This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D1027
Council Decision (EU) 2015/1027 of 23 June 2015 concerning the rules applicable to experts on secondment to the General Secretariat of the Council and repealing Decision 2007/829/EC
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1027 tat-23 ta' Ġunju 2015 dwar ir-regoli applikabbli għall-esperti sekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/829/KE
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1027 tat-23 ta' Ġunju 2015 dwar ir-regoli applikabbli għall-esperti sekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/829/KE
ĠU L 163, 30.6.2015, p. 40–52
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
30.6.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 163/40 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1027
tat-23 ta' Ġunju 2015
dwar ir-regoli applikabbli għall-esperti sekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/829/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 240(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Is-sekondar ta' esperti nazzjonali jista' jkun utli għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (minn issa 'l quddiem “SĠK”) fil-missjoni tiegħu biex jassisti lill-Kunsill Ewropew u l-Kunsill skont l-Artikoli 235(4) u 240(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) rispettivament, billi jippermetti lis-SĠK jibbenefika mil-livell għoli ta' għarfien u esperjenza professjonali ta' dawk l-esperti, b'mod partikolari f'oqsma fejn tali ħila esperta mhix disponibbli faċilment fi ħdan is-SĠK stess. |
(2) |
L-iskambju ta' esperjenza u għarfien professjonali dwar il-politiki Ewropej għandu jkunu inkoraġġit permezz tal-assenjazzjoni temporanja ta' esperti mis-setturi pubbliċi ta-Istati Membri (esperti nazzjonali sekondati — “ENS”) jew mill-organizzazzjonijiet intergovernattivi (“OIG”) pubbliċi. |
(3) |
Huwa previst li l-ENS ser jiksbu għarfien matul is-sekondar tagħhom għas-SĠK li jgħinhom fl-eżerċizzju ta' dmirijiethom fi presidenzi futuri tal-Kunsill. |
(4) |
Id-drittijiet u l-obbligi tal-esperti għandhom jiggarantixxu li kull wieħed iwettaq id-dmirijiet tiegħu fl-interess biss tas-SĠK. |
(5) |
Fid-dawl tan-natura temporanja ta' ħidmiethom u minħabba l-istatus partikolari tagħhom, l-esperti ma għandhom jieħdu l-ebda responsabbiltà f'isem is-SĠK għall-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħhom tad-dritt pubbliku, kif definit fit-Trattati, ħlief fir-rigward tad-derogi previsti minn din id-Deċiżjoni. |
(6) |
Il-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-esperti għandhom jiġu stabbiliti u għandhom ikunu applikabbli irrispettivament mill-oriġini tal-approprjazzjonijiet baġitarji użati sabiex ikopru n-nefqa. |
(7) |
Ladarba r-regoli stabbiliti b'din id-Deċiżjoni għandhom jissostitwixxu dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/829/KE (1), dik id-Deċiżjoni għandha titħassar mingħajr preġudizzju għall-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għas-sekondar kollu li jkun għaddej fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. |
(8) |
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ir-“Regolament tal-Persunal”), u b'mod partikolari l-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-leave, kif ukoll il-kalkolu tal-benefiċċji definiti fl-Anness VII tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
1. Ir-regoli stabbiliti b'din id-Deċiżjoni japplikaw għall-esperti, li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, sekondati mas-SĠK fl-interess tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill u li jkunu jew:
(a) |
esperti nazzjonali sekondati (“ENS”), li jinkludi esperti li huma ssekondati:
L-ENS jistgħu jiġu sekondati mingħajr spejjeż (“CFS”); |
(b) |
esperti fuq CFS minn organizzazzjoni intergovernattiva pubblika (“OIG”) (bl-eċċezzjoni ta' korpi tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 1a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal), f'każijiet fejn ikun meħtieġ trasferiment ta' għarfien jew ħila speċifika. |
2. L-Artikoli 18, 19 u 20 mhuma applikabbli għal ebda espert fuq CFS.
Artikolu 2
Kondizzjonijiet għas-sekondar
Sabiex jikkwalifikaw għal sekondar mas-SĠK, l-esperti:
(1) |
għandhom ikunu ħadmu għal min iħaddimhom fuq bażi permanenti jew kuntrattwali għal mill-inqas 12-il xahar qabel is-sekondar tagħhom; |
(2) |
għandhom jibqgħu fis-servizz ta' min iħaddimhom tul il-perijodu ta' sekondar; |
(3) |
għandu jkollhom mill-inqas tliet snin esperjenza full-time ta' funzjonijiet amministrattivi, xjentifiċi, tekniċi, konsultattivi jew superviżorji rilevanti għall-eżerċizzju tad-dmirijiet assenjati lilhom. Qabel is-sekondar, min iħaddem għandu jipprovdi lis-SĠK dikjarazzjoni tal-impjieg tal-espert, li tkopri t-12-il xahar preċedenti; |
(4) |
għandhom ikunu ċittadini ta' Stat Membru. B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt, l-esperti li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru jistgħu jiġu sekondati minn OIG; f'tali każijiet eċċezzjonali, is-SĠK għandu jiżgura li ma jkun hemm l-ebda konflitt ta' interess u li jiġu ssalvagwardjati l-indipendenza u l-koerenza tal-politiki u l-attivitajiet tas-SĠK; |
(5) |
għandu jkollhom għarfien profond ta' lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni u għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra għall-eżerċizzju ta' dmirijiethom. |
Artikolu 3
Proċedura ta' selezzjoni
1. L-esperti għandhom jintgħażlu skont proċedura miftuħa u trasparenti, li d-dettalji prattiċi tagħha għandhom jiġu deċiżi f'konformità mal-Artikolu 32.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(4), l-esperti għandhom jiġu ssekondati fuq bażi ġeografika kemm jista' jkun wiesgħa minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri. L-Istati Membri u s-SĠK għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw, kemm jista' jkun, bilanċ bejn irġiel u nisa u jirrispettaw il-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs.
