Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0546

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/546 tal- 31 ta' Marzu 2015 li tawtorizza l-estensjoni tal-użu taż-żejt rikk fid-DHA u l-EPA mill-mikroalga Schizochytrium sp. bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2015) 2083)

ĠU L 90, 2.4.2015, pp. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/546/oj

2.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/11


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/546

tal-31 ta' Marzu 2015

li tawtorizza l-estensjoni tal-użu taż-żejt rikk fid-DHA u l-EPA mill-mikroalga Schizochytrium sp. bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2015) 2083)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-6 ta' Lulju 2012, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit awtorizzaw, skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97, it-tqegħid fis-suq taż-żejt rikk fl-aċidu dokosaeżaenojku (DHA) u l-aċidu ejkosapentenojku (EPA) mill-mikroalga Schizochytrium sp. bħala ingredjent tal-ikel il-ġdid biex jintuża f'ċertu ikel.

(2)

Fid-19 ta' Novembru 2012, il-kumpanija DSM Nutritional Products talbet lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit estensjoni tal-użu taż-żejt rikk fid-DHA u l-EPA mill-mikroalga Schizochytrium sp. bħala ingredjent tal-ikel il-ġdid.

(3)

Fid-29 ta' April 2013, l-entità kompetenti tal-valutazzjoni tal-ikel tar-Renju Unit ħarġet l-ewwel rapport tal-valutazzjoni tagħha. Dak ir-rapport jikkonkludi li l-estensjoni tal-użu ta' dan iż-żejt tal-alga tissodisfa l-kriterji tal-ikel il-ġdid stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(4)

Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' valutazzjoni preliminari lill-Istati Membri l-oħra.

(5)

Matul il-perjodu ta' 60 jum stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tqajmu xi oġġezzjonijiet motivati.

(6)

Fil-25 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u talbitha tagħmel valutazzjoni oħra tal-estensjoni tal-użu taż-żejt rikk fid-DHA u l-EPA mill-mikroalga Schizochytrium sp. bħala ingredjent tal-ikel il-ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97.

(7)

Fit-18 ta' Settembru 2014, l-EFSA adottat opinjoni xjentifika dwar l-estensjoni tal-użu taż-żejt rikk fid-DHA u l-EPA mill-mikroalga Schizochytrium sp. bħala ingredjent tal-ikel il-ġdid (2), u kkonkludiet li huwa sikur skont l-użi u l-livelli ta' użu proposti.

(8)

Din l-opinjoni tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li ż-żejt rikk fid-DHA u l-EPA mill-mikroalga Schizochytrium sp. għall-użijiet u l-livelli ta' użu proposti jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar- Regolament (KE) Nru 258/97.

(9)

Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi rekwiżiti dwar is-supplimenti tal-ikel. L-użu taż-żejt rikk fid-DHA mill-mikroalga Schizochytrium sp. għandu jkun awtorizzat mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' dik il-leġiżlazzjoni.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iż-żejt rikk fid-DHA u l-EPA mis-Schizochytrium sp. kif jispeċifika l-Anness I jista' jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni bħala ingredjent tal-ikel il-ġdid skont l-użu definiti u fil-livelli massimi stabbiliti fl-Anness II mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/46/KE.

Artikolu 2

Id-deżinjazzjoni taż-żejt rikk fid-DHA u l-EPA mill-mikroalga Schizochytrium sp. awtorizzata b'din id-Deċiżjoni dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-ingredjent, tkun “żejt rikk fid-DHA u l-EPA mill-mikroalga Schizochytrium sp.”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil DSM Nutritional Products, 6480 Dobbin Road, Columbia, MD 21045, l-Istati Uniti.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)   EFSA Journal 2014; 12(10):3843.

(3)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).


ANNESS I

Speċifikazzjoni taż-żejt rikk fid-DHA (aċidu dokosaeżaneojku) u fl-EPA (aċidu ejkosapentenojku) mill-mikroalga Schizochytrium sp.

Test

Speċifikazzjoni

Valur aċiduż

Mhux iktar minn 0,5 mg KOH/g

Valur perossidu (PV)

Mhux iktar minn 5,0 meq/kg żejt

Umdità u l-volatili

Mhux aktar minn 0,05 %

Materjal insaponifikabbli

Mhux aktar minn 4,5 %

Aċidi xaħmi trans

Mhux aktar minn 1,0 %

Kontenut ta' DHA

Mhux anqas minn 22,5 %

Kontenut ta' EPA

Mhux anqas minn 10 %


ANNESS II

Użi awtorizzati taż-żejt rikk fid-DHA (aċidu dokosaeżaneojku) u fl-EPA (aċidu ejkosapentenojku) mill-mikroalga Schizochytrium sp.

Kategorija tal-ikel

Livell massimu ta' użu ta' DHA u ta' EPA (mg/jum)

Supplimenti tal-ikel

3 000  mg kif rakkomandat mill-manifattur għall-popolazzjoni adulta, esklużi n-nisa tqal u li jreddgħu


Top