)

Il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni li l-pjan prinċipali mħejji għall-ajruport ta' Gdańsk fl-2010 (59) jipprevedi għall-estensjoni tar-runway, taż-żoni asfaltati tal-ajruport u ta' infrastruttura oħra fl-ajruport, li permezz ta' hekk, fil-ġejjieni, l-ajruport ta' Gdańsk ikun jista' jilqa' 'l fuq minn 10 miljun passiġġier fis-sena.

(139)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li fl-2010 l-ajruport ta' Gdańsk laqa' 2,2 miljun passiġġier (jiġifieri uża 45 % tal-kapaċità tiegħu, inkluża l-kapaċità li kienet għadha qiegħda tinbena). Skont il-previżjonijiet ipprovduti għall-ajruport ta' Gdańsk, sal-2020 mistennija tintuża biss bejn 50 u 60 % tal-kapaċità disponibbli (60). Dawn il-previżjonijiet ma jikkunsidrawx il-bidu tal-operazzjonijiet fl-ajruport ta' Gdynia (jiġifieri huwa preżunt li d-domanda kollha fiż-żona ta' lħuq tiġi ssodisfata mill-ajruport ta' Gdańsk). Il-Kummissjoni tinnota li l-ajruport ta' Gdańsk ser ikun jista' jissodisfa d-domanda fir-reġjun għal perjodu twil ta' żmien, jiġifieri sa mill-inqas l-2030, anke jekk huwa preżunt tkabbir dinamiku fit-traffiku tal-passiġġieri.

(140)

Kif indikat iktar 'il fuq, l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 għall-ajruport ta' Gdynia qiegħed jistenna li l-biċċa l-kbira tad-dħul tiegħu ([80 — 90] % bħala medja għall-perjodu kollu 2012 — 2040) tiġi ġġenerata mil-LCCs u mill-kumpaniji li joperaw titjiriet charter. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li anke l-ajruport ta' Gdańsk jilqa' primarjament it-traffiku ta' titjiriet charter u LCC. Fl-2010, il-passiġġieri fuq titjiriet charter u LCC kienu jammontaw għal 72 % tal-passiġġieri kollha milqugħa mill-ajruport ta' Gdańsk (61).

(141)

Minħabba l-pożizzjoni viċin ferm ta' ajruport ieħor stabbilit u mhux konġestjonat li jsegwi l-istess mudell kummerċjali b'kapaċità żejda sinifikanti fuq medda twila, il-Kummissjoni tqis li l-kapaċità tal-operatur tal-ajruport ta' Gdynia li jattira t-traffiku u l-passiġġieri ser tiddependi ħafna fuq il-livell ta' imposti tal-ajruport offruti lill-kumpaniji tal-ajru, b'mod partikolari meta mqabbla ma' dawk tal-eqreb kompetituri tiegħu.

(142)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva li l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 jipprevedi ħlas mill-passiġġieri għat-titjiriet charter u LCC ta' PLN 25/PAX (EUR 6,25) sal-2014 u ta' PLN 40/PAX (EUR 10) mill-2015 (sal-2040). L-imposta tal-inżul għal tali titjiriet ġiet stabbilita għal PLN 25 għal kull tunnellata (EUR 6,25) għall-perjodu kollu (il-piż massimu tat-tluq (il-MTOW, maximum take-off weight) medju kien preżunt li kien 70 tunnellata), filwaqt li l-imposta tal-parkeġġ kienet stmata li kienet PLN 4 (EUR 1,0) għal kull 24 siegħa għal kull tunnellata (b'MTOW medju ta' 70 tunnellata). Skont l-istudju dwar il-MEIP tal-2010, il-prezzijiet ġew stabbiliti f'livelli paragunabbli ma' dawk f'ajruporti reġjonali oħrajn fiż-żmien meta twettaq l-istudju dwar il-MEIP tal-2010. Il-prezzijiet mitluba fl-ajruport ta' Gdynia ġew stabbiliti wkoll fuq is-suppożizzjoni li ma kien ser ikun hemm ebda kompetizzjoni mill-ajruport ta' Gdańsk.

(143)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-iskeda tat-tariffi applikata mill-ajruport ta' Gdańsk mill-31 ta' Diċembru 2008 tiffissa l-imposta standard tal-passiġġieri għal PLN 48/PAX (EUR 12,0), l-imposta standard tal-inżul għall-inġenji tal-ajru ta' 'l fuq minn żewġ tunnellati (jiġifieri inklużi l-inġenji tal-ajru kollha li joperaw titjiriet charter u LCC) għal PLN 25/tunnellata (EUR 6,25) u l-imposta tal-parkeġġ għal PLN 4.5 għal kull 24 siegħa għal kull tunnellata (EUR 1,25).

(144)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-iskeda tat-tariffi applikata fl-ajruport ta' Gdańsk toffri wkoll diversi skontijiet u ribassi li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, it-titjiriet LCC. L-ajruport ta' Gdańsk applika imposta mnaqqsa għall-passiġġieri ta' PLN 24/PAX (EUR 6) għall-konnessjonijiet ġodda kollha (mill-1 ta' Jannar 2004) u għaż-żidiet kollha fil-frekwenza li jinvolvu inġenju tal-ajru b'MTOW ta' bejn 50 u 100 tunnellata (pereżempju Airbus A320 u Boeing 737 u inġenji tal-ajru oħrajn li jintużaw mil-LCCs). L-imposta tal-inżul applikata għal tali konnessjonijiet titnaqqas ukoll b'50 % (jiġifieri għal PLN 12.5/tunnellata). L-imposta tal-parkeġġ tiġi rrinunzjata kompletament jekk il-frekwenza ta' konnessjoni tkun ta' mill-inqas sitt darbiet fil-ġimgħa. Barra minn hekk, l-imposta standard tal-passiġġieri l-ewwel titnaqqas b'PLN 23 għall-passiġġieri kollha li jkunu ser jitilqu fuq konnessjonijiet domestiċi skedati. Imbagħad jiġi applikat skont xieraq. Il-Kummissjoni tikkunsidra, meta tqis l-iskontijiet u r-ribassi applikati fl-ajruport ta' Gdańsk, li l-imposti tal-ajruport fl-ajruport ta' Gdynia kienu bħala medja kunsiderevolment ogħla minn dawk tal-ajruport stabbilit fil-viċin. Bl-applikazzjoni tal-imposti tal-ajruport inkwistjoni, l-ajruport ta' Gdynia, bħala parteċipant ġdid, mhux ser ikun jista' jattira traffiku sinifikanti meta jkun hemm ajruport stabbilit b'kapaċità żejda fl-istess żona ta' lħuq, li japplika imposti netti aktar baxxi għal konnessjonijiet ġodda u żidiet fil-frekwenza fuq il-konnessjonijiet eżistenti. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-iskeda tal-imposti tal-ajruport għall-ajruport ta' Gdańsk tistabbilixxi li l-imposti skontati għandhom japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2028. Minħabba li l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 (abbażi tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju tal-operatur tal-ajruport f'dak il-mument) jqis l-imposti tal-ajruport bħala s-sors prinċipali tad-dħul tal-operatur tal-ajruport, il-Kummissjoni tikkunsidra din is-soluzzjoni bħala prova li l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 mhuwiex solidu u kredibbli biżżejjed biex juri li l-proġett ta' investiment inkwistjoni kien ikun segwit minn investitur privat.

(145)

Peress li kemm l-ajruport ta' Gdynia kif ukoll l-ajruport ta' Gdańsk kienu jkunu jiffukaw primarjament fuq it-trasportaturi bi prezzijiet baxxi u charter, li l-ajruport ta' Gdańsk ma jużax il-kapaċità sħiħa tiegħu, li l-imposti proprji tiegħu huma aktar baxxi minn dawk preżunti fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ta' Gdynia u l-viċinanza mqarrba taż-żewġ ajruporti, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li s-suppożizzjoni li mhux ser ikun hemm kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn iż-żewġ ajruporti hija waħda żbaljata.

(146)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li fil-mument tat-tħejjija tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010, l-imposti netti (l-imposti standard wara l-iskontijiet applikabbli) applikati fl-ajruport ta' Bydgoszcz (li jinsab 196 kilometru u sagħtejn u 19-il minuta bogħod bil-karozza mill-ajruport ta' Gdynia) u fl-ajruport ta' Szczecin (li jinsab 296 kilometru u erbgħa sigħat u 24 minuta bogħod bil-karozza mill-ajruport ta' Gdynia), li huma t-tieni u t-tielet l-eqreb ajruporti reġjonali Pollakki, kienu ferm aktar baxxi (62).

(147)

Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, minħabba l-viċinanza mqarrba ma' ajruport mhux konġestjonat ieħor li jsegwi l-istess mudell kummerċjali, l-imposti tal-ajruport imsemmija fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010, li huma ogħla minn dawk applikati fi Gdańsk u f'ajruporti reġjonali oħrajn fil-qrib, mhumiex realistiċi. Fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva tal-ajruport ta' Gdynia, il-previżjonijiet tat-traffiku inklużi fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010 kienu bbażati fuq suppożizzjonijiet mhux realistiċi.

(148)

Għandha tinġibed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 la kien jinvolvi analiżi tas-sensittività u lanqas xi valutazzjoni tal-probabbiltà ta' eżitu (bħall-agħar, l-aqwa xenarju possibbli u xenarju bażi). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li x-xenarju ppreżentat fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010 jidher li jistrieħ fuq suppożizzjonijiet ottimisti żżejjed fir-rigward tal-iżvilupp tat-traffiku tal-passiġġieri u l-livell tal-imposti.

(149)

Il-Kummissjoni wettqet għadd ta' kalkoli tas-sensittività u tinnota li t-tnaqqis b'[…] % (matul il-perjodu ta' projezzjoni 2010-2040) fid-dħul annwali mill-imposti tal-passiġġieri marbutin mat-traffiku tat-titjiriet charter u tal-LCC huwa biżżejjed sabiex il-proġett ma jkunx profittabbli, minkejja l-valur finali sinifikanti li kif spjegat fil-premessa 135, fih innifsu huwa inċert. Tali tnaqqis fid-dħul jista' jseħħ jekk l-imposti u/jew it-traffiku jkunu aktar baxxi milli preżunt. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li l-imposti tal-ajruport imsemmija fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju użat għall-istudju dwar il-MEIP tal-2010 huma diġà […] % ogħla milli huma fl-ajruport ta' Gdańsk (63). F'dan il-kuntest, huwa improbabbli ħafna li l-ajruport ta' Gdynia jkun jista' jattira t-traffiku mingħajr ma jipprovdi ribass sinifikanti fuq l-imposta ta' PLN 40 (EUR 10) speċifikata fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju. Għalhekk, is-sensittività għolja tan-NPV għal tnaqqis apparentement marġinali fl-imposti tal-ajruport (li jirriżulta minn suppożizzjonijiet realistiċi) tixħet dubju sinifikanti fuq il-kredibbiltà tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju inizjali.

(150)

Filwaqt li l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 kien ibbażat fuq il-projezzjonijiet tat-traffiku li kienu disponibbli dak iż-żmien u ma għandhiex tintuża informazzjoni ex-post sabiex jiġi vvalutat direttament l-istudju dwar il-MEIP, il-Kummissjoni, madankollu tinnota kemm tali projezzjonijiet kienu ottimisti żżejjed. Tabilħaqq, tqabbil bejn il-projezzjonijiet tat-traffiku tal-2010 u dawk tal-2012 juri differenzi sinifikanti. Mhux biss kien hemm dewmien fil-bidu tal-proġett, imma apparti dan, matul il-perjodu ta' “EBITDA pożittiv”, il-projezzjonijiet tat-traffiku tnaqqsu bi […] għal […] % f'kull sena. Tali korrezzjoni sinifikanti wara biss sentejn u mingħajr ebda tibdil sinifikanti fiċ-ċirkostanzi tikkostitwixxi kontroll tas-sens utli tas-suppożizzjonijiet inizjali. Din tikkonferma wkoll il-fatt li l-kontrolli tas-sensittività mwettqa mill-Kummissjoni (li, meta mqabbla, għandhom kamp ta' applikazzjoni ferm aktar ristrett) jixħtu aktar dawl fuq in-natura mhux realistika tas-suppożizzjonijiet li fuqhom hija msejsa l-konklużjoni li l-proġett kien wieħed utli.

