Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0457

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/457 tas- 17 ta' Marzu 2015 li tħassar id-Deċiżjoni 2007/124/KE, Euratom li tistabbilixxi l-programmi speċifiċi “Prevenzjoni, Stat ta' Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà” u Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità għall-Perijodu 2007-2013 bħala parti mill-Programmi Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet u dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja

    ĠU L 76, 20.3.2015, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/457/oj

    20.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 76/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2015/457

    tas-17 ta' Marzu 2015

    li tħassar id-Deċiżjoni 2007/124/KE, Euratom li tistabbilixxi l-programmi speċifiċi “Prevenzjoni, Stat ta' Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà” u Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità għall-Perijodu 2007-2013 bħala parti mill-Programmi Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet u dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, u b'mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġizlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/124/KE Euratom (1), tistabbilixxi l-Programm Speċifiku “Prevenzjoni, Stat ta' Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà” (“il-Programm”) li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

    (2)

    Għandu jiġi stabbilit regolament ġdid li jipprevedi appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tal-kriżi bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 permezz tar-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2007/124/KE Euratom għandha għalhekk titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2014,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2007/124/KE, Euratom hija b'dan imħassra b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

    Artikolu 2

    1.   It-tħassir previst fl-Artikolu 1 ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika, inkluż il-kanċellament totali jew parzjali, ta' proġetti koperti mill-Programm sal-għeluq tagħhom, jew l-għajnuna finanzjarja approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2007/124/KE, Euratom, jew kwalunkwe att legali ieħor li japplika għal dik l-għajnuna finanzjarja fil-31 ta' Diċembru 2013.

    2.   Meta tadotta deċiżjonijiet dwar il-kofinanzjament taħt l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tal-kriżi bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, il-Kummissjoni għandha tqis il-miżuri adottati fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2007/124/KE, Euratom qabel l-20 ta' Marzu 2015 li jkollhom riperkussjonijiet finanzjarji matul il-perjodu kopert minn dak il-kofinanzjament.

    3.   Is-somom impenjati għall-konfinanzjament approvati mill-Kummissjoni bejn l-1 ta' Jannar 2011 u l-31 ta' Diċembru 2013 li għalihom id-dokumenti meħtieġa għall-għeluq tal-operazzjonijiet ma jkunux intbagħtu lill-Kummissjoni sad-data ta' għeluq għas-sottomissjoni tar-rapport finali għandhom jiġu awtomatikament diżimpenjati mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2017, u dan iwassal għall-ħlas lura tal-ammonti li ma kellhomx jitħallsu.

    L-ammonti relatati ma' operazzjonijiet li ġew sospiżi minħabba proċedimenti legali jew appelli amministrattivi li għandhom effett ta' sospensjoni għandhom jiġu injorati fil-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi awtomatikament diżimpenjat.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sal-31 ta' Diċembru 2015, rapport dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwantitattivi tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/124/KE, Euratom għall-perjodu mill-2011 sal-2013.

    Artikolu 3

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-istess data bħar-Regolament (UE) Nru 513/2014.

    2.   Jekk ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 jidħol fis-seħħ qabel il-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Marzu 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. RINKĒVIČS


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/124/KE,Euratom tat-12 ta' Frar 2007 li tistabbilixxi l-programmi speċifiċi “Prevenzjoni, Stat ta' Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà” u Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità għall-Perijodu 2007-2013 bħala parti mill-programmi Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet u dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja (ĠU L 58, 24.2.2007, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tar-riskji (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93).


    Top