Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1024

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1024 tal-15 ta' Ġunju 2015 li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw. fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

ĠU L 163, 30.6.2015, pp. 32–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1024/oj

30.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/32


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1024

tal-15 ta' Ġunju 2015

li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw. fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni. Miżuri għall-protezzjoni tat-tfal kontra t-teħid jew iż-żamma illegali tagħhom huma parti essenzjali ta' dik il-politika.

(2)

L-Unjoni adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (2)“Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares it-tfal mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma illegali tagħhom u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn rapidu tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet ta' aċċess u d-drittijiet tal-kustodja.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 jikkumplimenta u jirrinfurza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali bil-għan li jkun żgurat ir-ritorn minnufih ta' tfal li ttieħdu jew inżammu b'mod illegali.

(4)

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma parti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(5)

L-Unjoni tinkoraġġixxi lil stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat.

(6)

Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u l-istati terzi jista' jiġi kkunsidrat li joffri l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri.

(7)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-istat aderenti u tali stati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

(8)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru parti għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi għall-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tressaq dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' stat aderenti.

(9)

Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea d-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni taħt il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.

(10)

Singapore ressaq l-istrument tal-adeżjoni tiegħu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fit-28 ta' Diċembru 2010. Dik il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ għal Singapore fl-1 ta' Marzu 2011.

(11)

Bosta Stati Membri diġà aċċettaw l-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni f'Singapore wasslet għall-konklużjoni li dawk l-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni ta' Singapore, jinsabu f'pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni ta' Singapore taħt it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(12)

L-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni ta' Singapore għandhom għalhekk ikunu awtorizzati li jressqu d-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' Singapore fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju tal-Iżvezja li diġà aċċettaw l-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 m'għandhomx iressqu dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni peress li d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi skont id-dritt internazzjonali pubbliku.

(13)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(14)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan huma b'dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) fl-interess tal-Unjoni.

2.   Dawk l-Istati Membri għandhom, mhux aktar tard mis-16 ta' Ġunju 2016 iressqu dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal- 1980 fl-interess tal-Unjoni fformulata kif ġej:

“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni ta' Andorra għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri’, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1024”.

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tiegħu tal-adeżjoni ta' Andorra u jikkommunika lill-Kummissjoni t-test tad-dikjarazzjoni fi żmien xahrejn mid-depożitu tagħha.

Artikolu 2

Dawk l-Istati Membri li ressqu d-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 qabel id-data ta' adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, m'għandhomx jagħmlu dikjarazzjonijiet ġodda.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

Dz. RASNAČS


(1)  Opinjoni tal-11 ta' Frar 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).


Top