Tabella 6

Tqabbil tal-previżjonijiet tat-traffiku tal-passiġġieri użati fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010 u fl-istudju dwar il-MEIP tal-2012

 

2013

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

2021

PAX totali fl-Istudju dwar il-MEIP tal-2010

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

PAX totali fl-Istudju dwar il-MEIP tal-2012

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Differenza

 

– 53 %

– 69 %

– 55 %

– 38 %

– 36 %

– 29 %

– 27 %

– 25 %

 

2022

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

PAX totali fl-Istudju dwar il-MEIP tal-2010

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

1 343 234

PAX totali fl-Istudju dwar il-MEIP tal-2012

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

1 083 746

Differenza

– 23 %

– 21 %

– 19 %

– 17 %

– 17 %

– 18 %

– 18 %

– 19 %

– 19 %

(151)

Testijiet tas-sensittività ulterjuri jindikaw li l-proġett ma jibqax profittabbli jekk id-dħul globali jkun biss […] % fis-sena aktar baxx matul il-perjodu ta' projezzjoni kollu jew jekk id-dħul ikun […] % aktar baxx u l-kostijiet operattivi jkunu […] % ogħla. Għalhekk, il-profittabilità tal-investiment hija sensittiva ħafna għall-bidliet żgħar fis-suppożizzjonijiet bażiċi. Il-Kummissjoni tqis dawn il-bidliet bħala marġinali meta mqabbla mal-bidliet magħmula fl-istudji dwar il-MEIP suċċessivi.

(152)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li r-riżultati pożittivi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010 jiddependu ħafna wkoll fuq il-valur finali tal-investiment fi tmiem il-perjodu kopert mill-pjan ta' direzzjoni tan-negozju (jiġifieri fl-2040). Tabilħaqq, il-fluss tal-flus skontat tal-kumpanija għall-perjodu 2010-2040 huwa negattiv u jammonta għal PLN (– […] miljun). Il-valur finali skontat fit-30 ta' Ġunju 2010 jammonta għal PLN […] miljun.

(153)

Fir-rigward tas-suppożizzjonijiet sottostanti l-kalkoli, il-valur finali kien ikkalkolat abbażi tas-suppożizzjonijiet li r-rata ta' tkabbir annwali għall-fluss tal-flus tal-investiment wara l-2040 tkun tammonta għal […] % b'mod perpetwu. Skont il-prattika standard, ir-rata ta' tkabbir ta' impriża ma għandhiex tkun ogħla minn dik tal-ekonomija fejn topera (jiġifieri f'termini ta' tkabbir tal-PDG). Tabilħaqq, il-valur finali jiġi kkalkolat fil-mument meta l-impriża tkun mistennija tilħaq maturità u meta, ikun għalhekk għadda l-perjodu ta' tkabbir għoli tal-impriża. Minħabba li l-ekonomija mistennija tkun tikkonsisti f'impriżi bi tkabbir għoli u oħrajn bi tkabbir stabbli, ir-rata ta' tkabbir tal-impriżi maturi għandha għaldaqstant tkun aktar baxxa mir-rata ta' tkabbir medja tal-ekonomija globali. Fil-kummenti tagħha, il-Polonja ma indikatx il-bażi li fuqha għażlet rata ta' tkabbir fuq terminu twil ta' […] %, iżda spjegat li r-rata ta' tkabbir fuq terminu twil hija rata ta' tkabbir nominali. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli mill-FMI, il-Kummissjoni rriżultalha li l-previżjonijiet għat-tkabbir tal-PDG reali fil-Polonja disponibbli fil-bidu tal-2010 indikaw li r-rata ta' tkabbir nominali tal-ekonomija Pollakka tvarja minn 5,6 % fl-2011 sa 6,6 % fl-2015. B'inflazzjoni ta' madwar 2,5 %, il-PDG reali jista' jkun mistenni li jikber b'4 %. B'hekk, l-għażla ta' rata ta' tkabbir nominali ta' […] % għall-ajruport ta' Gdynia mal-ewwel daqqa ta' għajn tista' titqies li hija konformi mal-informazzjoni disponibbli fil-mument u mal-prattika standard li tintgħażel rata ta' tkabbir aktar baxxa mit-tkabbir tal-ekonomija. Madankollu, bl-għażla ta' rata ta' tkabbir fuq terminu twil u 'il fuq mill-inflazzjoni (li f'April tal-2010 kienet stmata bħala 2,5 %), il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju jassumi li l-ajruport għandu jkompli jikber kull sena wara l-2040.

Tabella 7

Dejta u previżjonijiet li jikkonċernaw il-PDG u l-inflazzjoni disponibbli mill-FMI f'April tal-2010

 

2009

2010

2011

2012

2013

2014

2015

tkabbir % PDG (prezzijiet kostanti)

1,70

2,70

3,20

3,90

4,00

4,00

4,00

tkabbir % PDG (prezzijiet attwali)

5,50

4,40

5,60

6,20

6,60

6,50

6,60

inflazzjoni %

4,20

3,50

2,30

2,40

2,50

2,50

2,50

Sors: Il-Fond Monetarju Internazzjonali, id-Database tal-Perspettiva Ekonomika Dinjija, April 2010 (imniżżla minn http://www.imf.org/external/data.htm)

(154)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li f'dan il-każ, minħabba l-perjodu ta' projezzjoni partikolarment twil u d-data mbiegħda li għaliha ġie kkalkolat il-valur finali, il-kompitu sabiex tiġi stabbilita l-aktar rata ta' tkabbir xierqa huwa ferm aktar kumpless u l-inċertezza hija ferm akbar. Tabilħaqq, il-previżjonijiet dwar it-tkabbir tal-PDG rari jmorru lil hinn minn perjodu ta' ħames snin, filwaqt li f'dan il-każ il-mudell kellu jipprevedi rata ta' tkabbir raġonevoli għall-ajruport wara li jkun ilu jopera għal 30 sena. Dan il-fatt jindika li investitur prudenti kien iwettaq sensiela ta' testijiet tas-sensittività.

(155)

Il-mudell tar-rata ta' tkabbir stabbli li jintuża sabiex jiġi kkalkolat il-valur finali f'dan il-każ jirrikjedi wkoll li jsiru suppożizzjonijiet dwar id-data li fiha l-impriża mistennija tibda tikber b'rata stabbli b'tali mod li tkun tista' ssostni lilha nnifisha b'mod perpetwu. Fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010, din id-data ġiet stabbilita bħala l-2040, li tfisser perjodu ta' projezzjoni ta' 30 sena (2010-2040). Fl-istudju dwar il-MEIP tal-2012, il-perjodu ta' projezzjoni tnaqqas għal 18-il sena (2012-2030) u, għalhekk, il-valur finali ġie kkalkolat fl-2030. Jekk jiġi applikat l-istess perjodu ta' żmien għall-istudju dwar il-MEIP tal-2010, in-NPV tal-proġett jitnaqqas b'mod sinifikanti (PLN […] miljun jew EUR […] miljun).

(156)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 isemmi speċifikament li investitur prudenti kien jikkunsidra l-fatt li l-proġett jinvolvi perjodu ta' żmien partikolarment twil qabel ikun jista' jilħaq profittabilità (Ara t-Taqsima 4.10.1.2 tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012, li fiha ġie konkluż li “Ir-riżultat pożittiv tal-valur preżenti nett juri li l-investiment fl-Ajruport ta' Gdynia-Kosakowo jista' jkun biċċa negozju interessanti għall-investituri potenzjali. Madankollu, qabel tittieħed kull deċiżjoni, l-investituri ser ikollhom jikkunsidraw ukoll il-perjodu ta' żmien tal-investiment fuq terminu twil tipiku tal-proġetti ta' investiment fl-infrastruttura”).

Il-Konklużjoni

(157)

Il-proġett tal-konverżjoni tal-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo jinvolvi investiment sinifikanti u perjodu twil ta' flussi ta' flus negattivi. Tabilħaqq, il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju juri li l-fluss ta' flus skontat kumulattiv matul il-perjodu ta' projezzjoni 2010-2040 huwa negattiv (– […] miljun jew — EUR […] miljun). Skont il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju, il-proġett jilħaq biss ċifri pożittivi bis-saħħa tal-valur finali skontat ta' PLN […] miljun ikkalkolat għall-2040 u b'mod perpetwu wara, jekk wieħed jassumi li l-ajruport ikompli jikber kull sena u b'mod perpetwu wara b'rata nominali ta' […] %). Madankollu, kif spjegat fil-premessa 135, jidher li la l-operatur tal-ajruport u lanqas l-azzjonisti tiegħu mhuma s-sidien tal-art, billi din tibqa' proprjetà tat-Teżor tal-Istat, u għaldaqstant il-valur finali ppreżentat għall-ajruport mhuwiex affidabbli. Aktar minn hekk, minkejja l-inċertezzi sinifikanti inerenti fi proġett fuq terminu twil bħal dan, il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ma jinkludi ebda analiżi tas-sensittività u, għalhekk, huwa differenti mill-analiżi li seta' jwettaq investitur prudenti għal tali proġett.

(158)

Barra minn hekk, l-analiżi tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju jiddependi fuq sensiela ta' suppożizzjonijiet li huma ottimistiċi żżejjed u mhux realistiċi minħabba l-viċinanza tal-ajruport ta' Gdańsk, li għandu l-istess mudell kummerċjali, kapaċità żejda u pjanijiet għall-espansjoni. Bosta testijiet tas-sensittività jindikaw li n-NPV tal-proġett isir negattiv f'każ ta' modifiki minuri u realistiċi fis-suppożizzjonijiet sottostanti.

(159)

Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tqis li investitur privat kieku ma kienx jiddeċiedi li jagħti bidu għall-proġett ta' investiment inkwistjoni abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-muniċipalitajiet ta' Gdynia u Kosakowo li jiffinanzjaw il-konverżjoni tal-mitjar f'ajruport ċivili tagħti vantaġġ ekonomiku lill-operatur tal-ajruport li ma kienx kieku jikseb f'kundizzjonijiet tas-suq normali.

5.1.3.4.   L-applikazzjoni tal-MEIP abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2011 u l-istudju dwar il-MEIP tal-2012

L-applikazzjoni tal-MEIP abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2011:

(160)

L-ewwel aġġornament tal-istudju dwar il-MEIP twettaq f'Mejju tal-2011. Anke jekk l-injezzjonijiet ta' kapital li saru wara li twettaq dan l-istudju dwar il-MEIP kienu mwiegħda qabel Mejju tal-2011 (ara l-premessa 51 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk, abbażi tal-informazzjoni inkluża f'dan l-istudju ekonomiku, l-injezzjonijiet ta' kapital jistgħux jitqiesu bħala li jirriflettu l-imġiba ta' investitur privat li jopera f'ekonomija tas-suq. Fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011, id-dħul mill-proġett inżamm kostanti, iżda n-nefqa ta' kapital żdiedet (ara l-Grafika 2 li turi l-infiq kumulattiv tal-investiment). Dan l-istudju jikkunsidra wkoll l-injezzjonijiet ta' kapital preċedenti u n-nefqa ta' kapital li kienet diġà saret. Il-WACC tnaqqset bi ftit (minn […] % għal […] %) u r-rata ta' tkabbir fit-tul tnaqqset minn […] % għal […] %. Dawn l-aġġornamenti rriżultaw f'NPV ferm aktar baxx ta' PLN […] miljun (madwar EUR […]). Dan kien dovut għal telf ogħla (il-fluss tal-flus skontat matul il-perjodu 2011-2030 jammonta għal PLN – […] miljun), filwaqt li l-valur finali għandu jonqos bi ftit, għal PLN […] miljun.

(161)

Fir-rigward tad-domanda tal-passiġġieri u dħul relatat, il-Kummissjoni tqis li l-argumenti ppreżentati fil-premessi 136 — 141 li jikkonċernaw il-kompetizzjoni tal-ajruport ta' Gdynia għall-kumpaniji tal-ajru u l-passiġġieri mal-ajruport ta' Gdańsk japplikaw ukoll għall-valutazzjoni tal-istudju dwar il-MEIP tal-2011.

(162)

Il-Kummissjoni tosserva b'mod partikolari li l-livell ta' imposti tal-ajruport ikkwotati fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011 kien l-istess bħal fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010.

(163)

Minħabba li, fl-2011, l-ajruporti ta' Gdańsk, Bydgoszcz u Szczecin applikaw l-istess tariffi bħal fl-2010 (inklużi l-istess skontijiet), il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-livell tal-imposti fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011 għall-ajruport ta' Gdynia hija l-istess bħal dik li twettqet għall-istudji dwar il-MEIP tal-2010 (ara l-premessi 141 sa 147).

(164)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li investitur f'ekonomija tas-suq immexxi mill-prospett tal-profittabilità ma jibbaża ebda deċiżjoni ta' investiment fil-proġett inkwistjoni fuq imposti ferm ogħla mill-imposti netti applikati f'ajruporti reġjonali Pollakki oħrajn (64), speċjalment fl-ajruport ta' Gdańsk.

(165)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li imposta tal-ajruport imnaqqsa komparabbli mal-imposti tal-ajruporti mħallsin f'ajruporti reġjonali Pollakki oħrajn (pereżempju Gdańsk, Bydgoszcz, Szczecin, Lublin) tirriżulta f'valur tal-ekwità negattiv.

(166)

Il-Kummissjoni għamlet għadd ta' kalkoli tas-sensittività u tinnota li t-tnaqqis b'sempliċiment […] % (matul il-perjodu ta' projezzjoni 2010-2040) fid-dħul annwali mill-imposti tal-passiġġieri marbutin mat-traffiku tat-titjiriet charter u tal-LCC huwa biżżejjed sabiex il-proġett ma jkunx profittabbli, minkejja l-valur finali sinifikanti.

