Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1293

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1293 tal-20 ta' Lulju 2015 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali

    ĠU L 199, 29.7.2015, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1293/oj

    29.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 199/3


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1293

    tal-20 ta' Lulju 2015

    dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Fis-16 ta' Lulju 1999, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, f'isem il-Komunità Ewropea, konvenzjoni dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali.

    (2)

    Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (“il-Konvenzjoni”) ġiet adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-24 ta' Jannar 2001 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2003.

    (3)

    Il-Konvenzjoni tistabbilixxi qafas regolatorju li huwa kważi identiku għal dak stabbilit fid-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    (4)

    Fil-21 ta' Diċembru 2011 il-Konvenzjoni ġiet iffirmata f'isem l-Unjoni (2).

    (5)

    Il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tista' tgħin biex l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet simili għal dawk tad-Direttiva 98/84/KE tiġi estiża lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni, u tistabbilixxi liġi dwar servizzi bbażati fuq aċċess kondizzjonali li tkun applikabbli fil-kontinent Ewropew kollu.

    (6)

    Il-Konvenzjoni għandha tiġi approvata f'isem l-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (3) hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiddepożita(w) f'isem l-Unjoni l-istrument tal-approvazzjoni previst fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni, sabiex jesprimi/u l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat biha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Lulju 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta' servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ĠU L 320, 28.11.1998, p. 54).

    (2)  Il-Konvenzjoni ġiet iffirmata abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/853/UE tad-29 ta' Novembru 2011 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi ibbażata fuq, jew tikkonsisti minn aċċess kondizzjonali (ĠU L 336, 20.12.2011, p. 1). Minn dakinhar 'l hawn, dik id-Deċiżjoni ġiet sostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/243/UE tal-14 ta' April 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ĠU L 128, 30.4.2014, p. 61).

    (3)  It-test tal-Konvenzjoni ġie ppubblikat fil-ĠU L 336, 20.12.2011, p. 2.


    ANNESS

    DIKJARAZZJONI TAL-UE  (*)

    Waqt li tirrikonoxxi b'mod sħiħ l-objettivi segwiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali ta' servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali, l-Unjoni tesprimi t-tħassib tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 9 u l-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, wara l-adeżjoni tal-Unjoni magħha, abbażi tal-kompetenza esklussiva tagħha.

    Din id-Dikjarazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta' votazzjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa.


    (*)  Għandha tiġi kkomunikata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa meta jkun qed isir id-depożitu tal-istrument ta’ approvazzjoni tal-Konvenzjoni.


    Top