This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D0443
Commission Decision (EU, Euratom) 2015/443 of 13 March 2015 on Security in the Commission
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat- 13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat- 13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni
ĠU L 72, 17.3.2015, pp. 41–52
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
17.3.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 72/41 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE, Euratom) 2015/443
tat-13 ta' Marzu 2015
dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
Wara li kkunsidrat il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattati, u b'mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-għan tas-sigurtà fil-Kummissjoni huwa li l-Kummissjoni tkun tista' topera f'ambjent sigur u mingħajr periklu billi tistabbilixxi approċċ koerenti u integrat f'dak li jirrigwarda s-sigurtà tagħha, tipprovdi livelli xierqa ta' protezzjoni għall-persuni, l-assi u l-informazzjoni skont ir-riskji identifikati, filwaqt li tiżgura sigurtà effiċjenti u f'waqtha. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni, bħal korpi internazzjonali oħra, qed taffaċċja theddid u sfidi fil-qasam tas-sigurtà, b'mod partikolari rigward it-terroriżmu, attakki ċibernetiċi u spjunaġġ politiku u kummerċjali. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni Ewropea ssieħbet fi strumenti dwar kwistjonijiet ta' sigurtà għas-siti ewlenin tagħha mal-gvernijiet tal-Belġju, il-Lussemburgu u l-Italja (1). Dawn l-istrumenti jikkonfermaw li l-Kummissjoni hija responsabbli għas-sigurtà tagħha. |
|
(4) |
Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-persuni, l-assi u l-informazzjoni, il-Kummissjoni jista' jkollha bżonn tieħu miżuri f'oqsma protetti bid-drittijiet fundamentali kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u kif rikonoxxuti mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. |
|
(5) |
Kull miżura bħal din għandha għalhekk tiġi ġustifikata skont l-importanza tal-interessi li hija tfittex li tipproteġi, tkun proporzjonata u tiżgura rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali, inklużi b'mod speċjali d-drittijiet tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta. |
|
(6) |
F'sistema li tonora l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, il-Kummissjoni trid tisħaq għal livell xieraq ta' sigurtà għall-persunal, l-assi u l-informazzjoni tagħha li jiżgura li tkun tista' twettaq l-operazzjonijiet tagħha, filwaqt li ma jillimitax id-drittijiet fundamentali lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju. |
|
(7) |
Is-Sigurtà fil-Kummissjoni tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta' legalità, trasparenza, proporzjonalità u r-responsabbiltà. |
|
(8) |
Il-membri tal-persunal inkarigati bil-miżuri ta' sigurtà ma għandhomx jitqiegħdu f'xi żvantaġġ minħabba l-azzjoni li jieħdu sakemm ma jkunux aġixxew barra mill-ambitu tal-mandat tagħhom jew bi ksur tal-liġi, u b'hekk f'dan ir-rigward, din id-Deċiżjoni għandha titqies bħala istruzzjoni ta' servizz skont ir-Regolamenti tal-Persunal. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni għandha tieħu inizjattivi xierqa biex trawwem u ssaħħaħ il-kultura ta' sigurtà tagħha, biex b'hekk ikun żgurat twassil aktar effiċjenti tas-sigurtà, titjieb il-governanza tas-sigurtà tagħha, jiġu intensifikati aktar in-netwerks u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti fil-livell internazzjonali, Ewropew u dak nazzjonali, u jitjiebu l-monitoraġġ u l-kontroll tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' sigurtà. |
|
(10) |
L-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bħala korp funzjonalment awtonomu tal-Unjoni kellu impatt sinifikanti fuq l-interessi ta' sigurtà tal-Kummissjoni, u għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli u l-proċeduri ta' kooperazzjoni fir-rigward tas-sikurezza u s-sigurtà bejn is-SEAE u l-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-rigward tat-twettiq tar-responsabbiltajiet tad-dmir tal-kura li għandha l-Kummissjoni lejn persunal tagħha f'delegazzjonijiet tal-Unjoni. |
|
(11) |
Il-politika tas-sigurtà tal-Kummissjoni għandha tiġi implimentata b'mod li huwa konsistenti ma' proċessi u proċeduri interni oħra li jistgħu jinvolvu element ta' sigurtà. Dawn jinkludu, b'mod partikolari, il-Ġestjoni tal-Kontinwità tal-Operat li għandha l-għan li tħares il-funzjonijiet kritiċi tal-Kummissjoni f'każ ta' interruzzjoni operattiva, u l-proċess ta' koordinazzjoni għal kriżijiet multisettorjali ARGUS. |