(167)

Testijiet tas-sensittività ulterjuri jissuġġerixxu li l-proġett ma jibqax profittabbli jekk id-dħul globali jkun biss […] % fis-sena aktar baxx matul il-perjodu ta' projezzjoni kollu jew jekk id-dħul ikun […] % aktar baxx u l-kostijiet operattivi jkunu […] % ogħla. Għalhekk, il-profittabilità tal-investiment hija sensittiva ħafna għall-bidliet żgħar fis-suppożizzjonijiet bażiċi.

(168)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li r-riżultati pożittivi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2011 jiddependu ħafna wkoll fuq il-valur finali tal-investiment fi tmiem il-perjodu kopert mill-pjan ta' direzzjoni tan-negozju (jiġifieri fl-2040). Kif spjegat fil-premessa 135, jeżistu dubji dwar jekk il-valur final tal-investiment jmurx kollu kemm huwa jew anke parzjalment għand l-operatur tal-ajruport jew l-azzjonisti tiegħu.

(169)

Minħabba f'hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li, l-istess bħall-istudju dwar il-MEIP tal-2010, l-istudju dwar il-MEIP tal-2011 huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet mhux realistiċi, b'mod partikolari dwar il-projezzjonijiet tat-traffiku u l-imposti tal-ajruport. Għalhekk, abbażi wkoll tal-istudju dwar il-MEIP tal-2011, id-deċiżjoni tal-muniċipalitajiet ta' Gdynia u Kosakowo li jiffinanzjaw il-konverżjoni tal-mitjar ta' Gdynia-Kosakowo (Gdynia-Oksywie) f'ajruport tal-avjazzjoni ċivili mhijiex konsistenti mal-MEIP u għaldaqstant tagħti vantaġġ ekonomiku lill-operatur tal-ajruport li ma kienx kieku jinkiseb f'kundizzjonijiet tas-suq normali.

L-applikazzjoni tal-MEIP abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012:

(170)

Il-Polonja hija tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-konformità mal-MEIP abbażi tal-istudju dwar l-MEIP tal-2012. Il-Kummissjoni tinnota li l-istudju tal-MEIP tal-2012 jikkunsidra l-injezzjonijiet ta' kapital preċedenti u n-nefqa ta' kapital li kienet diġà saret. L-istudju dwar il-MEIP tal-2012 juri li l-finanzjament ipprovdut lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd jirriżulta f'valur ta' ekwità pożittiv ta' PLN […] miljun (madwar EUR […] miljun) għall-azzjonisti tagħha. Barra minn hekk, l-IRR tal-proġett ta' investiment ta' […] % hija ogħla mill-previżjoni tal-kost ta' kapital tal-operatur tal-ajruport ([…] %) (65).

(171)

L-istudju dwar il-MEIP tal-2012 iqabbel il-valur tal-ekwità tal-kumpanija b'investimenti ulterjuri f'sitwazzjoni fejn l-ajruport il-ġdid isir operattiv (ix-“xenarju bażiku”) mal-valur tal-ekwità tal-kumpanija mingħajr investimenti ulterjuri f'sitwazzjoni fejn il-proġett ta' investiment ma tkompliex minn Ġunju tal-2012 (ix-“xenarju kontrofattwali”) (66).

(172)

Dan l-approċċ huwa fundamentalment żbaljat għall-fini li jkun ivvalutat jekk il-konverżjoni tal-mitjar militari f'ajruport ċivili tinvolvix għajnuna mill-Istat, ladarba tinjora l-ammonti sostanzjali ta' kapital li diġà ġew investiti fl-ajruport. Ix-xenarju kontrofattwali korrett kellu jkun li l-implimentazzjoni tal-proġett ma tinbediex għal kollox. Il-Kummissjoni tinnota li investitur privat ma kienx jinvesti fil-proġett mill-bidu nett jekk il-pjanijiet sabiex jiġi żviluppat ajruport ċivili ġdid fiż-żona ma kinux juru prospett realistiku li jsir profitt minn tali investiment. Għaldaqstant, ix-xenarju kontrofattwali ddefinit fl-istudju dwar il-MEIP tal-2012 huwa mxekkel minn deċiżjonijiet preċedenti li ma rriflettewx l-imġiba ta' investitur privat. Bħall-injezzjonijiet ta' kapital preċedenti, li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għaliex operatur tas-suq privat ma kienx iwettaqhom, injezzjonijiet ta' kapital sussegwenti fl-istess proġett ukoll jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(173)

Il-Kummissjoni tosserva li x-xenarju bażiku fl-istudju dwar il-MEIP tal-2012 ipprovdut mill-Polonja huwa bbażat fuq pjan ta' direzzjoni tan-negozju li jipprevedi għall-flussi tal-flus futuri għall-investituri tal-ekwità matul il-perjodu 2012-2030 (jiġifieri perjodu ta' tkabbir għoli) (67). Il-flussi tal-flus futuri previsti huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-ajruport ser jibda l-attivitajiet tiegħu fl-2013. Fiż-żmien meta sar l-istudju dwar il-MEIP tal-2012, il-Polonja kienet qiegħda tistenna li l-ajruport ikun ta' servizz għal […] passiġġier fl-2014 u gradwalment jestendi l-attivitajiet tiegħu sabiex jilħaq sa […] passiġġier fl-2020 u madwar […] fl-2028 (ara l-previżjoni dwar l-iżvilupp tal-passiġġieri fit-Tabella 8).

Tabella 8

Il-projezzjonijiet tat-traffiku tal-passiġġieri għall-ajruport ta' Gdynia (f''000)

It-tkabbir mistenni fin-numri tal-passiġġieri

Sena

2013

2014

2015

2017

2018

2019

2020

2023

2026

2030

Total

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

1 083,7

(174)

Skont l-istudju dwar il-MEIP tal-2012, huwa mistenni li wara l-2030 l-operatur tal-ajruport jikber b'mod perpetwu b'rata ta' tkabbir stabbli ta' […]. Skont din is-suppożizzjoni, il-Polonja kkalkolat il-valur finali tal-operatur tal-ajruport fl-2030.

(175)

Il-Kummissjoni tinnota li, bħal fl-istudji dwar il-MEIP tal-2010 u tal-2011, il-fattur ewlieni ta' ħolqien ta' valur tal-flussi tal-flus futuri tal-operatur tal-ajruport ta' Gdynia huwa d-dħul mistenni mill-avjazzjoni, li ser jiddependi fuq in-numru ta' passiġġieri u fuq il-livell tal-imposti tal-ajruport imħallsa mill-kumpaniji tal-ajru.

(176)

Fir-rigward tal-iżvilupp mistenni f'dak li għandu x'jaqsam mal-passiġġieri, il-Polonja ssostni li d-domanda għal servizzi tal-passiġġieri tal-ajru ser tiżdied maż-żmien u biż-żieda mistennija fil-PDG tal-Polonja u l-iżvilupp tar-reġjun. Għalhekk, il-Polonja hija tal-opinjoni li l-projezzjonijiet tat-traffiku huma konservattivi u li t-traffiku proprju jista' jkun ogħla minn dak previst. Fil-fehma tal-Polonja, l-aġġornament f'Marzu tal-2013 tal-previżjoni tat-traffiku għar-reġjun jipprevedi traffiku ogħla mill-istudju dwar il-MEIP tal-2012.

(177)

Il-Polonja ssostni li l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju qiegħed ibassar li l-ajruport ta' Gdynia ser jilqa' inqas minn […] % tat-traffiku tal-passiġġieri tar-reġjun. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Polonja, l-iżvilupp tas-suq tas-servizzi tal-ajru tal-Pomerania jagħti lok għal ajruport żgħir addizzjonali li jikkumplimenta s-servizzi offruti mill-ajruport ta' Gdańsk.

(178)

Fir-rigward tad-domanda tal-passiġġieri u dħul relatat, il-Kummissjoni tqis li l-argumenti ppreżentati iktar 'il fuq, fil-premessi 136 — 147 u 161 — 165 dwar l-istudji dwar il-MEIP tal-2010 u tal-2011 japplikaw ukoll għall-valutazzjoni tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012.

(179)

Il-Kummissjoni tqis li investitur f'ekonomija tas-suq ma jistabbilixxix l-imposti tiegħu f'livell ogħla fuq is-suppożizzjoni li l-imposti fl-ajruport ta' Gdańsk ser jiżdiedu fuq terminu twil. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-iskeda tal-imposti applikati fl-ajruport ta' Gdańsk tipprevedi l-applikazzjoni ta' skontijiet sal-2028 (jiġifieri għal perjodu ta' sentejn biss inqas minn dak speċifikat fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju għall-istudju dwar il-MEIP tal-2012). Abbażi ta' dan, anke li kieku l-imposti fl-ajruport ta' Gdańsk kellhom jiżdiedu wara l-2028, il-Kummissjoni tqis li l-imposti medji tal-ajruport previsti matul il-perjodu tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju (jiġifieri sal-2030) jibqgħu ogħla mil-livell medju fl-ajruport kompetitur.

(180)

Il-Polonja kkonfermat li l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 jikkunsidra l-kostijiet operattivi relatati mal-attività militari fl-ajruport. Dawn il-kostijiet mistennija jiġu kkumpensati mill-Istat. Il-Polonja kkonfermat ukoll li sa issa għadu ma ntlaħaq ebda ftehim formali dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet (kemm il-kostijiet operattivi kif ukoll il-kostijiet tal-investiment) bejn l-ajruport ta' Gdynia u l-utent militari.

(181)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li investitur f'ekonomija tas-suq kien jibbaża l-valutazzjoni tiegħu biss fuq ir-riżultati prevedibbli fiż-żmien li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-investiment. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li ma għandu jittieħed ebda kont tat-tnaqqis possibbli fil-kostijiet permezz tal-kondiviżjoni tal-kostijiet mal-utent militari tal-ajruport (u l-impatt fuq il-kostijiet u d-dħul globali tal-ajruport) meta tiġi vvalutata l-konsistenza tal-investiment mal-MEIP. Tabilħaqq, l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 ma jikkwantifikax it-tnaqqis tal-kostijiet li jista' jikseb il-operatur tal-ajruport f'dan ir-rigward.

(182)

Bħalma ġara fir-rigward tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010, id-DCF globali għall-proġett matul il-perjodu 2012-2030 huwa negattiv, kif jintwera fil-Grafika 4. L-ajruport għandu l-ewwel jibda jiġġenera flussi tal-flus pożittivi fl-2020, iżda l-perjodu twil ta' investiment ifisser li l-fluss tal-flus kumulattiv, f'termini skontati, jibqa' negattiv għall-perjodu ta' projezzjoni.

Grafika 4

Id-DCF kumulattiv (f'PLN)- l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 (eskluża n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku)

[…]

(183)

Minħabba f'hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala t-test ġust biex ikun ivvalutat jekk id-deċiżjoni tal-muniċipalitajiet ta' Gdynia u Kosakowo li jiffinanzjaw il-konverżjoni tal-mitjar ta' Gdynia f'ajruport tal-avjazzjoni ċivili tikkonformax mal-MEIP. Meta twettaq l-istudju dwar il-MEIP tal-2012, id-deċiżjonijiet ta' investiment tal-azzjonisti diġà kienu ttieħdu. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-injezzjonijiet ta' kapital li saru wara li twettaq l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 ma jistgħux jitqiesu bħala deċiżjonijiet awtonomi dwar l-investiment meħuda f'iżolament, minħabba li huma jikkonċernaw l-istess proġett ta' investiment, li l-azzjonisti pubbliċi bdew iwettqu mhux aktar tard mill-2010, u li l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 jirrifletti biss aġġustamenti jew emendi għall-proġett inizjali.

L-aġġornament ta' Novembru tal-2013

(184)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-modifiki fil-pjan ta' investiment maħsubin biex jiġġeneraw dħul addizzjonali mill-bejgħ tal-karburanti mill-ajruport (mingħajr operatur estern) u biex jiġu offruti servizzi ta' navigazzjoni ma għandhomx jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-konsistenza tal-investiment mal-MEIP. Il-Polonja kkonfermat li dawn is-sorsi addizzjonali u possibbli ta' dħul ma ġewx inklużi la fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010, u lanqas fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011 jew tal-2012 imħejjija għall-ajruport ta' Gdynia, għaliex fiż-żmien meta ġew imħejjija dawn l-istudji, l-azzjonisti pubbliċi u l-kumpanija tant kienu inċerti dwar il-ksib tal-konċessjonijiet u tal-permessi neċessarji kollha biex jipprovdu tali servizzi, li ma nkludewx dan id-dħul fil-projezzjonijiet tagħhom stess (lanqas bħala xenarju ottimistiku). Billi fiż-żmien meta twettqu l-istudji dwar il-MEIP, kien improbabbli li jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet u l-konċessjonijiet meħtieġa, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidrahom b'mod retrospettiv.