2. Għandha tintbagħat sejħa għall-espressjoni ta' interess lir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri jew l-OIG, kif xieraq. Is-sejħa għandha tagħti d-deskrizzjonijiet tal-karigi, il-kriterji ta' selezzjoni u d-data tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet.
3. L-applikazzjonijiet kollha għandhom jintbagħtu lis-SĠK permezz tar-Rappreżentanza Permanenti tal-Istati Membri jew permezz tad-dipartiment tar-riżorsi umani tal-OIG.
4. F'ċirkostanzi debitament iġġustifikati u eċċezzjonali fl-interess tal-Kunsill Ewropew, is-SĠK jista' jiddeċiedi li l-espert għandu jintgħażel mingħajr ma jiġu segwiti l-proċeduri ta' selezzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3.
5. Is-sekondar ta' esperti għandu jkunu soġġett għar-rekwiżiti speċifiċi u l-kapaċità baġitarja tas-SĠK.
6. Is-SĠK għandu joħloq fajl individwali għall-espert. Dak il-fajl għandu jinkludi informazzjoni amministrattiva rilevanti.
Artikolu 4
Proċedura amministrattiva għas-sekondar
1. Is-sekondar għandu jiġi implimentat permezz ta' skambju ta' ittri bejn id-Direttur Ġenerali għall-Amministrazzjoni tas-SĠK u r-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru konċernat jew jekk ikun il-każ, l-OIG. Ir-Rappreżentanza Permanenti għandha tiġi nnotifikata wkoll b'kull sekondar ta' ċittadini tal-Istat Membru tagħha minn OIG. Il-post ta' sekondar u l-grupp ta' funzjoni li l-espert ser ikun qed jagħmel parti minnhom (AD jew AST, kif definit fir-Regolamenti tal-Persunal) għandhom ikunu indikati fl-iskambju ta' ittri. Fl-iskambju ta' ittri għandhom jissemmew ukoll is-superjuri tal-espert fi ħdan id-Direttorat Ġenerali, id-direttorat, l-unità jew id-dipartiment li lilu l-espert ikun sekondat, u għandha tingħata deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti li l-espert għandu jwettaq. Kopja tar-regoli applikabbli għall-espert għandha tkun mehmuża mal-iskambju ta' ittri.
2. Sekondar għal perijodu qasir mingħajr spejjeż (“CFSS”) ta' esperti, kif imsemmi fil-Kapitolu IV, jista' jiġi awtorizzat fuq bażi ta' każijiet individwali. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tieħu inkonsiderazzjoni l-post ta' reklutaġġ tal-espert, id-Direttorat Ġenerali li għalih għandu jiġi ssekondat l-espert, il-bilanċ ġeografiku msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u d-dmirijiet proposti.
Artikolu 5
Perijodu ta' sekondar
1. Il-perijodu ta' sekondar għandu jkun minimu ta' sitt xhur u massimu ta' sentejn. Jista' jiġġedded suċċessivament għal perijodu totali ta' mhux aktar minn erba' snin.
Madankollu, f'każijiet eċċezzjonali, fuq talba tad-Direttur Ġenerali rilevanti tas-SĠK u wara qbil minn qabel ta' min iħaddem, id-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni tas-SĠK jista' jawtorizza estensjoni waħda jew aktar tas-sekondar lil hinn mill-massimu ta' erba' snin imsemmi fl-ewwel subparagrafu, sa sentejn addizzjonali.
2. Il-perijodu ta' sekondar għandu jiġi stabbilit mill-bidu fl-iskambju ta' ittri previst fl-Artikolu 4(1). L-istess proċedura għandha tapplika fil-każ ta' kwalunkwe tiġdid jew estensjoni tal-perijodu ta' sekondar.
3. Espert li jkun ġie sekondat qabel mas-SĠK jista' jerġa' jiġi sekondat, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-espert ikompli jissodisfa l-kondizzjonijiet għas-sekondar imsemmija fl-Artikolu 2; |
(b) |
perijodu ta' mill-inqas sitt snin ikun għadda bejn it-tmiem tal-perijodu ta' sekondar preċedenti, inkluż kwalunkwe tiġdid u estensjoni, jew kwalunkwe kuntratt ta' impjieg sussegwenti mas-SĠK. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex twaqqaf lis-SĠK milli jaċċetta s-sekondar, inqas minn sitt snin wara t-tmiem tal-perijodu preċedenti ta' sekondar, ta' espert li s-sekondar preċedenti tiegħu, inkluż kwalunkwe tiġdid u estensjoni, dam inqas minn sitt snin, iżda f'dak il-każ is-sekondar il-ġdid ma għandux ikun iżjed mill-parti li jkun fadal tal-aħħar perijodu ta' sitt snin. |
Artikolu 6
Obbligi ta' min iħaddem
Matul il-perijodu ta' sekondar, min iħaddem l-espert għandu jkompli:
(1) |
iħallas is-salarju tal-espert; |
(2) |
ikun responsabbli għad-drittiijiet soċjali kollha tal-espert, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni u l-pensjoni; u |
(3) |
soġġett għall-punt (d) tal-Artikolu 10(2), iżomm l-istatus amministrattiv tal-espert jew bħala uffiċjal permanenti jew aġent kuntrattwali u jinforma lid-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tas-SĠK dwar kwalunkwe bidla fl-istatus amministrattiv tal-espert jew bħala uffiċjal permanenti jew aġent kuntrattwali. |
Artikolu 7
Dmirijiet
1. L-esperti għandhom jassistu lill-uffiċjali tas-SĠK u persunal ieħor u jwettqu l-kompiti li jiġu fdati lilhom.
Id-dmirijiet li għandhom jitwettqu minn espert għandhom jiġu definiti bi qbil komuni bejn is-SĠK u min iħaddem:
(a) |
fl-interess tad-dipartiment tas-SĠK li għalih huwa sekondat l-espert; u |
(b) |
b'kont meħud tal-kwalifiki tal-espert. |
2. Il-kompiti li għandhom jiġu assenjati lil espert jistgħu jinkludu fost oħrajn, analiżi, studji, skambji ta' għarfien bejn l-amministrazzjonijiet, ġestjoni ta' proġetti, u assistenza lill-gruppi u l-kumitati preparatorji tas-SĠK.
