Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0674

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/674 tal-20 ta' April 2015 dwar l-aċċettazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

    ĠU L 111, 30.4.2015, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/674/oj

    Related international agreement

    30.4.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 111/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/674

    tal-20 ta' April 2015

    dwar l-aċċettazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM, General Fisheries Commission for the Mediterranean) (il-“Ftehim”) kien ġie stabbilit u approvat fil-Ħames Sessjoni tal-Konferenza tal-FAO fl-1949 u daħal fis-seħħ fl-20 ta' Frar 1952.

    (2)

    Il-Komunità Ewropea saret Parti Kontraenti għall-GFCM permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 98/416/KE (1) mill-Kunsill.

    (3)

    Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea.

    (4)

    Fil-15 ta' Novembru 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja, f'isem l-Unjoni, emendi għall-Ftehim dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni.

    (5)

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni mexxew in-negozjati skont l-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom skont it-termini tal-mandat u f'kooperazzjoni mill-qrib bejniethom.

    (6)

    In-negozjati ġew konklużi b'suċċess fil-laqgħa tal-GFCM tad-19 sal-24 ta' Mejju 2014. F'dik il-laqgħa, il-GFCM approva t-test tal-Ftehim emendat.

    (7)

    L-iskop tal-emendi fil-Ftehim huwa li jimmodernizzaw il-GFCM u jirrinforzaw ir-rwol tagħha fil-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-qasam tal-kompetenza tagħha.

    (8)

    L-objettivi, il-prinċipji ġenerali u l-funzjonijiet tal-GFCM ġew riveduti u mwessgħin biex jiżguraw il-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ambjent tagħhom.

    (9)

    Il-Ftehim emendat huwa konformi mal-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni. Għalhekk huwa fl-interess tal-Unjoni li taċċetta l-Ftehim emendat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim emendat li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim emendat huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna mogħtija s-setgħa li tipproċedi, f'isem l-Unjoni, biex tinnotifika lill-FAO dwar l-aċċettazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-Ftehim emendat. (2)

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' April 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. DŪKLAVS


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/416/KE tas-16 ta' Ġunju 1998 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (ĠU L 190, 4.7.1998, p. 34).

    (2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim emendat se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top