Konklużjoni

(185)

Il-finanzjament pubbliku pprovdut minn Gdynia u Kosakowo lill-operatur tal-ajruport mhuwiex konformi mal-MEIP. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni tagħti vantaġġ ekonomiku lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd li ma kinitx tikseb f'kundizzjonijiet tas-suq normali.

5.1.4.   Is-Selettività

(186)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, sabiex miżura tiġi ddefinita bħala għajnuna mill-Istat, għandha tiffavorixxi “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti”. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni tinnota li l-injezzjonijiet ta' kapital jikkonċernaw biss lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd. Għaldaqstant, skont id-definizzjoni tagħhom, huma selettivi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

5.1.5.   Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

(187)

Meta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża mqabbla ma' impriżi oħrajn li jikkompetu fis-suq intern, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala li ġew milqutin minn dik l-għajnuna (68). Il-vantaġġ ekonomiku mogħti mill-miżura inkwistjoni jsaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tal-operatur tal-ajruport, billi l-operatur tal-ajruport ikun jista' jibda n-negozju tiegħu mingħajr ma jkollu bżonn iġarrab il-kostijiet operattivi u tal-investiment inerenti.

(188)

Kif ġie vvalutat fit-Taqsima 5.1.1, l-operat ta' ajruport huwa attività ekonomika. Minn naħa, hemm kompetizzjoni bejn l-ajruporti sabiex jattiraw il-kumpaniji tal-ajru u t-traffiku tal-ajru korrispondenti (il-passiġġieri u l-merkanzija) u, min-naħa l-oħra, bejn l-operaturi tal-ajruporti, li jistgħu jikkompetu bejniethom sabiex jiġu fdati bl-amministrazzjoni ta' ajruport partikolari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza, b'mod partikolari fir-rigward tal-LCCs, li l-ajruporti li jinsabu f'żoni ta' lħuq differenti u fi Stati Membri differenti jaf ikunu wkoll f'kompetizzjoni ma' xulxin sabiex jattiraw dawk il-kumpaniji tal-ajru. Il-Kummissjoni tinnota li l-ajruport ta' Gdynia ser jilqa' fih madwar […] 000 passiġġier sal-2020 u sa miljun passiġġier fl-2030.

(189)

Kif issemma fil-paragrafu 40 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, mhuwiex possibbli li jiġu esklużi lanqas ajruporti żgħar mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li dawn jikkompetu ma' ajruporti żgħar oħrajn biex jattiraw, b'mod partikolari, it-traffiku tal-LCC u tat-titjiriet charter. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri kapaċi jintlaqtu.

(190)

Abbażi tal-argumenti ppreżentati fil-premessi 187 sa 189, il-vantaġġ ekonomiku mogħti lill-operatur tal-ajruport ta' Gdynia jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fil-konfront tal-kompetituri tiegħu fis-suq tal-Unjoni ta' fornituri ta' servizzi fl-ajruporti. Għaldaqstant, il-finanzjament pubbliku li qiegħed jiġi eżaminat jikkawża distorsjoni jew jhedded li jikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni u jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.1.6.   Il-Konklużjoni

(191)

Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati fil-premessi 101 sa 190, il-Kummissjoni tqis li l-injezzjonijiet ta' kapital mogħtija lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Billi l-finanzjament diġà kien tpoġġa għad-dispożizzjoni ta' Gdynia-Kosakowo Airport Ltd, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Polonja naqset milli tikkonforma mal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 108(3) TFUE (69).

5.2.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(192)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk l-għajnuna inkwistjoni tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern. Kif deskritt iktar 'il fuq, l-għajnuna tikkonsisti fil-finanzjament tal-kostijiet tal-investiment marbuta mat-twaqqif tal-ajruport ta' Gdynia u t-telf operattiv matul l-ewwel snin tal-operat tal-ajruport (jiġifieri sal-2019, skont l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 u anke dak tal-2012).

5.2.1.   L-Applikabbiltà tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 u tal-2005

(193)

L-Artikolu 107(3) TFUE jipprevedi għal numru ta' eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE li tistipula li l-għajnuna mill-Istat mhijiex kompatibbli mas-suq intern. L-għajnuna inkwistjoni tista' tiġi vvalutata abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li jistipula li: “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”, tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

(194)

F'dan ir-rigward, il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 u l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru tal-31 ta' Marzu 2014 (“il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014”) (70) jipprovdu oqfsa għall-valutazzjoni ta' jekk l-għajnuna lil ajruporti tistax tiġi dikjarata bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

(195)

Skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (71) japplika għall-għajnuna illeċita għall-investiment lill-ajruporti. F'dan ir-rigward, jekk l-għajnuna illeċita għall-investiment ingħatat qabel l-4 ta' April 2014, il-Kummissjoni ser tapplika r-regoli ta' kompatibbiltà fis-seħħ dak iż-żmien li ngħatat l-għajnuna illeċita għall-investiment. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ser tapplika l-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni għall-għajnuna illeċita għall-investiment lill-ajruporti li ngħatat qabel l-4 ta' April 2014. (72)

(196)

Skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, id-dispożizzjonijiet tal-avviż dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna illeċita mill-Istat ma għandux japplika għal każijiet pendenti ta' għajnuna operatorja illegali lill-ajruporti mogħtija qabel l-4 ta' April 2014. Minflok, il-Kummissjoni ser tapplika l-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 għall-każijiet kollha li jikkonċernaw l-għajnuna operatorja (notifiki pendenti u għajnuna illeċita mhux notifikata) lill-ajruporti, anke jekk l-għajnuna ngħatat qabel l-4 ta' April 2014 (73).

(197)

L-injezzjonijiet ta' kapital jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illeċita lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd li ngħatat qabel l-4 ta' April 2014 (ara l-premessa 191).

5.2.2.   Id-distinzjoni bejn investiment u għajnuna operatorja

(198)

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 imsemmija fil-premessi 196 — 197, il-Kummissjoni trid tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwix għajnuna operatorja jew investiment illeċitu.

(199)

Skont il-punt 25(18) tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, l-għajnuna għall-investiment hija ddefinita bħala “għajnuna biex ikunu ffinanzjati assi kapitali (fissi); speċifikament, biex tkopri d-diskrepanza tal-likwidità fl-ispejjeż kapitali”.

(200)

Min-naħa l-oħra, għajnuna operatorja tfisser għajnuna li tkopri n-nuqqas bejn id-dħul tal-ajruport u l-kostijiet tal-operat, u dawn tal-aħħar huma ddefiniti bħala “l-ispejjeż sottostanti (…) f'dak li hu forniment ta' servizzi tal-ajruport, inkluż kategoriji ta' spejjeż bħall-ispiża ta' persunal, servizzi b'kuntratt, komunikazzjonijiet, skart, enerġija, manutenzjoni, kera u amministrazzjoni, iżda jeskludu l-ispejjeż kapitali, is-sostenn ta' kummerċjalizzazzjoni jew kwalunkwe inċentivi oħra mogħtija lil-linji tal-ajru mill-ajruport, u l-ispejjeż li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' politika pubblika” (74).

(201)

Fid-dawl ta' dawn id-definizzjonijiet, l-għajnuna mill-Istat favur Gdynia-Kosakowo Airport Ltd trid tiġi kkunsidrata bħala għajnuna għall-investiment billi kienet destinata li tiffinanzja assi kapitali fissi. Il-parti tal-injezzjonijiet ta' kapital annwali li tkopri t-telf tal-operatur tal-ajruport li mhuwiex inkluż fl-EBITDA (jiġifieri, id-deprezzament annwali tal-assi, il-kostijiet tal-finanzjament, eċċ.) esklużi l-kostijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku, skont ma' huwa stabbilit fil-premessi 102 sa 107, ukoll tikkostitwixxi għajnuna għall-investiment.

(202)

Min-naħa l-oħra, il-parti tal-injezzjonijiet ta' kapital annwali li ntużat biex tkopri t-telf operatorju annwali (75) ta' Gdynia-Kosakowo Airport Ltd, wara li jitnaqqsu l-kostijiet inklużi fl-EBITDA kkunsidrati li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku, skont ma' huwa stabbilit fil-premessi 102 — 107, tikkostitwixxi għajnuna operatorja favur l-operatur tal-ajruport.

5.2.3.   L-għajnuna għall-investiment

(203)

L-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruport tkun kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE jekk tkun konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 61 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005:

(i)

Il-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura jissodisfaw objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni (l-iżvilupp reġjonali, l-aċċessibbiltà, eċċ.)

(ii)

l-infrastruttura tkun neċessarja u proporzjonali għall-objettiv li jkun ġie stabbilit;

(iii)

l-infrastruttura jkollha prospetti sodisfaċenti għall-użu fuq terminu medju, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-infrastruttura eżistenti

(iv)

l-utenti potenzjali kollha tal-infrastruttura jkollhom aċċess għaliha b'mod ugwali u mhux diskriminatorju;

(v)

l-iżvilupp tal-kummerċ ma jintlaqatx tant li jmur kontra l-interess tal-Unjoni.

(204)

Barra minn hekk, sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern, l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti, bħal kull miżura oħra ta' għajnuna mill-Istat, għandu jkollha effett ta' inċentiv u tkun neċessarja u proporzjonali għall-objettiv leġittimu segwit.

(205)

Il-Polonja hija tal-opinjoni li l-finanzjament pubbliku tal-proġett ta' konverżjoni fil-mitjar ta' Gdynia huwa konformi mal-kriterji kollha għall-għajnuna għall-investiment imsemmija fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005.

(i)   Il-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura jissodisfaw objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni (l-iżvilupp reġjonali, l-aċċessibbiltà, eċċ.)

(206)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Pomerania diġà hija moqdija b'mod effiċjenti mill-ajruport ta' Gdańsk, li jinsab biss madwar 25 km bogħod mill-ajruport ġdid li huwa ppjanat.

(207)

L-ajruport ta' Gdańsk jinsab ħdejn ir-ring road ta' Tricity, li hija parti mit-triq express S6 li tgħaddi minn madwar Gdynia, Sopot u Gdańsk u li tipprovdi aċċess faċli għall-ajruport lill-biċċa l-kbira tal-abitanti tal-Pomerania. Anke għall-abitanti stess ta' Gdynia, il-kostruzzjoni ta' ajruport ġdid ma twassalx minnha nnifisha għal titjib sostanzjali fil-konnettività, minħabba li kemm l-ajruport ta' Gdynia kif ukoll dak ta' Gdańsk jinsabu madwar 20-25 minuta bogħod bil-karozza miċ-ċentru ta' Gdynia.

(208)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-konnessjoni tat-Tricity Metropolitan Rail li qiegħda tinbena bħalissa b'kofinanzjament mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni ser tkun qiegħda tippermetti lir-residenti ta' Gdańsk u Gdynia jivvjaġġaw direttament miċ-ċentru tal-belt tagħhom lejn l-ajruport ta' Gdańsk f'madwar 25 minuta. It-Tricity Metropolitan Rail mistennija tipprovdi wkoll lin-nies f'żoni oħrajn tal-Pomerania b'konnessjonijiet tal-ferrovija diretti jew indiretti lejn l-ajruport ta' Gdańsk.

(209)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-ajruport ta' Gdańsk bħalissa għandu kapaċità ta' ħames miljun passiġġier fis-sena, filwaqt li t-traffiku proprju tal-passiġġieri mill-2010 sal-2013 kien kif ġej: 2010 — 2,2 miljuni, 2011 – 2,5 miljuni, 2012 – 2,9 miljuni, 2013 – 2,8 miljuni. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ajruport ta' Gdańsk bħalissa qiegħed jiġi estiż sabiex jibda jakkomoda seba' miljun passiġġier fis-sena. Dan l-investiment għandu jitlesta fl-2015.

(210)

Barra minn hekk, skont il-previżjoni tat-traffiku pprovduta mill-Polonja għall-Pomerania u li ntużat fit-tħejjija tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012, id-domanda totali fir-reġjun ser tkun ta' […] miljun passiġġier fis-sena […].

Tabella 9

Il-projezzjonijiet tat-traffiku għall-Pomerania (f'miljuni)

2013

2015

2017

2019

2020

2023

2026

2027

2028

2030

2,8

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

7,7

(211)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, il-pjan prinċipali għall-ajruport ta' Gdańsk jipprevedi għal espansjoni ulterjuri tal-ajruport sabiex jakkomoda aktar minn 10 miljun passiġġier fis-sena. Għalhekk, skont l-iżvilupp tat-traffiku, fil-ġejjieni tista' tittieħed deċiżjoni li l-kapaċità tal-ajruport ta' Gdańsk tiġi estiża sabiex ikun jista' jakkomoda aktar minn seba' miljun passiġġier.

