This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D0773
Council Decision (EU) 2015/773 of 11 May 2015 establishing the Social Protection Committee and repealing Decision 2004/689/EC
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/773 tal-11 ta' Mejju 2015 li tistabbilixxi l-Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/689/KE
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/773 tal-11 ta' Mejju 2015 li tistabbilixxi l-Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/689/KE
ĠU L 121, 14.5.2015, pp. 16–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
14.5.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 121/16 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/773
tal-11 ta' Mejju 2015
li tistabbilixxi l-Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/689/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 160 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha “Strateġija Konċertata għall-immodernizzar tal-protezzjoni soċjali” tal-14 ta' Lulju 1999, il-Kummissjoni għamlet suġġerimenti għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni soċjali permezz ta', fost affarijiet oħra, l-istabbiliment ta' grupp ta' uffiċjali ta' livell għoli. |
|
(2) |
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2000, il-Parlament Ewropew laqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-ħolqien ta' tali grupp. |
|
(3) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar it-tisħiħ tal-koperazzjoni għall-immodernizzar u t-titjib tal-protezzjoni soċjali (1), il-Kunsill appoġġa l-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu għal koperazzjoni msaħħa, maħluqa bix-xogħol tal-grupp ta' uffiċjali ta' livell għoli, għall-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni. Il-Kunsill saħaq li din it-tip ta' koperazzjoni għandha tkopri kull forma ta' protezzjoni soċjali u, fejn ikun meħtieġ, tgħin lill-Istati Membri biex itejbu u jsaħħu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħhom skont il-prijoritajiet nazzjonali tagħhom. Fakkar ukoll il-kompetenza tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-protezzjoni soċjali u approva l-erba' objettivi wiesa', li huma parti mill-isfida ġenerali tal-immodernizzar tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali kif identifikati mill-Kummissjoni: jiġifieri li jagħmlu x-xogħol irendi u jipprovdi dħul assigurat, li jassiguraw il-pensjonijiet u jagħmlu s-sistemi ta' pensjoni sostenibbli, li jippromovu l-inklużjoni soċjali u biex jiżguraw li l-ħarsien tas-saħħa jkun ta' kwalità għolja u sostenibbli; huwa saħaq ukoll li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel trid tiġi integrata fl-attivitajiet kollha li jimmiraw għat-twettiq ta' dawn l-erba' objettivi. Fl-aħħar, il-Kunsill irrikonoxxa li l-aspetti li għandhom x'jaqsmu mal-finanzi huma komuni għall-objettivi kollha. |
|
(4) |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 għarfu l-importanza tal-protezzjoni soċjali għal aktar żvilupp u modernizzar ta' stat assistenzjali attiv u dinamiku fl-Ewropa, u sejjħu lill-Kunsill biex isaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tal-iskambju ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki abbażi ta' networks ta' informazzjoni mtejba. |
|
(5) |
F'Nizza u fil-laqgħat sussegwenti tiegħu, il-Kunsill Ewropew approva regolarment il-ħidma li saret mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali fil-promozzjoni u t-tisħiħ tal-politika tal-Unjoni ta' skambju u ta' koordinazzjoni tal-protezzjoni soċjali. |
|
(6) |
Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/436/KE (2) imħassra u sostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/689/KE (3) wera biċ-ċar l-utilità tiegħu bħala korp konsultattiv, kemm għall-Kunsill kif ukoll għall-Kummissjoni, u kkontribwixxa b'mod attiv għall-iżvilupp tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK), kif stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta' Lisbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000. L-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali “L-għoti tal-ħajja mill-ġdid lill-MMK soċjali fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020” kif approvata mill-Kunsill fis-17 ta' Ġunju 2011, tafferma mill-ġdid il-validità tal-objettivi u l-għodod tal-MMK soċjali. Ir-rwol tal-Kumitat fil-qafas tal-MMK għandu jiġi rifless f'din id-Deċiżjoni. |
|
(7) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill Ewropew iddikjara li għandha tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Bħala l-ewwel pass, huwa importanti li jiġu segwiti u meqjusa aħjar is-sitwazzjoni soċjali u dik tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, partikolarment permezz tal-użu ta' indikaturi soċjali u dwar l-impjiegi adatti fis-Semestru Ewropew. Huwa importanti wkoll li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-politika dwar l-impjiegi u dik soċjali, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali. |
|