|
(12) |
Minkejja l-miżuri diġà fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u nnotifikati lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (2), kwalunkwe miżura skont din id-Deċiżjoni li tinvolvi l-ipproċessar ta' dejta personali tkun soġġetta għal regoli ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 21, li jistabbilixxu protezzjoni xierqa għas-suġġetti tad-dejta. |
|
(13) |
Għaldaqstant, hemm bżonn li l-Kummissjoni teżamina mill-ġdid, taġġorna, u tikkonsolida l-bażi regolatorja eżistenti għas-sigurtà fil-Kummissjoni. |
|
(14) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (94) 2129 (3) għandha għalhekk tiġi mħassra, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“assi” tfisser kull proprjetà mobbli u immobbli u possessjonijiet tal-Kummissjoni; |
|
(2) |
“Dipartiment tal-Kummissjoni” tfisser Direttorat Ġenerali jew servizz tal-Kummissjoni, jew Kabinett ta' Membru tal-Kummissjoni; |
|
(3) |
“Sistema ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni” jew “CIS” tfisser kwalunkwe sistema li tippermetti t-trattament ta' informazzjoni f'forma elettronika, inklużi l-assi kollha meħtieġa għall-operat tagħha, kif ukoll l-infrastruttura, l-organizzazzjoni, il-persunal u r-riżorsi ta' informazzjoni; |
|
(4) |
“Kontroll tar-riskji” tfisser kwalunkwe miżura ta' sigurtà li tista' tkun raġonevolment mistennija li tikkontrolla b'mod effettiv riskju għas-sigurtà permezz tal-prevenzjoni, il-mitigazzjoni, l-evitar jew it-trasferiment tiegħu. |
|
(5) |
“Sitwazzjoni ta' kriżi” tfisser ċirkustanza, każ, inċident jew emerġenza (jew suċċessjoni jew kombinazzjoni tagħhom) li huma ta' theddida gravi jew immedjata għas-sigurtà fil-Kummissjoni irrispettivament mill-oriġini tagħha; |
|
(6) |
“Dejta” tfisser informazzjoni f'forma li tippermetti li tiġi kkomunikata, rreġistrata jew ipproċessata; |
|
(7) |
“Membru tal-Kummissjoni responsabbli għas-sigurtà” tfisser Membru tal-Kummissjoni li taħt l-awtorità tiegħu jaqa' d-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà; |
|
(8) |
“Dejta personali” tfisser dejta personali kif definit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4); |
|
(9) |
“siti” tfisser kwalunkwe proprjetà immobbli jew assimilata u possessjonijiet tal-Kummissjoni; |
|
(10) |
“Prevenzjoni tar-riskju” tfisser miżuri ta' sigurtà li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jimpedixxu, jdewmu jew iwaqqfu riskju għas-sigurtà. |
|
(11) |
“Riskju għas-sigurtà” tfisser kombinazzjoni tal-livell tat-theddida, il-livell tal-vulnerabbiltà u l-impatt possibbli ta' każ; |
|
(12) |
“Sigurtà fil-Kummissjoni” tfisser is-sigurtà tal-persuni, l-assi u l-informazzjoni fil-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-integrità fiżika tal-persuni u l-assi, l-integrità, il-kunfidenzjalità u d-disponibbiltà ta' informazzjoni u ta' sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni, kif ukoll il-funzjonament bla xkiel tal-operazzjonijiet tal-Kummissjoni; |
|
(13) |
“Miżura ta' sigurtà” tfisser kwalunkwe miżura li tittieħed skont din id-Deċiżjoni għall-finijiet ta' kontroll tar-riskji għas-sigurtà; |
|
(14) |
“Regolamenti tal-Persunal” tfisser ir-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (5) u tal-atti ta' emenda tiegħu; |
|
(15) |
“Theddida għas-sigurtà” tfisser każ jew aġent li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jkollhom impatt ħażin fuq is-sigurtà jekk ma jkunx hemm rispons u kontroll; |
|
(16) |
“Theddida immedjata għas-sigurtà” tfisser theddida għas-sigurtà li sseħħ mingħajr preavviż jew bi preavviż qasir ħafna, u |
|
(17) |
“Theddida kbira għas-sigurtà” tfisser theddida għas-sigurtà li tista' b'mod raġonevoli tkun mistennija li twassal għal telf ta' ħajja, korriment serju jew ħsara, dannu sinifikanti lill-proprjetà, il-kompromess ta' informazzjoni sensittiva ħafna, it-tfixkil ta' sistemi tal-IT jew ta' kapaċitajiet operazzjonali essenzjali tal-Kummissjoni; |
|
(18) |
“Vulnerabbiltà” tfisser dgħufija ta' kwalunkwe natura li tista' raġonevolment tkun mistennija li jkollha impatt ħażin fuq is-sigurtà fil-Kummissjoni, jekk tiġi sfruttata minn theddida waħda jew aktar. |
Artikolu 2
Suġġett
1. Din id-Deċiżjoni tistabilixxi l-għanijiet, il-prinċipji bażiċi, l-organizzazzjoni u r-responsabbiltajiet fir-rigward tas-sigurtà fil-Kummissjoni.