Minkejja l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, is-Segretarju Ġenerali jista', fuq proposta tad-Direttur Ġenerali tad-dipartiment li lilu jiġi assenjat espert, jafda dmirijiet speċifiċi lill-espert u jagħti mandat lill-espert sabiex iwettaq missjoni speċifika waħda jew aktar wara li jivverifika li ma jeżisti l-ebda konflitt ta' interess.
3. Espert ma għandux jipparteċipa f'missjonijiet u laqgħat ħlief:
(a) |
jekk jakkumpanja uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor tas-SĠK; jew |
(b) |
jekk ikun waħdu, bħala osservatur jew għal finijiet ta' informazzjoni biss. |
Sakemm espert ma rċeviex mandat speċjali, f'konformità mal-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, mid-Direttur Ġenerali tad-dipartiment konċernat tas-SĠK, l-espert ma għandux ikun jista' jorbot lis-SĠK esternament.
4. Is-SĠK għandu jibqa' unikament responsabbli mill-approvazzjoni tar-riżultati tal-kompiti mwettqin mill-espert.
5. Id-dipartimenti tas-SĠK konċernati, min iħaddem lill-espert u l-espert għandhom jagħmlu kull sforz possibbli sabiex jevitaw kwalunkwe konflitt ta' interess attwali jew potenzjali rigward id-dmirijiet tal-espert matul is-sekondar. Għal dan l-għan, is-SĠK għandu jgħarraf fi żmien debitu lill-espert u lil min iħaddmu bil-kompiti previsti u jitlobhom it-tnejn sabiex jikkonfermaw bil-miktub li huma ma jaraw l-ebda raġuni għaliex l-espert ma għandux jiġi assenjat għal dawn il-kompiti.
L-espert għandu jintalab partikolarment sabiex jiddikjara kull konflitt potenzjali bejn ċerti aspetti tas-sitwazzjoni familjari tal-espert (partikolarment l-attivitajiet professjonali ta' qrabatu jew ta' membri tal-familja estiża tiegħu jew kwalunkwe interessi finanzjarji ewlenin tiegħu jew ta' membri tal-familja) u d-dmirijiet proposti matul is-sekondar.
Min iħaddem lill-espert u l-espert għandhom jintrabtu li jgħarrfu lis-SĠK b'kull bidla fiċ-ċirkostanzi li, matul is-sekondar, tista' tirriżulta f'konflitt ta' interess.
6. Meta s-SĠK iqis li n-natura tal-kompiti fdati lill-espert tesiġi prekawzjonijiet partikolari fir-rigward tas-sigurtà, għandha tinkiseb awtorizzazzjoni ta' sigurtà qabel is-sekondar tal-espert.
7. Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 5 ta' dan l-Artikolu, is-SĠK jista' jtemm is-sekondar tal-espert taħt it-termini tal-Artikolu 10(2)(c).
Artikolu 8
Drittijiet u obbligi tal-esperti
1. Matul il-perijodu ta' sekondar, espert għandu jaġixxi b'integrità. B'mod partikolari:
(a) |
l-espert għandu jaqdi d-dmirijiet assenjati u altrimenti jaġixxi biss bl-interessi tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill f'moħħu. B'mod partikolari, fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu, l-espert ma għandu jaċċetta l-ebda struzzjonijiet minn, jew iwettqu kwalunkwe attività għal min iħaddmu, kwalunkwe gvern, jew kwalunkwe persuna oħra, kumpanija privata jew korp pubbliku ieħor; |
(b) |
l-espert għandu jastjeni minn kull azzjoni, u b'mod partikolari minn kull espressjoni pubblika ta' opinjoni, li tista' tirrifletti fuq il-pożizzjoni tiegħu fis-SĠK; |
(c) |
kwalunkwe espert għandu jgħarraf lis-superjur tiegħu meta l-espert, fl-eżerċizzju ta' dmirijietu, jintalab jiddeċiedi dwar it-trattament jew ir-riżoluzzjoni ta' kwistjoni li fiha l-espert ikollu interess personali li jista' jfixkel l-indipendenza tiegħu; |
(d) |
l-espert, waħdu jew ma' persuni oħrajn, ma għandu jippubblika jew iwassal biex jiġi ppubblikat l-ebda test li s-suġġett tiegħu jkun marbut mal-attività tal-Unjoni bla ma jkun kiseb permess skont il-kondizzjonijiet u r-regoli fis-seħħ fis-SĠK. Din l-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda biss jekk in-natura tal-pubblikazzjoni maħsuba tista' tippreġudika l-interessi tal-Unjoni; |
(e) |
id-drittijiet kollha fuq xogħlijiet magħmulin minn espert fl-eżerċizzju ta' dmirijietu, għandhom ikunu proprjetà tas-SĠK; |
(f) |
l-espert għandu jirrisjedi fil-post ta' sekondar, jew f'distanza minn dak il-post li ma tkunx akbar minn dik li hi kompatibbli mal-eżerċizzju xieraq tad-dmirijiet assenjati; |
(g) |
l-espert għandu jassisti jew jagħti pariri lis-superjuri li ġew assenjati lilu u għandu jkun responsabbli lejn dawn is-superjuri għall-eżerċizzju tad-dmirijiet li jiġu fdati lilhom. |
2. Matul u wara l-perijodu ta' sekondar, l-espert għandu josserva l-akbar diskrezzjoni dwar il-fatti u l-informazzjoni kollha li l-espert isir jaf bihom tul l-eżerċizzju, jew b'konnessjoni mal-eżerċizzju, ta' dmirijietu. L-espert ma għandu jikkomunika, taħt l-ebda forma, lill-ebda persuna li ma tkunx awtorizzata l-ebda dokument u l-ebda informazzjoni li ma tkunx saret pubblika legalment u l-espert ma għandux juża dawn id-dokumenti jew informazzjoni għall-benefiċċju personali tiegħu.
