Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1016

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1016 tat-23 ta' Ġunju 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

ĠU L 162, 27.6.2015, pp. 100–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1016/oj

27.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 162/100


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1016

tat-23 ta' Ġunju 2015

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemendah, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tiegħu.

(3)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet u arranġamenti dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.

(4)

Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim taż-ŻEE f'azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni li jikkonċernaw l-“Operat u l-iżvilupp tas-suq intern, partikolarment fl-oqsma tan-notifikazzjoni, ċertifikazzjoni u approssimazzjoni settorjali” u l-“Implimentazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern”.

(5)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża tkompli għaddejja anke wara l-31 ta' Diċembru 2014.

(6)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' dak il-Kumitat mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. RINKĒVIČS


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/2015

ta'

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE f'azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-implimentazzjoni, l-operat u l-iżvilupp tas-Suq Intern.

(2)

Il-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża tkompli għaddejja anke wara l-31 ta' Diċembru 2014,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 7 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE huwa emendat kif ġej:

1.

Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 9:

“10.   L-Istati tal-EFTA, mill-1 ta' Jannar 2015, għandhom jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-linji baġitarji li ġejjin, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015:

Linja tal-baġit 02.03.01: ‘L-operat u l-iżvilupp tas-suq intern partikolarment fl-oqsma tan-notifika, iċ-ċertifikazzjoni u l-approssimazzjoni settorjali’,

Linja tal-baġit 12.02.01: ‘L-implimentazzjoni u l-żvilupp tas-suq intern’.”

2.

Il-kliem “paragrafi 5 sa 9” fil-paragrafi 3 u 4 jiġu ssostitwiti bil-kliem “paragrafi 5 sa 10”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(*1)  [Mhu indikat ebda rekwiżit kostituzzjonali.][Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


Top