(212)

Skont il-Polonja, il-previżjoni aġġornata (imħejjija f'Marzu tal-2013) turi li d-domanda fiż-żona ta' lħuq mistennija tkun ogħla mill-projezzjonijiet tat-traffiku fl-2012. Skont il-projezzjonijiet immodifikati, id-domanda fiż-żona ta' lħuq ser tkun ta' madwar disa' miljun passiġġier fl-2030. Madankollu, anke din il-previżjoni turi li l-ajruport ta' Gdańsk waħdu jkun biżżejjed, mingħajr aktar investiment, biex jissodisfa d-domanda fir-reġjun mill-inqas sal-2025 (abbażi tal-previżjonijiet tat-traffiku aġġustati li huma deskritti fil-premessa 63).

(213)

Barra minn hekk, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, il-kapaċità attwali tar-runway fl-ajruport ta' Gdańsk hija ta' 40-44 operazzjoni fis-siegħa, filwaqt li l-medja tal-użu bħalissa hija ta' 4.7 operazzjonijiet fis-siegħa.

(214)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja (ara l-premessi 209 sa 213 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni tosserva li fis-snin li ġejjin ser tkun qiegħda tintuża biss madwar 50-60 % tal-kapaċità tal-ajruport ta' Gdańsk. Minħabba f'hekk, anke bit-tkabbir rapidu fl-ammonti ta' passiġġieri fil-Pomerania, l-ajruport ta' Gdańsk ser ikun jista' jissodisfa d-domanda mill-kumpaniji tal-ajru u mill-passiġġieri għal żmien twil.

(215)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-ajruport ta' Gdańsk joffri aktar minn 40 destinazzjoni nazzjonali u internazzjonali (kemm konnessjonijiet minn punt għal ieħor, kif ukoll konnessjonijiet lejn ċentri bħal Frankfurt, Munich, Varsavja u Copenhagen).

(216)

Kif issemma fil-premessa 78, il-Polonja ssostni, minn naħa waħda, li l-kamp ta' applikazzjoni għall-espansjoni tal-kapaċità fl-ajruport ta' Gdańsk huwa limitat għal raġunijiet ambjentali u ta' ppjanar. Min-naħa l-oħra, issostni wkoll li ma hemm ebda limiti fuq il-kamp ta' applikazzjoni għall-espansjoni tal-kapaċità fl-ajruport ta' Gdańsk. Billi l-argumenti li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet fuq l-espansjoni tal-kapaċità huma kontradittorji u b'ebda mod ma huma ssostanzjati, il-Kummissjoni tqis li hija ma tistax tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuqhom.

(217)

Fid-dawl tal-kapaċità żejda fl-ajruport ta' Gdańsk, li fit-tul mhux ser tkun qiegħda tintuża kompletament, kif ukoll il-pjan li tkompli tiġi estiża l-kapaċità f'dak l-ajruport jekk ikun hemm bżonn fuq terminu itwal, il-Kummissjoni ma temminx li l-ħolqien ta' ajruport ieħor fil-Pomerania għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reġjun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Pomerania diġà għandha konnessjonijiet tajbin grazzi għall-ajruport ta' Gdańsk u li ajruport ġdid mhux mistenni jtejjeb il-konnessjonijiet ma' dan ir-reġjun.

(218)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-mudell kummerċjali għall-ajruport ta' Gdynia jissuġġerixxi li dan ser ikun qiegħed jikkompeti għall-passiġġieri mal-ajruport ta' Gdańsk fis-swieq tal-LCC, tat-titjiriet charter u tal-avjazzjoni ġenerali. Barra minn hekk, il-ħolqien ta' ajruport ġdid bil-ħsieb li jservi bħala ajruport ta' riserva f'każ ta' emerġenza ma jistax jiġġustifika l-iskala ta' investiment fl-ajruport ta' Gdynia.

(219)

Kif jissemma fil-premessa 77, il-Polonja tirreferi għall-“Istrateġija dwar l-iżvilupp tat-trasport reġjonali fil-provinċja ta' Pomorskie għall-2007 — 2020” li skont il-Polonja rrikonoxxiet il-ħtieġa li jinbena ċentru ta' ajruporti li jikkollaboraw mill-qrib u li jaqdu lill-Pomerania.

(220)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-“Istrateġija dwar l-iżvilupp tat-trasport reġjonali fil-provinċja ta' Pomorskie għall-2007 — 2020” tippreżenta biss id-direzzjonijiet strateġiċi possibbli li fihom it-trasport fir-reġjun jista' jew għandu jiġi żviluppat. Il-konklużjonijiet dwar l-ajruport ta' Gdynia huma ta' natura ġenerali ferm. Barra minn hekk, id-dokument ma jistabbilixxi ebda miżura implimentattiva li tassigura l-użu tal-ajruport ta' Gdynia għall-avjazzjoni ċivili. Lanqas ma jimponi xi obbligi fir-rigward ta' dan l-objettiv. Kuntrarjament, id-dokument jisħaq li “Il-pjanijiet għall-iżvilupp ta' attivitajiet kummerċjali fl-ajruporti ta' Gdynia Kosakowo jew Slupsk Redzikowo għandhom l-ewwel nett ikunu direzzjonati lejn kapaċità li hija ekonomikament vijabbli u li tissodisfa d-domanda eżistenti u l-possibbiltà ta' mmaniġġar tal-merkanzija meta jkun irendi profitt.”

(221)

B'mod simili, l-ittra ta' intenzjoni ffirmata fid-29 ta' April 2005 mill-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali, il-Ministeru tat-Trasport, l-ajruport ta' Gdańsk u diversi awtoritajiet reġjonali (imsemmija fil-premessa 21 ta' din id-Deċiżjoni) hija ta' karattru ġenerali ferm, li tesprimi biss l-intenzjoni li tiddaħħal l-avjazzjoni ċivili fil-mitjar militari ta' Kosakowo.

(222)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li b'segwitu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/883/UE, il-gvernatur tal-provinċja ta' Pomorskie flimkien mas-sindki ta' Gdańsk u ta' Sopot (tnejn mit-tlett ibliet il-kbar fir-reġjun u azzjonisti fl-ajruport ta' Gdańsk) għamlu stqarrija bil-miktub. F'din l-istqarrija huma ddikjaraw li huma ma kinux iffirmaw l-ittra tad-29 ta' April 2005 bl-intenzjoni li jibdew il-kostruzzjoni ta' ajruport ġdid f'Gdynia. Skont l-istqarrija, l-ittra ta' intenzjoni ġiet iffirmata biss biex tkun issalvagwardjata l-infrastruttura tal-mitjar militari eżistenti għall-kooperazzjoni fil-ġejjieni ta' dan il-mitjar militari mal-ajruport ta' Gdańsk. F'dan il-kuntest, l-ajruport ta' Gdynia jista' jaqdi biss it-traffiku tal-avjazzjoni ġenerali.

(223)

L-awtoritajiet lokali saħqu wkoll li d-deċiżjoni li jitwaqqaf l-ajruport ta' Gdynia kienet deċiżjoni indipendenti ta' Gdynia u ta' Kosakowo, li kienu mgħarrfin darba wara l-oħra li dan l-investiment ma kellu l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika.

(224)

F'ittra datata s-6 ta' Awwissu 2013, il-Polonja ħabbret li l-azzjonisti tal-ajruport ta' Gdańsk (inkluża Gdynia) fit-30 ta' Lulju 2013 (jiġifieri wara l-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali) kienu ddeċidew li jistabbilixxu grupp ta' ħidma sabiex janalizzaw ix-xenarji possibbli għal kooperazzjoni tal-ajruporti ta' Gdynia u ta' Gdańsk. F'ittra datata t-30 ta' Ottubru 2013 (ipprovduta lill-Kummissjoni fl-4 ta' Novembru 2013), is-Sindku ta' Gdynia rrapporta li l-grupp ta' ħidma kien irrakkomanda lill-azzjonisti tal-ajruport ta' Gdańsk il-fużjoni taż-żewġ ajruporti tal-Pomerania (billi l-ajruport ta' Gdańsk jakkwiżixxi l-ajruport ta' Gdynia). Is-Sindku rrapporta wkoll li d-dettalji ta' tali fużjoni kienu għadhom qegħdin jiġu analizzati.

(225)

Fil-fehma tal-Kummissjoni, it-twaqqif tal-grupp ta' ħidma kien iddettat biss mill-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali u ma jistax jitqies bħala prova tal-implimentazzjoni ta' strateġija tat-trasport reġjonali. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx mgħarrfa dwar kull azzjoni li tikkonċerna l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ ajruporti tal-Pomerania li ttieħdet qabel jew wara. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-kooperazzjoni bejn l-ajruport ta' Gdynia u l-ajruport ta' Gdańsk fil-qafas ta' ċentru ma teliminax l-irduppjar tal-infrastruttura bla ebda bażi ta' ħtiġijiet ta' trasport

(226)

Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tqis li l-investiment fl-ajruport ta' Gdynia ser iwassal sempliċiment għall-irduppjar tal-infrastruttura fir-reġjun, li b'hekk ma jissodisfax objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni.

(ii)   L-infrastruttura hija neċessarja u proporzjonali għall-objettiv li ġie stabbilit

(227)

Kif intqal fil-premessi 206 sa 226, il-Kummissjoni tqis li ż-żona ta' lħuq tal-ajruport ta' Gdynia hija u ser tkompli tkun moqdija b'mod effiċjenti mill-ajruport ta' Gdańsk. Barra minn hekk, iż-żewġ ajruporti sejrin isegwu mudell kummerċjali simili u jiffokaw primarjament fuq l-LCCs u t-titjiriet charter.

(228)

Fin-nuqqas ta' objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni, il-Kummissjoni tqis li l-infrastruttura ma tistax titqies bħala neċessarja u proporzjonali għal objettiv ta' interess komuni (ara wkoll il-premessa 226).

(iii)   L-infrastruttura għandha prospetti sodisfaċenti għall-użu fuq terminu medju, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-infrastruttura eżistenti

(229)

Kif intqal fil-punt (i), l-ajruport ta' Gdynia jinsab biss madwar 25 km bogħod mill-ajruport eżistenti ta' Gdańsk u ż-żewġ ajruporti għandhom l-istess żona ta' lħuq u mudell kummerċjali simili.

(230)

Bħalissa l-ajruport ta' Gdańsk qiegħed jintuża f'inqas minn 60 % tal-kapaċità tiegħu. Meta jitqiesu l-investimenti li qegħdin isiru bħalissa, l-ajruport ta' Gdańsk huwa biżżejjed sabiex jilqa' għad-domanda fir-reġjun mill-inqas sal-2025-2028, jiddependi liema previżjonijiet jintużaw, u b'hekk l-espansjoni ulterjuri tiegħu hija fattibbli.

(231)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju għall-ajruport ta' Gdynia jindika li l-ajruport għandu jiġġenera madwar [80 — 90] % tad-dħul tiegħu billi jservi lit-trasportaturi bi prezzijiet baxxi u charter. Dan ifisser li l-ajruport ser ikun qiegħed jiffoka fuq is-swieq li jirrappreżentaw in-negozju prinċipali tal-ajruport ta' Gdańsk.

(232)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-Polonja ma pprovdiet l-ebda prova ta' kollaborazzjoni possibbli bejn iż-żewġ ajruporti (ara wkoll il-premessi 224 u 225).

(233)

Il-pjanijiet sabiex jiġi ġġenerat dħul minn attivitajiet oħrajn relatati mal-avjazzjoni u mhux relatati mal-avjazzjoni (il-produzzjoni u s-servizzi) minnhom stess mhumiex biżżejjed sabiex ikopru l-kostijiet operattivi għoljin relatati mat-tmexxija tal-ajruport ta' Gdynia.

(234)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-ajruport ta' Gdynia ma joffrix prospetti sodisfaċenti għall-użu fuq terminu medju.

(iv)   L-utenti potenzjali kollha tal-infrastruttura għandhom aċċess għaliha b'mod ugwali u mhux diskriminatorju

(235)

Il-Polonja kkonfermat li l-utenti potenzjali kollha jkollhom aċċess għall-infrastruttura tal-ajruport fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja mingħajr ebda diskriminazzjoni kummerċjalment mhux ġustifikata.

(v)   L-iżvilupp tal-kummerċ ma jintlaqatx tant li jmur kontra l-interess komuni

(236)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Polonja ma pprovdiet ebda prova li l-ajruporti ta' Gdynia u ta' Gdańsk ser jifformaw ċentru tal-avjazzjoni kollaborattiv. Il-loġika tissuġġerixxi li ż-żewġ ajruporti fil-fatt ser ikollhom jikkompetu sabiex essenzjalment jattiraw l-istess passiġġieri.

(237)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju tal-ajruport ta' Gdynia (fejn madwar [80 — 90] % tad-dħul jiġi ġġenerat mit-titjiriet bi prezzijiet baxxi u charter) u l-iskala tal-investiment (pereżempju terminal b'kapaċità ta' 0,5 miljun passiġġier fis-sena li mistenni jiġi estiż fil-ġejjieni) ma jissostanzjawx l-affermazzjoni li l-ajruport ta' Gdynia ser jiffoka fuq it-traffiku tal-avjazzjoni ġenerali u jipprovdi biss, jew primarjament, servizzi lis-settur tal-avjazzjoni ġenerali.