3. Fit-tmiem is-sekondar, l-espert għandu jibqa' marbut bl-obbligi li jaġixxi b'integrità u diskrezzjoni fil-qadi ta' dmirijiet ġodda u fl-aċċettazzjoni ta' ċerti karigi jew vantaġġi.
Għal dak l-għan, fit-tliet snin wara l-perijodu ta' sekondar, l-espert għandu jinforma lis-SĠK minnufih bi kwalunkwe dmirijiet jew kompiti li x'aktarx jagħtu lok għal konflitt ta' interess marbut mal-kompiti mwettqa mill-espert matul il-perjodu ta' sekondar.
4. L-espert għandu jkun soġġett għar-regoli ta' sigurtà fis-seħħ fis-SĠK, inkluż ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u r-regoli tal-protezzjoni tan-netwerk tas-SĠK. L-espert għandu jkun soġġett ukoll għar-regoli li jirregolaw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
5. Fil-każ tan-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 4 ta' dan l-Artikolu matul il-perijodu ta' sekondar is-SĠK ikollu d-dritt jittermina s-sekondar ta' espert skont it-termini tal-Artikolu 10(2)(c).
6. L-espert għandu jinnotifika minnufih lis-superjur tiegħu bil-miktub jekk matul is-sekondar l-espert isir jaf dwar fatti li jagħtu lok għal preżunzjoni tal-eżistenza ta':
(a) |
attività illegali possibbli, inkluż frodi jew korruzzjoni, li tkun ta' detriment għall-interessi tal-Unjoni; jew |
(b) |
imġiba relatata mal-qadi tad-dmirijiet professjonali li tista' tikkostitwixxi nuqqas serju ta' konformità mal-obbligi tal-uffiċjali tal-Unjoni jew tal-esperti. |
Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll fil-każ ta' nuqqas serju ta' konformità ma' obbligu simili min-naħa ta' Membru ta' istituzzjoni jew kull persuna oħra fis-servizz ta' istituzzjoni jew li twettaq xogħol għaliha.
7. Meta s-superjur jirċievi notifika kif imsemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, is-superjur għandu jieħu l-miżuri previsti fl-Artikolu 22a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw għas-superjur skont it-termini tal-Artikolu 4(1) ta' din id-Deċiżjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll mutatis mutandis għall-espert konċernat, biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-espert jiġu rispettati.
Artikolu 9
Sospensjoni ta' sekondar
1. Fuq talba bil-miktub mill-espert jew minn min iħaddem, u bi qbil ma' dan tal-aħħar, is-SĠK jista' jawtorizza sospensjonijiet ta' sekondar u jispeċifika t-termini applikabbli. Matul perijodu ta' sospensjoni:
(a) |
ma għandhomx jitħallsu l-benefiċċji msemmijin fl-Artikolu 19; |
(b) |
l-ispejjeż imsemmijin fl-Artikolu 20 għandhom jitħallsu biss jekk is-sospensjoni ssir fuq talba tas-SĠK. |
2. Is-SĠK għandu jinforma lil min iħaddem u lir-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 10
Terminazzjoni ta' perijodi ta' sekondar
1. Soġġett għall-paragrafu 2, sekondar jista' jiġi terminat fuq talba tas-SĠK jew ta' min iħaddem, dment li tingħata notifika ta' tliet xhur. Jista' wkoll jiġi terminat fuq it-talba tal-espert dment li tingħata l-istess notifika u soġġett għall-qbil ta' min iħaddem u tas-SĠK.
2. F'ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali s-sekondar jista' jintemm mingħajr notifika:
(a) |
minn min iħaddem, jekk l-interessi essenzjali ta' min iħaddem jitolbu hekk; |
(b) |
bi qbil reċiproku bejn is-SĠK u min iħaddem, fuq talba indirizzata mill-espert liż-żewġ partijiet, jekk hekk ikun meħtieġ mill-interessi essenzjali, personali jew professjonali tal-espert; |
(c) |
mis-SĠK, f'każ li l-espert ma jkunx konformi mal-obbligi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. L-espert għandu qabel jingħata l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet; |
(d) |
mis-SĠK fil-każ tat-terminazzjoni ta', jew bidla fi, l-istatus amministrattiv tal-espert jew bħala uffiċjal permanenti jew bħala aġent kuntrattwali ta' min iħaddem. L-espert għandu qabel jingħata l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet. |
3. Jekk is-sekondar jiġi terminat skont il-paragrafu 2(c), is-SĠK għandu jinforma minnufih lil min iħaddmu u lir-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru kkonċernat.