(8) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 u l-25 ta' Ottubru 2013, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali ser tittejjeb aktar f'konformità mal-proċeduri eżistenti filwaqt li jiġu rrispettati b'mod sħiħ il-kompetenzi nazzjonali. Il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li għalhekk hemm bżonn aktar ħidma biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn id-diversi konfigurazzjonijiet tal-Kunsill sabiex tiġi żgurata konsistenza ta' dawk il-politiki f'konformità mal-objettivi komuni. |
|
(9) |
Din id-Deċiżjoni għandha tirrifletti l-iżvilupp tas-Semestru Ewropew u r-rwol tal-Kumitat f'dan il-proċess. B'mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (4) jistabbilixxi li l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika, il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għandhom jiġu kkonsultati fil-qafas tas-Semestru Ewropew, fejn ikun xieraq. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jiddikjara li r-rieżamijiet profondi għandhom iqisu, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet jew stediniet tal-Kunsill indirizzati lill-Istati Membri. Jistabbilixxi wkoll li pjan ta' azzjoni korrettiv għal kwalunkwe Stat Membru li tkun infetħet għalih proċedura ta' żbilanċ eċċessiv għandu jqis l-impatt ekonomiku u soċjali tal-azzjonijiet ta' politika u għandu jkun konsistenti mal-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika u l-linji gwida dwar l-impjiegi. |
|
(10) |
Il-Kumitat u l-korpi tal-Unjoni involuti fil-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi u soċjali, b'mod partikolari l-Kumitat tal-Impjiegi, il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika, għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib. Fejn adatt u meta jintlaħaq qbil reċiproku bejn il-Kumitati involuti, il-kooperazzjoni tal-Kumitat mal-Kumitat tal-Impjiegi, il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika jistgħu jinkludu l-organizzazzjoni ta' laqgħat konġunti, b'mod partikolari fil-kuntest tar-rwoli rispettivi tal-Kumitati fis-Semestru Ewropew. |
|
(11) |
Sabiex iwettaq b'mod effettiv il-mandat tiegħu skont it-Trattat u biex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa sabiex tiġi adattata l-iskeda tal-attivitajiet tal-Kumitat, b'mod partikolari fil-qafas taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, għandhom jiġu riveduti d-dispożizzjonijiet ta' governanza relatati mal-funzjonament tal-Kumitat bil-għan li jiġu żgurati l-effiċjenza u l-kontinwità. |
|
(12) |
Id-Deċiżjoni 2004/689/KE għandha titħassar, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment
Huwa b'dan stabbiliti Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali (“il-Kumitat”), bi status konsultattiv, biex jippromovi l-koperazzjoni f'politika ta' protezzjoni soċjali bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni, f'konformità sħiħa mat-Trattat u b'konsiderazzjoni xierqa għas-setgħat tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni.
Artikolu 2
Kompiti
1. Il-kompiti tal-Kumitat għandhom ikunu:
|
(a) |
li jissorvelja s-sitwazzjoni soċjali u l-iżvilupp tal-politika ta' protezzjoni soċjali fl-Istati Membri u fl-Unjoni; |
|
(b) |
li jippromwovi skambji ta' informazzjoni, esperjenzi u prattiki tajbin bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni; |
|
(c) |
mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 240 tat-Trattat, li jipprepara rapporti, jifformula opinjonijiet jew jidħol għal xogħol ieħor fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu, fuq it-talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess. |
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kumitat għandu, b'mod partikolari, jagħmel ħiltu biex:
|
(a) |
juża l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, inkluż billi japplika strumenti ta' monitoraġġ li jkun intlaħaq qbil dwarhom b'mod konġunt u jimplimenta arranġamenti ta' evalwazzjoni li jkun intlaħaq qbil reċiproku dwarhom fl-implimentazzjoni tal-objettivi komuni miftiehma mill-Kunsill; |
|
(b) |
jikkontribwixxi għall-aspetti kollha tas-Semestru Ewropew fil-qasam tal-kompetenza tiegħu u jirrapporta dwarhom lill-Kunsill. |
|
(c) |
jaħdem, skont kif ikun meħtieġ, f'kooperazzjoni ma' korpi u kumitati rilevanti oħra li jittrattaw kwistjonijiet ta' politika soċjali u ekonomika, bħall-Kumitat tal-Impjiegi, il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Grupp ta' Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika f'Livell Għoli. |
3. Kull sena, il-Kumitat għandu jadotta programm ta' ħidma, filwaqt li jqis il-prijoritajiet ta' politika tal-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-programm ta' ħidma għandu jintbagħat lill-Kunsill.
4. Fit-twettiq tal-mandat tiegħu, il-Kumitat għandu jikkoopera mal-imsieħba soċjali. F'dan il-kuntest, huwa għandu jistabbilixxi kuntatti mal-imsieħba soċjali rrappreżentati fis-Summit Tripartit Soċjali għall-Iżvilupp u x-Xogħol stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/174/KE (6). Il-Kumitat għandu jistabbilixxi kuntatti xierqa mal-organizzazzjonijiet soċjali mhux governattivi, filwaqt li jittieħed kont tar-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fl-isfera tal-protezzjoni soċjali. Il-Parlament Ewropew ikun infurmat ukoll dwar l-attivitajiet tal-Kumitat.
