This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D0873
Council Decision (EU) 2015/873 of 18 May 2015 on the position to be adopted, on behalf of the European Union, at the 48th session of the Port State Control Committee of the Paris Memorandum of Understanding on Port State Control
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/873 tat-18 ta' Mejju 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fit-48 sessjoni tal-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/873 tat-18 ta' Mejju 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fit-48 sessjoni tal-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
ĠU L 142, 6.6.2015, p. 25–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
6.6.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 142/25 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/873
tat-18 ta' Mejju 2015
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fit-48 sessjoni tal-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Is-sigurtà marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord jistgħu jittejbu b'mod effettiv bi tnaqqis drastiku ta' bastimenti substandard fl-ibħra tal-Unjoni, billi jiġu applikati b'mod strett il-Konvenzjonijiet, il-kodiċijiet u r-riżoluzzjonijiet internazzjonali rilevanti. |
(2) |
Filwaqt li r-responsabbiltà primarja għall-monitoraġġ tal-konformità tal-bastimenti mal-istandards internazzjonali għas-sigurtà, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord hija f'idejn l-Istat tal-bandiera, ir-responsabbiltà għaż-żamma tal-kundizzjoni tal-bastiment u t-tagħmir tiegħu, wara stħarriġ biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjonijiet applikabbli għall-bastiment, hija tal-kumpannija tal-bastiment. Madankollu, kien hemm nuqqas serju min-naħa ta' numru ta' Stati tal-bandiera meta ġew biex jimplimentaw u jinforzaw dawk l-istandards internazzjonali. |
(3) |
Għaldaqstant, bħala t-tieni linja ta' difiża kontra t-trasport marittimu substandard, il-monitoraġġ tal-konformità mal-istandards internazzjonali għas-sigurtà, għall-prevenzjoni ta' tniġġis u għall-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord għandu wkoll jiġi żgurat mill-Istati tal-port, waqt li jkun rikonoxxut li l-ispezzjoni ta' kontroll mill-Istat tal-port mhijiex stħarriġ u l-formoli rilevanti tal-ispezzjoni mhumiex ċertifikati ta' adegwatezza għat-tbaħħir. Approċċ armonizzat għall-infurzar effettiv ta' dawk l-istandards internazzjonali mill-Istati Membri kostali tal-Unjoni fir-rigward ta' bastimenti li jbaħħru fl-ilmijiet fil-ġurisdizzjoni tagħhom u li jużaw il-portijiet tagħhom għandu jevita distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. |
(4) |
Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistabbilixxi r-reġim tal-Unjoni dwar il-kontroll mill-Istat tal-port, billi tifformula mill-ġdid u tirrinforza l-leġiżlazzjoni preċedenti tal-Unjoni f'dan il-qasam li ilha fis-seħħ mill-1995. Ir-reġim tal-Unjoni huwa bbażat fuq l-istruttura li kienet teżisti qabel il-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (il-“Memorandum ta' Pariġi”) li ġie ffirmat f'Pariġi fis-26 ta' Jannar 1982. |
(5) |
Fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni, id-Direttiva 2009/16/KE tpoġġi b'mod effettiv ċerti proċeduri, għodod u l-ħidma tal-Memorandum ta' Pariġi fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Bis-saħħa tad-Direttiva 2009/16/KE, ċerti deċiżjonijiet meħuda mis-sede kompetenti xierqa tal-Memorandum ta' Pariġi isiru vinkolanti fuq l-Istati Membri tal-Unjoni. |
(6) |
Il-Kumitat dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (PSCC) tal-Memorandum ta' Pariġi ser jorganizza t-48 sessjoni tiegħu mit-18 sat-22 ta' Mejju 2015. Matul dik is-sessjoni, il-PSCC huwa mistenni li jiddeċiedi dwar ċerti kwistjonijiet li għandhom effett legali dirett fuq id-Direttiva 2009/16/KE. |
(7) |
