Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0522

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/522 tal- 25 ta' Marzu 2015 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta mal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fl-Ungerija (notifikata bid-dokument C(2015) 1711)

    ĠU L 82, 27.3.2015, p. 111–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/522/oj

    27.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 82/111


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/522

    tal-25 ta' Marzu 2015

    li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta mal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fl-Ungerija

    (notifikata bid-dokument C(2015) 1711)

    (It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-influwenza avjarja hija marda virali infettiva tal-għasafar, inkluż il-pollam. L-infezzjonijiet bil-vajrusis tal-influwenza avjarja fil-pollam domestiku jagħtu lok għal żewġ forom ta' din il-marda li huma distinti mill-virulenza tagħhom. Il-forma ta' patoġeniċità baxxa ġeneralment tikkawża biss sintomi ħfief, filwaqt li l-forma ta' patoġeniċità għolja twassal għal rati ferm għoljin ta' mwiet fil-parti l-kbira tal-ispeċijiet tal-pollam. Din il-marda tista' tħalli impatt qawwi fuq il-profitabbiltà mit-trobbija tal-pollam tal-irziezet.

    (2)

    L-influwenza avjarja tinstab l-aktar fl-għasafar, iżda f'ċerti ċirkustanzi jaf ikun hemm infezzjonijiet ukoll fil-bnedmin, minkejja li r-riskju ta' dan huwa ġeneralment baxx ħafna.

    (3)

    Fil-każ ta' tifqigħa tal-influwenza avjarja, hemm riskju li l-aġent tal-marda jinfirex f'azjendi oħrajn fejn jittrabbew pollam jew għasafar oħra. Minħabba f'hekk, din tista' tinfirex minn Stat Membru għal Stati Membri oħra jew għal pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ ta' tjur ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

    (4)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (3) tistabbilixxi ċerti miżuri preventivi relatati mas-sorveljanza u d-detezzjoni kmieni tal-influwenza avjarja u l-miżuri minimi tal-kontroll li jridu jiġu applikati f'każ ta' tifqigħa ta' dik il-marda f'pollam jew f'għasafar oħra mrobbijin. Dik id-Direttiva tistipula li jitwaqqfu żoni ta' protezzjoni u sorveljanza f'każ li tfaqqa' l-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja.

    (5)

    Wara n-notifka mill-Ungerija dwar tifqigħa tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'azjenda għat-tismin tal-papri fil-Kontea ta' Békés, fl-Ungerija, fl-24 ta' Frar 2015, ġiet adottata d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/338 (4).

    (6)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/338 tistipula li ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza stabbiliti mill-Ungerija, f'konformità mad-Direttiva 2005/94/KE, għandhom jinkludu tal-anqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/338 għandha tapplika sas-26 ta' Marzu 2015.

    (7)

    Il-miżuri protettivi interim li daħlu fis-seħħ wara li faqqgħet din il-marda fl-Ungerija issa ġew riveduti fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf u ż-żoni taħt ir-restrizzjonijiet issa jistgħu jiġu deskritti b'mod aktar preċiż.

    (8)

    Biex jiġi evitat kull tfixkil bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġi evitat li xi pajjiż terz jimponi ostakli mhux ġustifikati fuq il-kummerċ, jeħtieġ li jiġu ddefiniti ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza stabbiliti fl-Ungerija fil-livell tal-Unjoni f'kollaborazzjoni ma' dak l-Istat Membru u li jiġi ffissat it-tul ta' żmien ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni.

    (9)

    Għal raġunijiet ta' ċarezza, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/338 għandha titħassar.

    (10)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Ungerija għandha tiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2005/94/KE jinkludu tal-anqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fil-Parti A u fil-Parti B tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/338 hija mħassra.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Marzu 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  Id-Direttiva 2005/94/KE tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar il-miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16)

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/338 tas-27 ta' Frar 2015 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi interim marbuta mal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fl-Ungerija (ĠU L 58, 3.3.2015, p. 83).


    ANNESS

    PARTI A

    Iż-żoni ta' protezzjoni kif hemm referenza fl-Artikolu 1:

    ISO Kodiċi tal-Pajjiż

    Stat Membru

    Kodiċi

    (jekk huwa disponibbli)

    Isem

    Id-data sa meta japplika skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2005/94/KE

    HU

    L-Ungerija

    Kodiċi postali

    Żona li tinkludi:

    27.3.2015

     

     

    5525

    Dik il-parti mill-belt ta' Füzesgyarmat u l-periferija tagħha (li tinsab fil-Kontea ta' Békés) f'ċirku b'raġġ ta' tliet(3) kilometri iċċentrata fuq il-punt ta' Latitudni 47.1256 u Lonġitudni 21.1875.

    Barra minn hekk, il-parti mill-belt ta' Füzesgyarmat fil-Punent tat-toroq Kossuth u Árpád u fit-Tramuntana tat-triq Mátyás.

     

    PARTI B

    Iż-żona ta' sorveljanza kif hemm referenza fl-Artikolu 1:

    ISO Kodiċi tal-Pajjiż

    Stat Membru

    Kodiċi

    (jekk huwa disponibbli)

    Isem

    Id-data sa meta japplika skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE

    HU

    L-Ungerija

    Kodiċi postali

    Żona li tinkludi:

    5.4.2015

     

     

    4172

    5520

    5525

    5526

    Il-parti mill-kontej ta' Békés u Hajdú-Bihar f'ċirku b'raġġ ta' 10 kilometri, iċċentrata fuq il-punt ta' Latitudni 47.1256 u Lonġitudni 21.1875, li tinkludi t-territorju kollu ta' residenzi Füzesgyarmat u Töviskes u:

    Parti mill-belt ta' Szeghalom fit-Tramuntana tat-toroq Arany János u Kinizsi.

    Iż-żona kollha tal-lokalità ta' Kertészsziget.

    Parti mill-lokalità ta' Biharnagybajom fin-Nofsinhar tat-toroq Kossuth u Rákóczi.

     


    Top