5. Il-Kumitat jista' juża esperti esterni meta l-aġenda tiegħu tkun teħtieġ dan.
6. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi kuntatti ma' rappreżentanti tal-pajjiżi kandidati.
Artikolu 3
Sħubija
1. Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru żewġ membri tal-Kumitat. Jistgħu wkoll jaħtru żewġ membri supplenti.
2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jiksbu bilanċ bejn is-sessi fil-kompożizzjoni tal-Kumitat.
Artikolu 4
Operat
1. Il-Kumitat għandu jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-membri maħtura mill-Istati Membri għal mandat ta' sentejn. Il-President jista' jerġa' jiġi elett darba għal mandat ulterjuri ta' sentejn. Il-Kumitat jista', biex jiżgura l-effiċjenza u l-kontinwità tal-ħidma tiegħu, jiddeċiedi li jestendi l-mandat ta' President b'mhux aktar minn tmien xhur f'każijiet debitament iġġustifikati. Il-President jista' jibqa' fil-kariga sa total ta' erba' snin u tmien xhur.
2. Il-President għandu jkun megħjun minn erba' Viċi Presidenti li tnejn minnhom għandhom jiġu eletti mill-Kumitat minn fost il-membri tiegħu għal mandat ta' sentejn, li jista' jiġġedded darba. It-tielet Viċi President għandu jkun rappreżentant mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill. Ir-raba' Viċi President jkun rappreżentant mill-Istat Membru li ser ikollu l-Presidenza li jmiss.
3. Il-President għandu jiddelega d-dritt tal-vot tiegħu lill-membru supplenti tiegħu.
4. Il-laqgħat tal-Kumitat għandhom jissejħu mill-President, fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba ta' mill-inqas nofs il-membri tal-Kumitat.
5. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.
6. L-ispejjeż għandhom jiġu rimborsati f'konformità r-regoli amministrattivi fis-seħħ.
7. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ analitiku u organizzattiv adegwat lill-Kumitat. Il-Kummissjoni għandha taħtar membru mill-persunal tagħha bħala s-Segretarju. Is-Segretarju u l-persunal li jgħinuh għandhom jaġixxu fuq struzzjonijiet tal-Kumitat meta jgħinu lill-Kumitat fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Is-Segretarju għandu jikkoopera mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tal-organizzazzjoni ta' laqgħat.
Artikolu 5
Gruppi ta' ħidma
1. Il-Kumitat jista' jafda l-istudju ta' kwistjonijiet speċifiċi lill-membri supplenti tiegħu jew jista' jistabbilixxi gruppi ta' ħidma għal dan il-għan. Il-pożizzjoni ta' President ta' tali grupp ta' ħidma għandha timtela minn Viċi President tal-Kumitat, membru jew membru supplenti tal-Kumitat, uffiċjal tal-Kummissjoni, jew minn membru tal-grupp ta' ħidma stess maħtur mill-Kumitat.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ analitiku u organizzattiv adegwat lill-gruppi ta' ħidma.
3. Il-gruppi ta' ħidma jistgħu jitolbu għajnuna minn esperti.
4. Il-Kumitat jista' jistabbilixxi bl-istess mod gruppi ta' ħidma konġunti ma' kumitati jew korpi oħra, li t-twaqqif u r-regoli ta' tmexxija tagħhom jiġu ddeterminati b'mod konġunt.
Artikolu 6
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
Il-mandat ta' kull membru elett f'konformità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/689/KE għandu jkompli sat-tmiem ta' dak il-mandat kif determinat f'konformità mal-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni. Id-data tal-bidu ta' mandat bħal dan għandha titqies bħala d-data tal-elezzjoni tal-membru li tkun saret f'konformità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/689/KE.
Artikolu 7
Tħassir
Id-Deċiżjoni 2004/689/KE għandha titħassar mid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Dik il-laqgħa tal-Kumitat għandha ssir mhux aktar tard minn erba' xhur wara d-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
J. DŪKLAVS
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/436/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li tistabbilixxi Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali (ĠU L 172, 12.7.2000, p. 26).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/689/KE tal-4 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/436/KE (ĠU L 314, 13.10.2004, p. 8).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/174/KE tas-6 ta' Marzu 2003 li tistabbilixxi Summit Tripartit Soċjali għall-Iżvilupp u x-Xogħol (ĠU L 70, 14.3.2003, p. 31).