KAPITOLU II
KONDIZZJONIJIET TA' XOGĦOL
Artikolu 11
Sigurtà soċjali
1. Qabel ma jibda l-perijodu ta' sekondar, min iħaddem għandu jiċċertifika lill-SĠK li, matul il-perijodu ta' sekondar, l-esperti ser jibqgħu soġġetti għal-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-amministrazzjoni pubblika tal-Istat Membru jew l-OIG li timpjega lill-espert. Għal dan il-għan, l-amministrazzjoni pubblika tal-Istat Membru għandha tipprovdi lis-SĠK l-attestazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“Dokument portabbli A1”). L-OIG għandha tipprovdi lis-SĠK ċertifikat ekwivalenti għad-Dokument portabbli A1 u din għandha tagħti prova li l-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli tipprevedi l-ħlas tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa magħmula barra mill-pajjiż.
2. Minn meta jibda s-sekondar tagħhom, l-esperti għandhom ikunu koperti mis-SĠK kontra r-riskju ta' inċident. Is-SĠK għandu jipprovdi lill-espert b' kopja tat-termini ta' din il-kopertura fil-jum meta l-espert jirrapporta lid-dipartiment rilevanti tad-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni biex ilesti l-formalitajiet amministrattivi relatati mas-sekondar.
3. Meta, fl-ambitu ta' missjoni li jipparteċipa fiha l-espert skont it-termini tal-Artikoli 7(3) u 29, tkun meħtieġa assigurazzjoni addizzjonali jew speċifika, is-SĠK għandu jġarrab l-ispejjeż marbutin magħha.
Artikolu 12
Ħinijiet tax-xogħol
1. L-espert għandu jkun soġġett għar-regoli li jkunu fis-seħħ fis-SĠK fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol u l-arranġamenti għall-ħin flessibbli, skont ir-rekwiżiti tal-kariga li l-espert ikun ġie assenjat fiha fis-SĠK.
2. L-espert għandu jservi fuq bażi full-time matul il-perijodu kollu ta' sekondar. Fuq talba debitament ġustifikata minn Direttorat Ġenerali u sakemm dan ikun kompatibbli mal-interessi tas-SĠK, is-SĠK jista' jawtorizza espert sabiex jaħdem fuq bażi part-time, wara l-qbil ta' min iħaddem.
3. F'każ li jkun awtorizzat xogħol fuq bażi part-time, l-espert għandu jaħdem għal mill-inqas nofs il-ħin normali tax-xogħol.
4. Il-benefiċċji li japplikaw fis-SĠK għal xogħol bix-xift jew servizz ta' standby jistgħu jitħallsu lill-esperti.
Artikolu 13
Assenza minħabba mard jew inċident
1. F'każ ta' assenza minħabba mard jew inċident, espert għandu javża lis-superjur mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jgħarrfu bl-indirizz attwali tal-espert. L-espert għandu jipproduċi ċertifikat mediku jekk ikun assenti għal iktar minn tlett ijiem konsekuttivi u jista' jintalab jagħmel eżami mediku organizzat mis-SĠK.
2. Fejn l-assenzi tiegħu minħabba mard jew inċident ta' mhux aktar minn tlett ijiem jaqbżu, fi żmien 12-il xahar, total ta' 12-il jum, espert għandu jipproduċi ċertifikat mediku għal kull assenza ġdida minħabba mard jew inċident.
3. Jekk assenza minħabba mard jew inċident iddum iżjed minn xahar jew miż-żmien tas-servizz imwettaq mill-espert, skont liema każ ikun l-itwal, il-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 19(1) u (2) għandhom jiġu awtomatikament sospiżi. Dan il-paragrafu ma għandux japplika f'każ ta' mard marbut ma' tqala. Assenza minħabba mard jew inċident ma tistax testendi aktar miż-żmien tas-sekondar tal-persuna konċernata.
4. Madankollu, jekk l-espert jisfa' vittma ta' korriment marbut ma' xogħlu li jseħħ waqt iż-żmien tas-sekondar l-espert għandu jibqa' jirċievi l-benefiċċji sħaħ previsti fl-Artikolu 19(1) u (2) għaż-żmien kollu li fih dak l-espert ma jkunx jiflaħ għax-xogħol u sa tmiem il-perijodu tas-sekondar.
Artikolu 14
Leave annwali, leave speċjali u jiem ta' btala
1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, l-espert għandu jkun soġġett għar-regoli fis-seħħ fis-SĠK fir-rigward ta' leave annwali, leave speċjali u jiem ta' btala.
2. Il-leave hu soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel tad-dipartiment li jkun assenjat miegħu l-espert.
3. Wara applikazzjoni debitament sostanzjata ta' min iħaddem, is-SĠK jista' jagħti sa jumejn leave speċjali addizzjonali f'perijodu ta' 12-il xahar. It-talbiet jiġu eżaminati fuq il-bażi tal-każijiet individwali.
4. Il-jiem ta' leave annwali li ma jkunux ittieħdu sa tmiem il-perijodu tas-sekondar jintilfu.
5. Espert li ż-żmien tas-sekondar tiegħu jkun inqas minn sitt xhur jista' jingħata leave speċjali, abbażi ta' applikazzjoni motivata u soġġett għal deċiżjoni mid-Direttur Ġenerali tad-dipartiment li l-espert ikun assenjat miegħu. Dak il-leave speċjali ma jistax ikun iżjed minn tlett ijiem għall-perijodu kollu tas-sekondar. Qabel jagħti tali leave, id-Direttur Ġenerali tad-dipartiment għandu jikkonsulta minn qabel mad-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni.
Artikolu 15
Leave speċjali għal taħriġ
Dan l-Artikolu japplika għal esperti li ż-żmien tas-sekondar tagħhom ikun ta' sitt xhur jew aktar.