Il-PSCC huwa mistenni jikkunsidra u, sussegwentement, jadotta l-istatistika aġġornata tal-ispezzjonijiet tal-2014, inklużi l-listi ġodda ta' prestazzjoni tal-bandieri bojod, griżi u suwed u l-lista ta' prestazzjoni ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti li ser jintużaw għal skopijiet ta' identifikazzjoni mill-1 ta' Lulju 2015. Peress li l-istatistika tal-ispezzjonijiet tal-Memorandum ta' Pariġi hija essenzjali għall-implimentazzjoni tar-reġim ta' spezzjoni stabbilit mid-Direttiva 2009/16/KE, l-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, għandhom jappoġġaw l-adozzjoni tagħha. |
(8) |
Il-PSCC huwa wkoll mistenni jikkunsidra u, sussegwentement, jadotta l-impenn reġjonali u l-kalkolu ta' sehem ġust skont l-Anness 11 għall-Memorandum ta' Pariġi. Minħabba l-importanza li l-impenn ta' spezzjonijiet jiġi kondiviż b'mod ekwu fost l-Istati Membri u li kull Stat Membru jikkontribwixxi b'mod ġust biex jinkiseb l-objettiv tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5 tad- Direttiva 2009/16/KE, l-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, għandhom jappoġġaw dawk l-azzjonijiet tal-PSCC. |
(9) |
Il-PSCC huwa wkoll mistenni jikkonferma l-proporzjonijiet medji tad-detenzjoni u d-defiċjenza. Filwaqt li jżomm f'moħħu r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 802/2010 (2) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1205/2012 (3), l-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, għandhom jappoġġaw l-adozzjoni tagħhom. |
(10) |
Barra minn hekk, il-PSCC huwa mistenni jiddiskuti l-formoli ta' segwitu tad-detenzjonijiet (FUD) u l-proċeduri fil-każ ta' nuqqas li bastiment jiġi riċiklat kif miftiehem u jikkunsidra emenda tal-proċeduri u l-linji gwida tal-Memorandum ta' Pariġi. B'kont meħud tal-importanza ta' detenzjoni effettiva, proporzjonali u dissważiva, rifjut għal aċċess u segwitu għal sistema ta' spezzjoni taħt l-Artikoli 16, 19 u 21 tad- Direttiva 2009/16/KE, l-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, għandhom jopponu l-proposta fil-punt 2.6 tal-linja gwida emendata stabbilita fl-Anness II għad-dokument PSCC48/4.3.8, li tikkonċerna projbizzjoni definittiva u permanenti fuq bastimenti, minflok projbizzjoni temporanja, peress li din il-proposta mhijiex konformi mad-Direttiva 2009/16/KE. |
(11) |
Skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni f'sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, għandha tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni. |
(12) |
L-Unjoni ma hijiex parti kontraenti għall-Memorandum ta' Pariġi. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu bid-deċiżjonijiet meħuda mill-PSCC, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni fit-48 sessjoni tal-PSCC tal-Memorandum ta' Pariġi meta dik is-sede tintalab tadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali huma stipulati fl-Anness.
Artikolu 2
Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1 għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri, li huma marbuta mill-Memorandum ta' Pariġi, billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Jista' jsir qbil dwar bidliet formali u minuri fil-pożizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1 mingħajr ma jkun hemm għalfejn jiġu emendati dawk il-pożizzjonijiet.
Artikolu 4
L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
M. SEILE
(1) Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 802/2010 tat-13 ta' Settembru 2010 li jimplimenta l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kumpaniji (ĠU L 241, 14.9.2010, p. 4).
(3) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1205/2012 tal-14 ta' Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 802/2010 fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kumpaniji (ĠU L 347, 15.12.2012, p. 10).
ANNESS
Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, f'isem l-Unjoni, fit-48 sessjoni tal-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, huma li:
(a) |
jiġu approvati l-azzjonijiet proposti fid-dokument PSCC48/3.3 A, paragrafu 9.1; |
(b) |
jiġu approvati l-azzjonijiet proposti fid-dokument PSCC48/4.2.2B, paragrafu 5.1; |
(c) |
jiġu approvati l-azzjonijiet proposti fid-dokument PSCC48/4.2.2C, paragrafu 6.1; u |
(d) |
tiġi opposta l-emenda proposta fil-punt 2.6 tal-linja gwida emendata fid-dokument PSCC48/4.3.8. |