(238)

Jekk jitqies dak li ntqal iktar 'il fuq u l-fatt li ż-żewġ ajruporti ser jiffokaw fuq l-LCC u t-titjiriet charter, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija indirizzata lil ajruport li ser ikun f'kompetizzjoni diretta ma' ajruport ieħor fl-istess żona ta' lħuq, mingħajr ma hemm xi domanda għal servizzi ta' ajruport li ma tistax tiġi ssodisfata mill-ajruport eżistenti.

(239)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna inkwistjoni tolqot il-kummerċ tant li jmur kontra l-interess komuni. Din il-konklużjoni hija kkorroborata min-nuqqas ta' objettiv ta' interess komuni li l-għajnuna hija intenzjonata li tilħaq.

(vi)   In-neċessità tal-għajnuna u l-effett ta' inċentiv

(240)

Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Polonja, il-Kummissjoni tqis li l-kostijiet tal-investiment jistgħu jkunu aktar baxxi minn dawk għall-kostruzzjoni ta' ajruporti reġjonali komparabbli oħrajn fil-Polonja. Dan huwa dovut primarjament għall-użu tal-infrastruttura eżistenti fil-mitjar militari. Barra minn hekk, il-Polonja ssostni li, mingħajr l-għajnuna, l-investiment kieku ma jitwettaqx mill-operatur tal-ajruport.

(241)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-perjodu twil li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq il-punt ta' ekwilibriju għal dan it-tip ta' investiment ifisser li jista' jkun neċessarju finanzjament pubbliku sabiex jimmodifika l-imġiba tal-benefiċjarju b'tali mod li jipproċedi bl-investiment. Barra minn hekk, minħabba li l-profittabilità mistennija tal-proġett ta' investiment ma tistax tiġi stabbilita (ara l-premessa 185) u investitur f'ekonomija tas-suq kieku ma jsegwix tali proġett, huwa tabilħaqq probabbli li l-għajnuna qiegħda tbiddel l-imġiba tal-operatur tal-ajruport.

(242)

Madankollu, fin-nuqqas ta' objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma tistax titqies bħala neċessarja u proporzjonali għal dak l-objettiv.

(243)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna għall-investiment minn Gdynia u Kosakowo favur Gdynia-Kosakowo Airport Ltd ma tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 u ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

5.2.4.   L-għajnuna operatorja

(244)

Il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha tal-għajnuna operatorja fil-premessa 227 tad-Deċiżjoni 2014/883/UE abbażi tal-konstatazzjoni li “l-għoti ta' għajnuna operatorja sabiex jiġi żgurat l-operat ta' proġett ta' investiment li jibbenefika minn għajnuna għall-investiment inkompatibbli huwa inerentement inkompatibbli mas-suq intern.” Mingħajr l-għajnuna għall-investiment inkompatibbli, l-ajruport ta' Gdynia kieku ma jeżistix, peress li huwa ffinanzjat kollu kemm huwa permezz ta' dik l-għajnuna, u l-għajnuna operatorja ma tistax tingħata għall-infrastruttura tal-ajruport li ma teżistix.

(245)

Dik il-konklużjoni skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 hija valida bl-istess mod skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 u biżżejjed biex ikun konstatat li l-għajnuna operatorja mogħtija lill-operatur tal-ajruport hija inkompatibbli mas-suq intern.

(246)

Barra minn hekk, l-ewwel kundizzjoni ta' kompatibbiltà stabbilita mill-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, li skontha l-għajnuna operatorja tista' tiġi kkunsidrata kompatibbli jekk tikkontribwixxi għal objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni b'tali mod li żżid il-mobbiltà taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-konnettività tar-reġjuni jew tiffaċilita l-iżvilupp reġjonali, mhijiex evidentement issodisfata jekk l-għajnuna operatorja inkwistjoni hija mmirata sabiex tiżgura t-tħaddim ta' ajruport li nbena esklussivament b'għajnuna għall-investiment li hija inkompatibbli mas-suq intern.

(247)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-premessi 203 et seq (li juru li l-għajnuna għall-investiment mogħtija lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd, minħabba rduppjar tal-infrastruttura tal-ajruport, ma tissodisfax objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni u hija b'hekk inkompatibbli mas-suq intern skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005) juru wkoll li l-għajnuna operatorja mogħtija lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd hija inkompatibbli bl-istess mod mas-suq intern, kif ġie diġà konkluż fid-Deċiżjoni 2014/883/UE. L-għajnuna operatorja mogħtija lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd (l-istess bħall-għajnuna għall-investiment) ser twassal sempliċiment għall-irduppjar tal-infrastruttura tal-ajruport f'reġjun li jidher li diġà huwa moqdi tajjeb b'ajruport mhux konġestjonat u għaldaqstant ma tikkontribwix għal objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni.

(248)

F'ġieħ is-sħuħija, il-Kummissjoni tinnota li kienet tintlaħaq l-istess konklużjoni kieku l-għajnuna operatorja kellha tkun ivvalutata fid-dawl tar-regoli għall-għajnuna reġjonali invokati mill-Polonja. F'każ bħal dan, il-Kummissjoni jkollha tikkunsidra l-fatt li l-ajruport ta' Gdynia jinsab f'reġjun żvantaġġat li huwa kopert mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE, li permezz tagħha l-Kummissjoni jkollha tivvaluta jekk l-għajnuna operatorja inkwistjoni tistax titqies bħala kompatibbli skont ir-RAG.

(249)

Skont il-paragrafu 76 tar-RAG, l-għajnuna operatorja f'reġjuni koperti mid-deroga fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE tista' tingħata, dment li jiġu ssodisfati l-kriterji kumulattivi li ġejjin: (i) tkun ġustifikata f'termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp reġjonali u n-natura tagħha u (ii) il-livell tagħha jkun proporzjonali għan-nuqqasijiet li tfittex li ttaffi.

(250)

Il-Polonja hija tal-opinjoni li l-għajnuna operatorja hija kompatibbli mal-paragrafu 76 tar-RAG (ara l-premessi 95 sa 97).

(251)

Billi l-Pomerania diġà hija moqdija mill-ajruport ta' Gdańsk u l-ajruport il-ġdid mhuwiex ser itejjeb il-konnessjonijiet ma' dan ir-reġjun, il-Kummissjoni ma għandhiex il-kapaċità tikkonkludi li l-għajnuna tkun qiegħda tikkontribwixxi għall-iżvilupp reġjonali.

(252)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna operatorja ma tistax titqies li hija proporzjonali għan-nuqqasijiet li qiegħda tfittex li ttaffi, minħabba li ma jidhirx li l-Pomerania qiegħda tbati minn xi nuqqas ta' konnettività.

(253)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna operatorja vvalutata ġiet allokata sabiex tiffinanzja ġabra predefinita ta' nfiq. Madankollu, fid-dawl tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju għall-ajruport ta' Gdynia u tal-valutazzjoni tagħha tal-livell tad-dħul u l-kostijiet previsti li ġew ippreżentati fit-Taqsima 5.1.3, ma jistax jiġi konkluż li l-għajnuna tkun limitata għal minimu neċessarju, tingħata fuq bażi tranżitorja u tkun digressiva. B'mod partikolari, fir-rigward tal-inċertezzi f'dak li għandu x'jaqsam mal-profittabilità mistennija tal-operatur tal-ajruport (ara t-taqsima dwar l-eżistenza tal-għajnuna), in-natura tranżitorja u d-digressività tal-għajnuna ma jistgħux jiġu żgurati.

(254)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna operatorja favur Gdynia-Kosakowo airport Ltd mogħtija minn Gdynia u minn Kosakowo hija inkompatibbli mas-suq intern, billi hija mmirata li tiżgura t-tħaddim ta' ajruport li jeżisti biss minħabba għajnuna għall-investiment inkompatibbli u (l-istess bħal dik l-għajnuna għall-investiment) u twassal sempliċiment għall-irduppjar fl-infrastruttura tal-ajruport.

5.2.5.   Il-konklużjoni dwar il-kompatibbiltà

(255)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd hija inkompatibbli mas-suq intern.

(256)

Il-Kummissjoni ma identifikat ebda dispożizzjoni oħra li tikkonċerna l-kompatibbiltà mas-suq intern li tista' tipprovdi bażi sabiex l-għajnuna inkwistjoni titqies bħala kompatibbli mat-Trattat. Il-Polonja lanqas ma invokat xi dispożizzjoni li tikkonċerna l-kompatibbiltà mas-suq intern jew ipprovdiet argumenti sostanzjali li jippermettu lill-Kummissjoni tqis din l-għajnuna bħala kompatibbli.

(257)

L-għajnuna operatorja u għal investiment li l-Polonja tat jew beħsiebha tagħti favur Gdynia-Kosakowo Airport Ltd hija inkompatibbli mas-suq intern. Il-Polonja implimentat l-għajnuna b'mod illeċitu u fi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

6.   L-IRKUPRU

(258)

F'konformità mat-TFUE u mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jabolixxi jew ibiddel l-għajnuna meta ssib li din hija inkompatibbli mas-suq intern (76). Il-Qorti konsistentement sostniet ukoll li l-obbligu ta' Stat li jabolixxi l-għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala li hija inkompatibbli mas-suq intern huwa intiż sabiex ireġġa' lura s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (77). F'dan il-kuntest, il-Qorti ddikjarat li l-objettiv jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta' għajnuna illeċita, sabiex b'hekk jintilef il-vantaġġ li jkun gawda fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq u s-sitwazzjoni titreġġa' lura għal kif kienet qabel tħallset l-għajnuna (78).

(259)

B'segwitu għal dik il-ġurisprudenza, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/99 (79) jistipula li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju.”

(260)

Għaldaqstant, l-għajnuna mill-Istat imsemmija iktar 'il fuq trid titħallas lura lill-awtoritajiet Pollakki, sakemm din tkun ġiet żborżata.

(261)

Il-Kummissjoni tfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li l-impriżi jkunu jinsabu f'diffikultajiet jew ikunu falluti ma jaffettwax l-obbligu tal-Istat Membru li jirkupra l-għajnuna (80). F'dawn il-każijiet, it-treġġigħ lura tas-sitwazzjoni preċedenti u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija b'mod illeċitu jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi d-dejn relatat mal-ħlas lura ta' tali għajnuna jiġi rreġistrat fl-iskeda tal-passiv (81). Fil-każ li l-awtoritajiet tal-Istat ma jkunux jistgħu jirkupraw l-ammont kollu tal-għajnuna, ir-reġistrazzjoni tad-dejn tissodisfa l-obbligu ta' rkupru biss jekk il-proċedura ta' falliment twassal għall-istralċ tal-impriża kkonċernata, jiġifieri għall-waqfien definittiv tal-attività tagħha (82),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/883/UE hija rtirata.

Artikolu 2

1.   L-injezzjonijiet ta' kapital favur Gdynia-Kosakowo Airport Ltd bejn it-28 ta' Awwissu 2007 u s-17 ta' Ġunju 2013 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li ddaħħlet fis-seħħ b'mod illeċitu mill-Polonja fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li hija inkompatibbli mas-suq intern, għajr sa fejn dawn l-injezzjonijiet ta' kapital ma ntefqux fuq investimenti neċessarji sabiex jitwettqu l-attivitajiet li abbażi tad-Deċiżjoni C(2013) 4045 final iridu jiġi kkunsidrati li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku.

2.   L-injezzjonijiet ta' kapital li l-Polonja qiegħda tippjana li timplimenta favur Gdynia-Kosakowo Airport Ltd wara s-17 ta' Ġunju 2013 għall-konverżjoni tal-mitjar militari ta' Gdynia-Kosakowo f'ajruport tal-avjazzjoni ċivili jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern. Skont dan, l-għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi implimentata.

Artikolu 3

1.   Il-Polonja tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) mingħand il-benefiċjarju.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati jiżdiedu bl-imgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru attwali tagħhom. L-imgħax jiġi kkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (83).

3.   Il-Polonja tikkanċella l-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(2) b'effett mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 3(2) ikun immedjat u effettiv.

2.   Il-Polonja tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, il-Polonja tippreżenta l-informazzjoni sussegwenti lill-Kummissjoni:

a)

l-ammont totali (il-prinċipal u l-imgħax ta' rkupru) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

b)

id-deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li ttieħdu diġà u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni;

c)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju kien ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Il-Polonja żżomm lill-Kummissjoni mgħarrfa dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 3(2). Din tippreżenta minnufih, fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu diġà u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni. Din tipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata li tikkonċerna l-ammonti ta' għajnuna u imgħax li jkunu diġà ġew irkuprati mill-benefiċjarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 243, 23.8.2013, p. 25.

(2)  B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Iż-żewġ settijiet ta' dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE, fejn ikun xieraq. It-TFUE introduċa wkoll għadd ta' bidliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta' “Komunità” minn “Unjoni” u “suq komuni” minn “suq intern”. Matul din id-Deċiżjoni ser tintuża t-terminoloġija tat-TFUE.