Minkejja l-Artikolu 14(3), is-SĠK jista' jagħti leave speċjali addizzjonali għall-finijiet ta' taħriġ tal-espert minn min iħaddem, soġġett għal applikazzjoni debitament motivata minn min iħaddem bil-ħsieb tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-espert. Il-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 19 ma għandhomx jitħallsu matul dak il-leave speċjali addizzjonali.
Artikolu 16
Leave tal-maternità u l-paternità
1. Espert għandu jkun soġġett għar-regoli li jkun hemm fis-seħħ fis-SĠK rigward leave tal-maternità u l-paternità.
2. Meta l-liġi nazzjonali ta' min iħaddem tipprevedi leave tal-maternità itwal, wara talba tal-espert u bi qbil minn qabel ta' min iħaddem, is-sekondar għandu jkun sospiż għall-perijodu li jkun iżjed minn dak mogħti mis-SĠK. F'dak il-każ, fi tmiem is-sekondar għandu jiżdied perijodu ekwivalenti għal dak tas-sospensjoni, jekk l-interessi tas-SĠK jiġġustifikaw dan.
3. Minkejja l-paragrafu 1, l-espert jista' japplika għal sospensjoni tas-sekondar biex jkopri ż-żmien totali mogħti għall-maternità, wara l-qbil minn qabel ta' min iħaddem. F'dak il-każ, fi tmiem is-sekondar għandu jiżdied perijodu ekwivalenti għal dak tas-sospensjoni, jekk l-interessi tas-SĠK jiġġustifikaw dan.
4. Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għal każijiet ta' adozzjoni.
Artikolu 17
Ġestjoni u kontroll
Il-ġestjoni u l-kontroll tal-ħinijiet tax-xogħol u l-assenzi għandhom ikunu l-kompitu tad-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tas-SĠK u d-Direttorat Ġenerali jew id-dipartiment li jkun assenjat miegħu l-espert, skont ir-regoli u l-proċeduri fis-seħħ fis-SĠK.
KAPITOLU III
BENEFIĊĊJI U SPEJJEŻ
Artikolu 18
Kalkolu tal-benefiċċji u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar
1. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-postijiet ta' reklutaġġ, ta' sekondar u ta' ritorn ta' ENS għandhom jiġu determinati mis-SĠK fir-rigward tal-pożizzjoni ġeografika ta' dawk il-postijiet abbażi tal-latitudni u l-lonġitudni tagħhom, stabbilita f'bażi ta' data adatta mill-Awtorità tal-Ħatra tas-SĠK.
2. Id-distanza ġeografika, imsemmija fl-Artikoli 19 u 20 ta' din id-Deċiżjoni, bejn il-post ta' sekondar, minn naħa waħda, u l-post tar-reklutaġġ jew tar-ritorn, min-naħa l-oħra, tiġi determinata mid-distanza taċ-ċirku l-kbir bejn iż-żewġ punti skont il-latitudni u l-lonġitudni tagħhom, abbażi tas-sistema tal-koordinati WGS 84 (World Geodetic System 1984).
3. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:
(a) |
il-post tar-reklutaġġ għandu jkun il-post fejn l-ENS kienu jwettqu dmirijiethom għal min iħaddem qabel is-sekondar; |
(b) |
il-post tas-sekondar għandu jkun Brussell; |
(c) |
il-post tar-ritorn għandu jkun il-post fejn l-ENS ser iwettqu l-attività ewlenija tagħhom wara tmiem is-sekondar. |
Il-post ta' reklutaġġ għandu jiġi determinat fl-iskambju ta' ittri msemmi fl-Artikolu 4(1). Il-post ta' ritorn għandu jiġi stabbilit abbażi ta' dikjarazzjoni ta' min iħaddem.
4. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, iċ-ċirkostanzi marbutin mal-kompiti mwettqin mill-ENS għal Stat Membru li mhuwiex dak tal-post tas-sekondar jew għal organizzazzjoni intergovernattiva ma għandhomx jiġu kkunsidrati.
Artikolu 19
Benefiċċji
1. L-ENS għandu jkollu dritt, matul iż-żmien tas-sekondar, għall-benefiċċju ta' sussistenza ta' kuljum skont l-istess kriterji bħall-benefiċċju għall-espatrijazzjoni għall-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Jekk dawk il-kriterji jiġu sodisfatti, il-benefiċċju ta' sussistenza ta' kuljum għandu jkun EUR 128,67. Inkella, għandu jkun ta' EUR 32,18.
2. L-ENS għandu jkollu dritt, matul il-perijodu tas-sekondar tiegħu, għal benefiċċju addizzjonali ta' kull xahar imħallas skont it-tabella ta' hawn taħt:
Distanza ġeografika bejn il-post tar-reklutaġġ u l-post tas-sekondar (km) |
Ammont f'EUR |
0 - 150 |
0,00 |
> 150 |
82,70 |
> 300 |
147,03 |
> 500 |
238,95 |
> 800 |
385,98 |
> 1 300 |
606,55 |
> 2 000 |
726,04 |
3. Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu huma maħsuba biex jiġu koperti wkoll l-ispejjeż tat-tneħħija ta' ENS u kwalunkwe spiża tal-ivvjaġġar annwali li tkun saret waqt il-perijodu ta' sekondar. Dawn għandhom jitħallsu għal perijodi ta' missjoni, leave annwali, leave tal-maternità, il-paternità jew għall-adozzjoni, leave speċjali u vaganzi mogħtija mis-SĠK, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 15 u 16. Fejn ikun awtorizzat xogħol part-time, l-ENS għandu jkun intitolat għal benefiċċji mnaqqsa fuq bażi prorata.
