Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0670

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/670 tas-27 ta' April 2015 dwar il-konformità tar-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 (notifikata bid-dokument C(2015) 2635) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2015/2635

    ĠU L 110, 29.4.2015, p. 25–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/670/oj

    29.4.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 110/25


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/670

    tas-27 ta' April 2015

    dwar il-konformità tar-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013

    (notifikata bid-dokument C(2015) 2635)

    (It-testi bil-Bulgaru, bl-Ispanjol, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bl-Ungeriż, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Sloven, bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 (2) jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru. L-iskema komuni ta' imposti hija element integrali għall-kisba tal-għanijiet tal-iskema ta' prestazzjoni kif stabbilita mill-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 (4).

    (2)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE (5) tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni għall-UE kollha kemm hi, fosthom il-mira tal-kosteffikaċja tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru waqt li dawn ikunu fir-rotta, espressa f'kosti unitarji determinati għall-forniment ta' dawn is-servizzi, għat-tieni perjodu ta' referenza li jkopri u jinkludi s-snin mill-2015 sal-2019.

    (3)

    L-Artikolu 17(1)(b) u (c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 jistipula li l-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sal-1 ta' Ġunju 2014 bi qbil mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2) ta' dak ir-Regolament. Dik il-valutazzjoni tikkonċerna l-konformità ta' dawk ir-rati unitarji mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

    (4)

    Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha tar-rati unitarji bl-għajnuna tal-Korp ta' Valutazzjoni tal-Prestazzjoni, inkarigat biex jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta' prestazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, u bl-għajnuna tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot tal-Eurocontrol, permezz tad-dejta u tal-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Istati membri sal-1 ta' Ġunju 2014, u tal-informazzjoni rilevanti li ngħatat fil-pjanijiet tal-prestazzjoni. Il-valutazzjoni qieset ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija u l-korrezzjonijiet li saru qabel il-laqgħa konsultattiva dwar ir-rati unitarji tal-2015 għas-servizzi fir-rotta, li saret fil-25 u fis-26 ta' Ġunju 2014 b'applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, u qieset ukoll il-korrezzjonijiet tar-rati unitarji li għamlu l-Istati Membri wara li saru komunikazzjonijiet sussegwenti bejn il-Kummissjoni, il-Korp ta' Valutazzjoni tal-Prestazzjoni u l-Istati Membri kkonċernati. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tar-rati unitarji tal-2015 issejset fuq ir-rapport tal-Korp ta' Valutazzjoni tal-Prestazzjoni dwar il-pjanijiet ta' prestazzjoni għat-tieni perjodu ta' referenza, li tressaq lill-Kummissjoni fis-7 ta' Ottubru 2014 u li sussegwentement ġie aġġornat fil-15 ta' Diċembru 2014.

    (5)

    Abbażi ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni, bi qbil mal-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, sabet li r-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti mressqa mir-Renju Unit, mill-Irlanda, mill-Bulgarija, mir-Rumanija, minn Ċipru, mill-Greċja, minn Malta, mill-Kroazja, mir-Repubblika Ċeka, mis-Slovenja, mill-Ungerija, mill-Polonja, mil-Litwanja, mid-Danimarka, mill-Iżvezja, mill-Estonja, mill-Finlandja, mil-Latvja, mill-Portugall u minn Spanja jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

    (6)

    Skont l-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiġu avżati dwar din is-sejba.

    (7)

    Is-sejba u l-avviż li r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 huma mingħajr ħsara għall-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

    (8)

    Billi l-pjanijiet tal-prestazzjoni finali għat-tieni perjodu ta' referenza ma ġewx adottati qabel l-1 ta' Novembru 2014, ta' min ifakkar li, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw mill-ġdid ir-rati unitarji taż-żoni tal-imposti għall-2015 fejn hemm bżonn abbażi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni finali adottati, u li japplikaw dawn ir-rati kkalkulati mill-ġdid kemm jista' jkun malajr fl-2015 u li jirriportaw kull differenza li jkun hemm minħabba l-applikazzjoni temporanja tar-rati unitarji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni fil-kalkolu tar-rati unitarji għall-2016.

    (9)

    Il-Kumitat dwar Ajru Uniku ma ressaqx opinjoni. Inħasset il-ħtieġa ta' att ta' implimentazzjoni u l-President ressaq l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni lill-kumitat tal-appell għal aktar diskussjoni. Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat tal-appell,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti stabbiliti fl-Anness jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Estonja, lill-Irlanda, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta' Spanja, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika ta' Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta' Malta, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Renju tal-Iżvezja u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta' April 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Violeta BULC

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 31).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 196, 31.3.2004, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE tal-11 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-livelli limiti ta' twissija għat-tieni perjodu ta' referenza mill-2015 sal-2019 (ĠU L 71, 12.3.2014, p. 20).


    ANNESS

     

    Żona tal-imposti

    Ir-rata unitarja tar-rotta tal-2015 fil-munita nazzjonali (1) (Kodiċi ISO)

    1

    Il-Bulgarija

    60,40 BGN

    2

    Il-Kroazja

    351,00 HRK

    3

    Ċipru

    36,91 EUR

    4

    Ir-Repubblika Ċeka

    1 204,05 CZK

    5

    Id-Danimarka

    471,12 DKK

    6

    L-Estonja

    31,10 EUR

    7

    Il-Finlandja

    56,23 EUR

    8

    Il-Greċja

    38,38 EUR

    9

    L-Ungerija

    11 197,73 HUF

    10

    L-Irlanda

    29,60 EUR

    11

    Il-Latvja

    27,58 EUR

    12

    Il-Litwanja

    46,82 EUR

    13

    Malta

    22,33 EUR

    14

    Il-Polonja

    143,89 PLN

    15

    Il-Portugall — Lisbona

    37,13 EUR

    16

    Ir-Rumanija

    164,60 RON

    17

    Is-Slovenja

    68,36 EUR

    18

    Spanja — il-Canarias

    58,36 EUR

    19

    Spanja — Kontinentali

    71,69 EUR

    20

    L-Iżvezja

    609,06 SEK

    21

    Ir-Renju Unit

    73,11 GBP


    (1)  Dawn ir-rati unitarji ma jinkludux ir-rata unitarja amministrattiva msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 u li tapplika għal dawk l-Istati li huma firmatarji tal-Ftehim Multilaterali tal-Eurocontrol dwar l-imposti tar-rotot.


    Top