(3)  Id-Deċiżjoni bin-numru tal-każ C(2013) 4045 final innotifikata lill-Polonja ġiet ippubblikata flimkien ma' sommarju fil-ĠU C 243, 23.8.2013, p. 25.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/883/UE tal-11 ta' Frar 2014 dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (ex 13/NN u ex 12/N) — il-Polonja — It-twaqqif tal-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo (ĠU L 357, 12.12.2014, p. 51).

(5)  Dawn l-applikazzjonijiet ġew irreġistrati rispettivament bħala l-Kawża T-215/14 u l-Kawża T-217/14.

(6)  Id-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-215/14 R Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2014:733; Id-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-217/14 R Gmina Kosakowo vs Il-Kummissjoni, mhux ippubblikat.

(7)  L-ittri mill-President tal-Uffiċju għall-Kompetizzjoni u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tat-30 ta' Ġunju 2014 u tat-8 ta' Jannar 2015.

(8)  Abbażi tar-rotta magħżula, id-distanza bil-karozza bejn l-ajruporti ta' Gdynia u ta' Gdańsk hija ta' bejn 26 u 29 kilometru; sors: Google maps, Bing maps. L-ajruport ta' Gdańsk huwa proprjetà ta' u operat minn Gdańsk Lech Wałęsa Airport Ltd, kumpanija li twaqqfet minn entitajiet pubbliċi. Il-kapital azzjonarju tal-kumpanija jinqasam kif ġej: il-belt ta' Gdańsk (32 %), il-provinċja ta' Pomorskie (32 %), “Polish Airports” State Enterprise (31 %), il-belt ta' Sopot (3 %) u l-belt ta' Gdynia (2 %). L-ajruport Gdańsk Lech Wałęsa (minn hawn 'il quddiem “l-ajruport ta' Gdańsk”) huwa t-tielet l-akbar ajruport fil-Polonja. Fl-2012 laqa' 2,9 miljun passiġġier (2,7 miljuni fuq servizzi tal-ajru skedati u 0,2 miljuni fuq titjiriet charter).

It-tmien kumpaniji tal-ajru li ġejjin joffru servizzi tal-ajru skedati mill-ajruport ta' Gdańsk (Jannar tal-2014): Wizzair (22 destinazzjoni), Ryanair (sebgħa destinazzjonijiet), Eurolot (erbgħa destinazzjonijiet), LOT (żewġ destinazzjonijiet), Lufthansa (żewġ destinazzjonijiet), SAS (żewġ destinazzjonijiet), Air Berlin (destinazzjoni waħda) u Norwegian (destinazzjoni waħda). Minn mindu nfetaħ terminal ġdid f'Mejju tal-2012, l-ajruport ta' Gdańsk għandu l-kapaċità li jilqa' ħames miljun passiġġier fis-sena. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, l-estensjoni tat-terminal (skedata għall-perjodu bejn l-2013 u l-2015) ser iżżid il-kapaċità tal-ajruport għal seba' miljun passiġġier. L-investiment fl-ajruport ta' Gdańsk kien iffinanzjat ukoll bl-użu ta' għajnuna mill-Istat (ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2008 fil-każ N 153/08 — EUR 1,7 miljun (ĠU C 46, 25.2.2009, p. 7); id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2009 fil-każ N 472/08 dwar l-għajnuna mill-Istat, li b'riżultat tagħha l-Polonja tat għotja ta' madwar EUR 33 miljun għall-ajruport ta' Gdańsk (ĠU C 79, 2.4.2009, p. 2)).

(9)  Il-mitjar militari eżistenti ta' Gdynia-Oksywie jinsab fuq il-fruntiera bejn il-belt ta' Gdynia u l-muniċipalità ta' Kosakowo.

(10)  L-ittra ġiet iffirmata mill-awtoritajiet tal-provinċja ta' Pomorskie, il-bliet ta' Gdańsk, Gdynia u Sopot, il-muniċipalità ta' Kosakowo u rappreżentanti tal-gvern Pollakk (il-gvernatur tal-provinċja ta' Pomorskie, il-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali u l-Ministeru tat-Trasport) u l-ajruport ta' Gdańsk.

(11)  Il-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2008, Nru 144, punt 901 (Dz. U. Nr 144, poz. 901)

(12)  Din il-klawsola timplementa l-Artikolu 4h(2) tal-Att tat-30 ta' Mejju 1996, kif emendat.

(13)  Il-ftehim operattiv jistipula li l-kondiviżjoni tal-kostijiet tal-operat ser tkun koperta minn ftehim separat (paragrafu 5(5)), filwaqt li l-kondiviżjoni tal-kostijiet tal-investiment u tar-rinnovazzjoni ser tkun is-suġġett ta' ftehimiet separati li jridu jiġu ffirmati miż-żewġ partijiet qabel kull xogħol ta' rinnovazzjoni jew investiment ġdid (paragrafu 9(7)).

(14)  Il-kostijiet tal-investiment ippreżentati f'din il-parti jirriflettu l-proġett ta' investiment fin-notifika tal-Polonja tas-7 ta' Settembru 2012 u l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 ipprovdut flimkien man-notifika.

(15)  Ir-rata tal-kambju użata għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni hija EUR 1 = PLN 4, li tikkorrispondi għar-rata tal-kambju medja ta' kull ġimgħa għall-2010. Sors: Eurostat.

(16)  Fil-fehma tal-Polonja, l-investiment li jaqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku jinkludi bini u tagħmir għall-pumpiera, għall-uffiċjali doganali, għall-gwardji tas-sigurtà fl-ajruporti, għall-uffiċjali tal-pulizija u għall-gwardji tal-fruntieri, ċint tal-wajer mad-dawra tal-ajruport mgħammar b'sorveljanza bil-vidjo, eċċ.

(17)  F'termini nominali.

(18)  Il-Valur Preżenti Nett jindika jekk ir-redditu fuq proġett partikolari jaqbiżx il-kostijiet (tal-għażla) tal-kapital. Proġett jitqies li huwa ekonomikament vijabbli jekk jiġġenera NPV pożittiv. L-investimenti li jipproduċu redditu aktar baxx mill-kostijiet (tal-għażla) tal-kapital mhumiex ekonomikament vijabbli. Il-kostijiet (tal-għażla) tal-kapital huma riflessi fir-rata tal-iskont.

(19)  Il-Valur Terminali huwa l-valur attwali tal-flussi tal-flus kollha ġġenerati wara li jintemm il-perjodu ta' projezzjoni. Dan jassumi li l-proġett huwa għal dejjem u ser jikber b'rata ta' tkabbir stabbilita minn qabel (f'dan il-każ, ibbażata fuq il-valur tal-ekwità tal-operatur tal-ajruport fl-aħħar sena tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ppreżentat).

(20)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji gwida tal-Komunità dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lill-kumpaniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1).

(21)  Il-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-perjodu 2007-2013 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13).

(22)  Ir-rata ta' redditu interna ta' investiment hija r-rata tal-iskont li biha l-valur preżenti nett ikun ugwali għal żero. Normalment l-IRR titqabbel mal-kost tal-kapital.

(23)  Ir-regoli applikabbli dak iż-żmien ġew stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(24)  Il-pjan prinċipali għall-proġett ta' investiment identifika l-miżuri differenti li huma meneċessarjia għall-konverżjoni tal-ajruport.

(25)  Il-metodu FCFF jintuża sabiex jiġi kkalkolat il-qligħ tal-impriża qabel l-imgħax u t-taxxi (earnings before interest and taxes,EBIT) kull sena, billi jżid id-deprezzament u l-amortizzazzjoni (billi dawn huma spejjeż mhux fi flus) u jnaqqas il-ħtiġijiet tal-investiment, il-bidliet fil-kapital tax-xogħol u t-taxxi (Ara t-Tabella 5 tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010).

(26)  Il-kost medju ponderat tal-kapital huwa r-rata li kumpanija mistennija tħallas lid-detenturi tat-titoli kollha tagħha sabiex tiffinanzja l-assi tagħha.

(27)  Din hija bbażata fuq rata mingħajr riskju ta' […] %, primjum tar-riskju ta' kreditu ta' […] %, rata tat-taxxa korporattiva ta' 19 %, beta ta' […], primjum tar-rata fis-suq ta' […] % u struttura ta' kapital ta' […] % f'dejn u […] % f'ekwità (Ara t-Taqsima 4.4 fil-paġna 21 tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010). Il-Kummissjoni tinnota li l-kalkoli ppreżentati mill-Polonja jidhru li jindikaw li ntuża WACC bi struttura ta' terminu 'l isfel għall-istudju dwar il-MEIP.

(28)  Ir-rata mingħajr riskju żdiedet għal […] % u l-beta żdiedet għal […]. L-istruttura tal-kapital ġiet immodifikata billi żdied is-sehem tad-dejn ([…] %) u tnaqqas dak tal-ekwità ([…] %).

(29)  FCFE = FCFF + il-krediti u s-self meħuda — krediti u self imħallsa lura — imgħax fuq krediti u self. Meta mqabbel mal-FCFF, il-FCFE huwa skontat b'rata ta' redditu fuq l-ekwità li dejjem tkun ogħla mill-WACC. B'riżultat ta' dan, in-NPV juri liema parti mir-redditu fuq l-investiment hija disponibbli għall-azzjonisti (investituri tal-ekwità). Għalhekk, in-NPV ikkalkolat abbażi tal-FCFE ma jirriflettix ir-redditu globali fuq l-investiment, jiġifieri r-redditu għall-azzjonisti u r-redditu għall-kredituri.

(30)  Sabiex ikun jirrifletti d-differenzi fl-istruttura tal-finanzjament tipika tal-kumpaniji tal-ajruport u tal-kumpaniji li jipprovdu servizzi fl-ajruport, ir-redditu fuq l-ekwità ta' dawn il-kumpaniji tal-aħħar ġie miżjud qabel ġew ikkalkolati l-medji.

(31)  Ir-rata mingħajr riskju tnaqqset għal […] % u l-beta tnaqqset għal […].

(32)  It-Tricity hija żona urbana li tikkonsisti fi tlett ibliet ewlenin fil-Pomerania (Gdańsk, Gdynia u Sopot). Fil-preżent hemm tliet ajruporti fiż-żona ta' Tricity: l-Ajruport Lech Wałęsa fi Gdańsk, il-mitjar militari fi Pruszcz Gdański u l-mitjar militari fuq il-fruntiera bejn Gdynia u Kosakowo (Gdynia-Oksywie).

(33)  Il-Kawża C-35/96 Il-Kummissjoni vs l-Italja [1998], EU:C:1998:303/[1998] Ġabra I-3851; C-41/90 Höfner u Elser [1991], EU:C:1991:161/[1991] Ġabra I-1979; il-Kawża C-244/94 Fédération Française des Sociétés d'Assurances vs Ministère de l'Agriculture et de la Pêche [1995] EU:C:1995:392/[1995] Ġabra I-4013; il-Kawża C-55/96 Job Centre, EU:C:1997:603/[1997] Ġabra I-7119.

(34)  Il-Kawża C-35/85 Il-Kummissjoni vs l-Italja [1987], EU:C:1987:283/[1987] Ġabra I-2599; Il-Kawża C-35/96 Il-Kummissjoni vs l-Italja [1998], EU:C:1998:303/[1998] Ġabra I-3851;

(35)  Il-Kawżi Konġunti T-455/08 Flughafen Leipzig-Halle GmbH u Mitteldeutsche Flughafen AG vs il-Kummissjoni u T-443/08 Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs il-Kummissjoni, EU:T:2011:117/[2011] Ġabra II-01311, ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, il-Kawża C-288/11 P Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs il-Kummissjoni, EU:C:2012:821; ara wkoll il-Kawża T-128/98 Aéroports de Paris vs il-Kummissjoni, EU:T:2000:290/[2000] Ġabra II-3929, ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, il-Kawża C-82/01P, EU:C:2002:617/[2002] Ġabra I-9297, u l-kawża T-196/04 Ryanair vs il-Kummissjoni, EU:T:2008:585/[2008] Ġabra II-3643.

(36)  Il-Kawżi C-159/91 u C-160/91, Poucet vs AGV u Pistre vs Cancave, EU:C:1993:63/[1993] Ġabra I-637.

(37)  Il-Kawża C-364/92 SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol, EU:C:1994:7/[1994] Ġabra I-43.

(38)  Ara, b'mod partikolari, il-Kawża C-364/92 SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol/[1994], Ġabra I-43, il-paragrafu 30 u l-Kawża C-113/07 P Selex Sistemi Integrati vs il-Kummissjoni, EU:C:2009:191/[2009] Ġabra I-2207, il-paragrafu 71.