4. Meta l-ENS jibda s-sekondar, l-ENS għandu jirċievi ammont minn qabel ekwivalenti għal 75 jum tal-benefiċċju ta' sussistenza, u dan il-ħlas itemm kull dritt ulterjuri għal benefiċċji bħal dan matul il-perijodu korrispondenti. F'każ ta' tmiem tas-sekondar tal-ENS mas-SĠK qabel l-iskadenza tal-perijodu li għalih jiġi kkalkulat l-ammont minn qabel, l-ENS għandu jagħti lura l-ammont korrispondenti għall-bqija ta' dak il-perijodu.
5. Meta jsir l-iskambju ta' ittri previst fl-Artikolu 4(1), min iħaddem għandu jgħarraf lis-SĠK bi kwalunkwe ħlas simili għal dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu li jkun irċieva l-ENS. Dawk l-ammonti għandhom jitnaqqsu mill-benefiċċji korrispondenti mħallsa mis-SĠK lill-ENS.
6. L-aġġornament tar-remunerazzjoni u l-benefiċċji adottati bl-applikazzjoni tal-Artikolu 65 u l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika awtomatikament għall-benefiċċji ta' kull xahar u l-benefiċċji ta' sussistenza fix-xahar ta' wara li jiġi adottat, mingħajr effett retroattiv. Wara l-adattament, l-ammonti l-ġodda ser jiġu ppubblikati fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 20
Spejjeż tal-ivvjaġġar
1. L-ENS għandu jkollhom dritt għal rimborż b'rata fissa għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom stess fil-bidu tas-sekondar.
2. Ir-rimborż b'rata fissa għandu jkun ibbażat fuq benefiċċju għal kull kilometru ta' distanza ġeografika bejn il-post tar-reklutaġġ u l-post tas-sekondar. Il-benefiċċju kilometriku għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 7 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.
3. L-ENS għandu jkollhom dritt għal rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom stess għall-post tar-ritorn fi tmiem is-sekondar. Dan ir-rimborż ma jistax jinvolvi ammont ogħla minn dak li għalihom l-ENS kienu jkunu intitolati kieku l-ENS irritornaw fil-post ta' reklutaġġ tagħhom.
4. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-familja tal-ENS ma jiġux rimborżati.
Artikolu 21
Missjonijiet u spejjeż ta' missjoni
1. L-espert jista' jintbagħat fuq missjoni skont l-Artikolu 7(2) u (3).
2. L-ispejjeż tal-missjoni għandhom jiġu rimborżati skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fis-SĠK.
Artikolu 22
Taħriġ
L-espert għandu d-dritt li jattendi korsijiet ta' taħriġ organizzati mis-SĠK jekk l-interess tas-SĠK jiġġustifika dan. Għandhom jiġu kkunsidrati l-interessi raġonevoli tal-esperti, b'kont meħud speċjalment tal-karriera professjonali tagħhom wara is-sekondar, meta tittieħed deċiżjoni sabiex jingħata permess jattendu xi kors.
Artikolu 23
Dispożizzjonijiet amministrattivi
1. Fl-ewwel jum tas-sekondar, l-espert għandu jirrapporta għand id-dipartiment rilevanti tad-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni sabiex isiru l-formalitajiet amministrattivi meħtieġa. Id-dħul fis-servizz tal-espert għandu jkun fl-ewwel jew fis-sittax tax-xahar.
2. Is-SĠK għandu jibgħat ħlasijiet, f'euro, f'kont bankarju miftuħ f'istituzzjoni bankarja fl-Unjoni.
KAPITOLU IV
ESPERTI SEKONDATI GĦAL PERIJODU QASIR BLA SPEJJEŻ
Artikolu 24
Esperti ssekondati għal perijodu qasir bla spejjeż
1. Espert speċjalizzat ħafna jista' jiġi sekondat mas-SĠK fuq CFSS biex iwettaq dmirijiet speċifiċi għal perijodu massimu ta' sitt xhur li jista' jiġi estiż f'konformità mal-Artikolu 25(1).
Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim kuntrarju bejn is-SĠK u l-amministrazzjoni li tissekonda l-espert fuq CFSS, dan is-sekondar ma għandu jinvolvi l-ħlas tal-ebda benefiċċju jew spiża għas-SĠK ħlief, fejn ikun xieraq, dawk previsti fl-Artikolu 29.
2. Soġġett għall-Artikoli 25 sa 29, ir-regoli previsti fl-Artikoli 1 sa 17, 21 sa 23 u 30 sa 32 għandhom japplikaw ukoll għal esperti fuq CFSS.
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, l-imġiba ta' esperti fuq CFSS għandha dejjem tirrifletti l-fatt li l-esperti fuq CFSS huma sekondati mas-SĠK u ma għandha qatt tirrifletti ħażin fuq il-kariga tagħhom fis-SĠK.
Artikolu 25
It-tiġdid u l-estensjoni ta' sekondar għal perijodu qasir bla spejjeż
1. Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 24(1) jista' jiġi estiż darba b'perijodu massimu ta' sitt xhur. Madankollu, f'każijiet eċċezzjonali, is-SĠK jista' jiddeċiedi li jagħti estensjoni ta' iktar minn sitt xhur.
2. L-espert fuq CFSS jista' jiġi sekondat mill-ġdid mas-SĠK skont ir-regoli stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, dment li jkun għadda perijodu ta' mill-inqas sena bejn tmiem il-perijodu tal-ewwel sekondar u s-sekondar il-ġdid.
3. F'każijiet eċċezzjonali, il-perijodu ta' sena msemmi fil-paragrafu 2 jista' jkun iqsar.
Artikolu 26
Id-deskrizzjoni tad-dmirijiet
1. Fl-iskambju ta' ittri previst fl-Artikolu 4(1), għandha ssir referenza għall-persuna responsabbli fi ħdan id-Direttorat Ġenerali jew id-direttorat, l-unità, jew dipartiment ieħor li l-espert fuq CFSS ser ikun sekondat miegħu kif ukoll ikun hemm deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti li jridu jitwettqu minn dan tal-aħħar.
2. L-espert fuq CFSS għandu jirċievi istruzzjonijiet mill-persuna responsabbli msemmija fil-paragrafu 1 dwar id-dmirijiet speċifiċi li għandhom jinqdew.
Artikolu 27
Assigurazzjoni
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29 u minkejja l-Artikolu 11(2) u (3), espert fuq CFSS għandu jkun kopert mis-SĠK kontra r-riskju ta' inċidenti, f'każijiet fejn l-espert fuq CFSS ma jkunx kopert mill-assigurazzjoni ta' min iħaddem kontra l-istess riskju.
Artikolu 28
Kondizzjonijiet ta' xogħol
1. Minkejja t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(2), espert fuq CFSS għandu jaħdem biss fuq bażi full-time matul is-sekondar.
2. L-Artikolu 12(4) mhux applikabbli għal espert fuq CFSS.
3. L-Artikolu 14(3) u (5) mhux applikabbli għal espert fuq CFSS. Madankollu, abbażi ta' applikazzjoni motivata mressqa mill-espert fuq CFSS, l-espert fuq CFSS jista' jingħata leave speċjali b'deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-dipartiment li miegħu l-espert fuq CFSS ikun sekondat. Dak il-leave speċjali ma jistax ikun iktar minn tlett ijiem matul il-perijodu kollu tas-sekondar. Id-Direttur Ġenerali tad-dipartiment għandu jikkonsulta minn qabel mad-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni.
Artikolu 29
Missjonijiet
1. Jekk espert fuq CFSS jipparteċipa f'missjonijiet f'post li mhux il-post tas-sekondar, l-espert fuq CFSS għandu jiġi rimborżat skont ir-regoli fis-seħħ għar-rimborż tal-missjonijiet li jinvolvu uffiċjali, ħlief jekk ikun sar arranġament ieħor bejn is-SĠK u min iħaddem.
2. Jekk, fl-ambitu ta' missjoni, tingħata assigurazzjoni speċjali għal “riskji kbar” mis-SĠK lill-uffiċjali, din il-faċilità għandha tapplika wkoll għal espert fuq CFSS li jipparteċipa fl-istess missjoni.
3. Espert fuq CFSS li jipparteċipa f'missjoni barra t-territorju tal-UE għandu jkun soġġett għall-arranġamenti ta' sigurtà fis-seħħ fis-SĠK għal missjonijiet bħal dawn.
KAPITOLU V
ILMENTI
Artikolu 30
Ilmenti
Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jibda proċedimenti wara li jieħu kariga, skont il-kondizzjonijiet u l-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE, kull espert jista' jressaq ilment lill-unità tad-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni responsabbli għal ilmenti u talbiet skont ir-Regolamenti tal-Persunal rigward att mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill skont din id-Deċiżjoni li jaffettwa ħażin lill-espert, bl-eċċezzjoni ta' atti li jirriżultaw direttament minn deċiżjonijiet meħuda minn min iħaddem.
L-ilment għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn. Il-perijodu għandu jibda mid-data ta' notifika tad-deċiżjoni lill-persuna konċernata, iżda fl-ebda każ aktar tard mid-data meta din tal-aħħar tkun irċeviet tali notifika. Id-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni għandu jinnotifika lill-persuna konċernata b'deċiżjoni motivata fi żmien erba' xhur mid-data meta jkun ġie ppreżentat l-ilment. Jekk fl-aħħar ta' dak il-perijodu l-espert ma jirċevix risposta għall-ilment, l-ilment għandu jitqies li jkun ġie impliċitament miċħud.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 31
Għoti ta' informazzjoni
Ir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri kollha għandhom jinżammu infurmati kull sena bl-għadd ta' esperti fis-SĠK. Din l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll:
(a) |
iċ-ċittadinanzi tal-esperti sekondati minn OIG kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(4); |
(b) |
kwalunkwe eċċezzjoni għall-proċedura ta' selezzjoni skont l-Artikolu 3(4); |
(c) |
l-assenjazzjoni tal-esperti kollha; |
(d) |
kwalunkwe sospensjoni u terminazzjoni bikrija ta' sekondar ta' esperti msemmija fl-Artikoli 9 u 10; |
(e) |
l-aġġornament annwali tal-benefiċċji tal-ENS skont l-Artikolu 19. |
Artikolu 32
Delegazzjoni ta' setgħat
Is-setgħat kollha konferiti fuq is-SĠK skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġu eżerċitati mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill huwa awtorizzat li jiddelega kwalunkwe waħda minn dawk is-setgħat jew dawk is-setgħat kollha lid-Direttur Ġenerali għall-Amministrazzjoni tas-SĠK.
Artikolu 33
Tħassir
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/829/KE hija b'dan imħassra. Madankollu, l-Artikolu 2(1) u l-Artikoli 15 sa 19 tagħha għandhom jibqgħu japplikaw għal kull sekondar li jkun għaddej fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34.
Artikolu 34
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika għal kull sekondar ġdid jew għal kull tiġdid jew estensjoni ta' sekondar mill-ewwel jum tax-xahar wara d-dħul fis-seħħ tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta' Ġunju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
E. RINKĒVIČS
(1) Id-Deċiżjoni 2007/829/KE tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2007 dwar ir-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali u għall-persunal militari nazzjonali sekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/479/KE (ĠU L 327, 13.12.2007, p. 10).
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).
(3) Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).