(39)  Il-Kawża C-343/95 Cali & Figli vs Servizi ecologici porto di Genova, EU:C:1997:160/[1997] Ġabra I-1547; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N309/2002 tad-19 ta' Marzu 2003; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N438/2002 tas-16 ta' Ottubru 2002, Għajnuna bħala appoġġ għall-funzjonijiet tal-awtorità pubblika fis-settur Belġjan tal-portijiet.

(40)  Ara fost oħrajn, il-Kawża C-172/03 Wolfgang Heiser vs Finanzamt Innsbruck, EU:C:2005:130/[2005] Ġabra I-01627, il-paragrafu 36, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

(41)  Premessa 25 tad-deċiżjoni tal-ftuħ

(42)  Il-MEIP tal-2010 ma jindikax liema parti mill-investimenti taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni applikat l-approċċ li kienet użat fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011 biex tiddetermina l-ammont ta' investimenti li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku. Ara l-premessa 132.

(43)  Matul il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kosakowo indikat li PLN […] miljun (EUR […] miljun) intefqu fuq investimenti li allegatament jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku.

(44)  Il-Kawża C-482/99 Franza vs il-Kummissjoni. EU:C:2002:294/[2002] Ġabra I-4397.

(45)  Is-Sentenza tat-12 ta' Mejju 2011 fil-Kawżi Konġunti T-267/08 u T-279/08, Nord-Pas-de-Calais, EU:T:2011:209/[2011] Ġabra II-01999, il-paragrafu 108.

(46)  Il-Kawża C-305/89 L-Italja vs il-Kummissjoni (“Alfa Romeo”), EU:C:1991:142/[1991] Ġabra I-1603; Il-Kawża T-296/97 Alitalia vs il-Kummissjoni, EU:T:2000:289/[2000] Ġabra II-3871.

(47)  Il-Kawża C-40/85 il-Belġju vs il-Kummissjoni, EU:C:1986:305/[1986] Ġabra I-2321.

(48)  Għalkemm il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Pollakki sabiex jippreżentaw l-ispreadsheets tal-Excel sottostanti li ntużaw għall-kalkoli bil-formuli, l-awtoritajiet Pollakki ppreżentaw l-ispreadsheets tal-Excel mingħajr il-formuli.

(49)  Il-Kawża C-482/99 Franza vs il-Kummissjoni, EU:C:2002:294/[2002] Ġabra I-4397.

(50)  Il-Kawża C-124/10P Il-Kummissjoni Ewropea vs Électricité de France, (EDF) EU:C:2012:318, il-paragrafu 85.

(51)  Ara t-Taqsima 4.7.5 tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012. Skont il-kummenti rċevuti mill-Polonja, fis-26 ta' Ġunju 2009, l-injezzjonijiet ta' kapital fl-ajruport ta' Gdynia kienu jammontaw għal total ta' PLN 1 691 miljun (madwar EUR 423 000). Madankollu, intużaw biss PLN […] miljun (madwar EUR […]) għall-finanzjament tal-istudji differenti mwettqa bħala parti mit-tħejjija tal-proġett.

(52)  Il-ftehim jipprevedi għal Gdynia li tagħmel kontribuzzjonijiet fi flus li jammontaw għal total ta' PLN 59 048 miljun (EUR 14,8 miljun) matul il-perjodu 2011-2013 u għal Kosakowo li tagħmel kontribuzzjoni mhux fi flus (billi tpartat it-tariffi annwali tal-kiri ma' ishma) fil-perjodu 2011-2040.

(53)  L-ittra tas-6 ta' Awwissu 2013.

(54)  Ara l-paġna 35 tal-istudju dwar il-MEIP tal-2011.

(55)  Dan il-valur tal-ekwità jinkludi l-valur preżenti nett tal-flussi tal-flus fl-2012-2040 flimkien mal-valur finali skontat tal-ajruport tal-ajruport ta' Gdynia kif ikkalkolat mill-2040.

(56)  Il-valur finali huwa kkalkolat abbażi tal-fluss tal-flus proġettat għall-aħħar sena tal-previżjoni dettaljata, u aġġustat sabiex jitqies l-investiment għat-tibdil meħtieġ għall-iżgurar tat-tħaddim kontinwu tal-infrastruttura.

(57)  Ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru. C(2009) 4445 tat-3 ta' Ġunju 2009, li tagħti għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks tat-trasport trans-Ewropej.

(58)  Ara n-nota 9 f'qiegħ il-paġna.

(59)  Il-pjan prinċipali kien ikkummissjonat fi Frar tal-2010 u ppreżentat f'Novembru tal-2010.

(60)  It-traffiku tal-passiġġieri (f''000 passiġġier fis-sena) fl-ajruport ta' Gdańsk.

Passiġġieri attwali:

Sena

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

2012

Passiġġieri

466

672

1 256

1 715

1 954

1 911

2 232

2 463

2 906

Żvilupp mistenni tal-passiġġieri:

Sena

2013

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

 

Passiġġieri

3 153

3 311

3 477

3 616

3 760

3 911

4 067

4 230

 

(61)  L-LCCs 64,5 %, it-titjiriet charter 7,5 %. Kemm fl-2009 kif ukoll fl-2011, din iċ-ċifra kienet ta' 70 %.

(62)  L-Ajruport ta' Bydgoszcz: It-tariffa standard tal-passiġġieri li jkunu ser jitilqu hija ta' PLN 30 (EUR 7,5); it-tariffa standard tal-inżul hija ta' PLN 45/tunnellata (EUR 11,25) għall-ewwel żewġ tunnellati ta' MTOW, PLN 40/tunnellata (EUR 10) bejn 2 u 15-il tunnellata ta' MTOW, PLN 35/tunnellata (EUR 8,75) bejn 15 u 40 tunnellata ta' MTOW, PLN 30/tunnellata (EUR 7,5) bejn 40 u 60 tunnellata ta' MTOW, PLN 25/tunnellata (EUR 6,25) bejn 60 u 80 tunnellata ta' MTOW u PLN 20/tunnellata (EUR 5) għal kull tunnellata 'l fuq minn 80 tunnellata ta' MTOW; imposta standard tal-parkeġġ hija ta' PLN 8 għal kull tunnellata għal kull 24 siegħa (EUR 2; ebda imposta għall-ewwel erba' sigħat). Skontijiet: L-imposti tal-passiġġieri jistgħu jitnaqqsu minn 5 % (jekk trasportatur tal-ajru jkollu bejn 100 u 300 passiġġier li jkunu ser jitilqu mill-ajruport ta' Bydgoszcz fix-xahar) għal 50 % (jekk trasportatur tal-ajru jkollu aktar minn 8 000 passiġġier li jkunu ser jitilqu mill-Ajruport ta' Bydgoszcz fix-xahar); l-imposta tal-inżul — skont ta' 50 % fl-ewwel 12-il xahar ta' konnessjoni, 50 % għal inżul bejn is-14.00 u t-20.00; l-imposti tal-inżul u tal-parkeġġ: 10 % għal trasportatur li jagħmel bejn 4 u 10 titjiriet fix-xahar, 15 % għal trasportatur li jagħmel bejn 11 u 30 titjira fix-xahar u 20 % għal aktar minn 31 titjira fix-xahar. L-ajruport ta' Szczecin: l-imposta standard tal-passiġġieri li jkunu ser jitilqu hija ta' PLN 35 (EUR 8,75); l-imposta standard tal-inżul hija ta' PLN 70/tunnellata (EUR 17,5); l-imposta standard tal-parkeġġ hija ta' PLN 8 għal kull tunnellata għal kull 24 siegħa (ebda imposta għall-ewwel sagħtejn). Skontijiet: minn 20 % (jekk trasportatur joffri lill-passiġġieri li jkunu ser jitilqu aktar minn 800 post fuq l-ajruplan fil-ġimgħa) għal 90 % (jekk jiġu offruti aktar minn 1 300 post fuq l-ajruplan).

(63)  Il-kalkolu tat-tariffi tal-passiġġieri għal-LCCs.

(64)  Minbarra l-ajruporti ta' Gdańsk, Bydgoszcz u Szczecin, il-Kummissjoni fliet ukoll l-imposti tal-ajruport ta' Lublin, ajruport reġjonali li nfetaħ f'Diċembru tal-2012. L-imposta standard tal-passiġġieri li jkunu ser jitilqu, fl-ajruport ta' Lublin hija ta' PLN 34 (EUR 8,5); L-imposta standard tal-inżul hija ta' PLN 36/tunnellata; l-imposta standard tal-parkeġġ hija ta' PLN 15 għal kull tunnellata għal kull 24 siegħa (ebda imposta għall-ewwel erba' sigħat). Skontijiet: jekk trasportatur tal-ajru jiftaħ bażi operattiva fl-Ajruport ta' Lublin, l-imposta tal-passiġġieri li jkunu ser jitilqu hija bejn PLN 4,21 (EUR 1,05) u PLN 5,76 (EUR 1,44) fl-ewwel ħames staġuni (sentejn u nofs); skont ta' 99 % jiġi applikat fuq l-imposti tal-parkeġġ u tal-inżul. Wara ħames staġuni jiġu applikati skontijiet għall-konnessjonijiet ġodda. Skontijiet fuq imposti tal-passiġġieri, tal-inżul u tal-parkeġġ ivarjaw minn 95 % fl-ewwel sena tal-konnessjoni għal 25-65 % fil-ħames sena (skont in-numru ta' passiġġieri). Wara l-ħames sena, jiġi applikat skont ta' 60 % jekk trasportatur tal-ajru jilqa'aktar minn 250 000 passiġġier li jkunu ser jitilqu mill-ajruport ta' Lublin.

(65)  Dawk il-kalkoli jinkludu n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku.

(66)  Billi l-istudju dwar il-MEIP twettaq f'Ġunju tal-2012, l-analiżi hija bbażata fuq din id-data.

(67)  Metodu li jintuża ħafna għall-evalwazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment tal-ekwità huwa li jiġi kkunsidrat il-valur tal-ekwità tal-kumpanija. Il-valur tal-ekwità huwa l-valur ta' kumpanija disponibbli għall-proprjetarji jew l-azzjonisti tagħha. Dan jiġi kkalkolat billi jingħaddu l-flussi tal-flus futuri kollha disponibbli għall-investituri tal-ekwità skontati bir-rata ta' redditu xierqa. Ir-rata tal-iskont li tintuża ġeneralment hija l-kost tal-ekwità, li tirrifletti r-riskju tal-flussi tal-flus.

(68)  Il-Kawża T-214/95 Het Vlaamse Gewest v Il-Kummissjoni, EU:T:1998:77/[1998] Ġabra II-717.

(69)  Il-Kawża T-109/01 Fleuren Compost v Il-Kummissjoni, EU:T:2004:4/ [2004] Ġabra II-127.

(70)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3).

(71)   ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.

(72)  Il-Punt 173 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(73)  Il-Punt 172 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(74)  Il-punti 25(21), (22) u (23) tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(75)  Espress fi qligħ qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-ammortizzament (“EBITDA”, Earnings Before Interest, Taxes, Depreciation and Amortisation).

(76)  Il-Kawża C-70/72 il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, EU:C:1973:87/[1973] Ġabra 813, il-paragrafu 13.

(77)  Il-Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs il-Kummissjoni, EU:C:1994:325/[1994] Ġabra I-04103, il-paragrafu 75.

(78)  Il-Kawża C-75/97 il-Belġju vs il-Kummissjoni,EU:C:1999:311/[1999] Ġabra I-03671, il-paragrafi 64-65.

(79)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(80)  Il-Kawża C-42/93 Spanja vs il-Kummissjoni, EU:C:1994:326/[1994] Ġabra I-4175, il-paragrafu 33; Il-Kawża C-496/09 il-Kummissjoni vs l-Italja, EU:C:2011:740/[2011] I-11483, il-paragrafu 72.

(81)  Il-Kawża C-277/00 il-Ġermanja vs il-Kummissjoni (“SMI”), EU:C:2004:238/ [2004] Ġabra I-4355, il-paragrafu 85; Il-Kawża C-52/84 il-Kummissjoni vs il-Belġju, EU:C:1986:3/[1986] 89, il-paragrafu 14; Il-Kawża C-142/87 il-Belġju vs il-Kummissjoni(“Tubemeuse”), EU:C:1990:125/[1990] I-959, il-paragrafi 60–62.

(82)  Id-Deċiżjoni C-610/10 il-Kummissjoni vs Spanja (“Magefesa”), EU:C:2012:781, il-paragrafu 104 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(83)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 08, Vol. 004 p. 3).


ANNESS

INFORMAZZJONI DWAR L-AMMONTI TA' GĦAJNUNA RĊEVUTA, LI GĦANDHA TIĠI RKUPRATA U LI DIĠÀ ĠIET IRKUPRATA

L-identità tal-benefiċjarju

L-ammont totali ta' għajnuna rċevuta (*1)

L-ammont totali ta' għajnuna li għandha tiġi rkuprata (*1) (il-prinċipal)

L-ammont totali diġà mħallas lura (*1)

Il-prinċipal

L-imgħax ta' rkupru

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(*1)  Miljun tal-munita nazzjonali.


Top