2. Din id-Deċiżjoni tapplika għad-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni u fis-siti kollha tal-Kummissjoni. Il-persunal tal-Kummissjoni li jaħdem f'Delegazzjonijiet tal-Unjoni huwa soġġett għar-regoli ta' sigurtà għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (6).
3. Minkejja xi indikazzjonijiet speċifiċi dwar gruppi partikulari ta' persunal, din id-Deċiżjoni tapplika għall-Membri tal-Kummissjoni, għall-persunal tal-Kummissjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, għal esperti nazzjonali ssekondati (SNEs) tal-Kummissjoni, għall-fornituri tas-servizzi u l-impjegati tagħhom, għal dawk li qed jitħarrġu u għal kull individwu li għandu aċċess għall-binjiet jew assi oħra tal-Kummissjoni, jew aċċess għal informazzjoni ttrattata mill-Kummissjoni.
KAPITOLU 2
PRINĊIPJI
Artikolu 3
Prinċipji għas-sigurtà fil-Kummissjoni
1. Fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonforma mat-Trattati u b'mod partikolari mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, mal-istrumenti msemmija fil-premessa 2, ma' kull regola applikabbli tal-liġi nazzjonali kif ukoll mat-termini ta' din id-Deċiżjoni. Jekk ikun meħtieġ, jinħareġ avviż ta' sigurtà skont l-Artikolu 21(2) li jipprovdi gwida f'dan ir-rigward.
2. Is-Sigurtà fil-Kummissjoni tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-legalità, it-trasparenza, il-proporzjonalità u r-responsabbiltà.
3. Il-prinċipju tal-legalità jindika l-ħtieġa li wieħed jibqa' strettament fil-qafas legali fit-twettiq ta' din id-Deċiżjoni u l-ħtieġa li tinżamm konformità mal-ħtiġijiet legali.
4. Kwalunkwe miżura ta' sigurtà tittieħed apertament sakemm ma jkunx raġonevolment mistenni li dan ifixkel l-effett tagħha. Id-destinatarji ta' miżura ta' sigurtà jkunu infurmati bil-quddiem dwar ir-raġunijiet għall-miżura u l-impatt tagħha, sakemm ma jkunx raġevolment mistenni li l-għoti ta' din l-informazzjoni twassal għall-indeboliment tal-effett tal-miżura. F'dan il-każ, id-destinatarju tal-miżura ta' sigurtà jiġi infurmat wara li jkun spiċċa r-riskju ta' indeboliment tal-effett ta' miżura ta' sigurtà.
5. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni jiżguraw li l-kwistjonijiet ta' sigurtà jkunu kkunsidrati mill-bidu tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki, d-deċiżjonijiet, il-programmi, il-proġetti u l-attivitajiet tal-Kummissjoni li għalihom huma responsabbli. Sabiex jagħmlu dan, huma jinvolvu lid-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà b'mod ġenerali u lill-Kap Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Informatika tal-Kummissjoni rigward is-sistemi tal-IT sa mill-ewwel stadji ta' tħejjija.
6. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tfittex kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti, ta' Stati Membri oħra u ta' istituzzjonijiet, aġenziji jew korpi oħrajn tal-UE, fejn possibbli, billi jiġu kkunsidrati l-miżuri li ttieħdu jew huma ppjanati minn dawk l-awtoritajiet sabiex jiġi indirizzat ir-riskju għas-sigurtà kkonċernata.
Artikolu 4
Obbligu ta' konformità
1. Il-konformità ma' din id-Deċiżjoni u r-regoli implimentattivi tagħha u mal-miżuri ta' sigurtà u l-istruzzjonijiet mogħtija minn persunal awtorizzat huma obbligatorji.
2. Nuqqas ta' konformità mar-regoli ta' sigurtà jistgħu jattivaw imputabilità għal azzjoni dixxiplinari skont it-Trattati, ir-Regolamenti tal-Persunal, għal sanzjonijiet kuntrattwali u/jew għal azzjoni legali skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali.
KAPITOLU 3
IT-TWASSIL TAS-SIGURTÀ
Artikolu 5
Persunal awtorizzat
1. Huwa biss il-persunal awtorizzat abbażi ta' mandat nominattiv ikkonferit lilhom mid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, minħabba d-dmirijiet attwali tagħhom, li jista' jingħata s-setgħa li jieħu waħda jew iżjed minn dawn il-miżuri li ġejjin:
|
(1) |
Iġorru armi personali; |
|
(2) |
Iwettqu inkjesti ta' sigurtà kif imsemmija fl-Artikolu 13; |
|
(3) |
Jieħdu miżuri ta' sigurtà kif imsemmi fl-Artikolu 12 kif speċifikat fil-mandat. |
2. Il-mandati msemmija fil-paragrafu 1 jingħataw għal tul ta' żmien li ma jaqbiżx il-perjodu li matulu l-persuna kkonċernata tokkupa l-kariga jew il-funzjoni li għaliha ngħatat il-mandat. Il-mandati jingħataw f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli stabbiliti fl-Artikolu 3(1).
3. Fir-rigward tal-persunal awtorizzat, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi istruzzjoni tas-servizz skont it-tifsira tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal.
Artikolu 6
Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-miżuri ta' sigurtà
1. Meta tieħu miżuri ta' sigurtà, il-Kummissjoni b'mod partikolari tiżgura sa fejn ikun raġonevolment possibbli li:
|
(a) |
tfittex appoġġ jew għajnuna mill-Istat ikkonċernat biss, sakemm dan l-Istat ikun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew, jekk le, parti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jew tiggarantixxi drittijiet li huma tal-anqas ekwivalenti għad-drittijiet garantiti f'din il-Konvenzjoni. |
|
(b) |
tittrasferixxi biss informazzjoni dwar individwi lil destinatarji, barra minn istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, li ma jkunux suġġetti għal-liġi nazzjonali adottata skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. |
|
(c) |
meta individwu jkun ta' theddida għas-sigurtà, tittieħed kull miżura ta' sigurtà kontra dak l-individwu u huwa jista' jkun suġġett li jġorr l-spejjeż li jirriżultaw. Dawn il-miżuri ta' sigurtà jistgħu jiġu diretti biss kontra individwi oħrajn jekk theddida immedjata jew kbira għas-sigurtà tkun trid tiġi kkontrollata u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
2. Id-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà jistabbilixxi deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri ta' sigurtà li jistgħu jeħtieġu digriet minn imħallef f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri li jospitaw siti tal-Kummissjoni.
3. Id-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jista' jirrikorri għand kuntrattur biex iwettaq, taħt id-direzzjoni u s-superviżjoni tad-Direttorat tas-Sigurtà, kompiti relatati mas-sigurtà.
Artikolu 7
Miżuri ta' sigurtà rigward persuni
1. Jingħata livell xieraq ta' protezzjoni lil persuni fis-siti tal-Kummissjoni, filwaqt li jitqisu r-rekwiżiti tas-sigurtà u s-sikurezza.
2. F'każ ta' riskji sinifikanti għas-sigurtà, id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jipprovdi protezzjoni stretta għall-Membri tal-Kummissjoni jew għal persunal ieħor fejn valutazzjoni tat-theddid tkun indikat li din il-protezzjoni hija meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tagħhom.
3. F'każ ta' riskji kbar għas-sigurtà, il-Kummissjoni tista' tordna l-evakwazzjoni tas-siti tagħha.
4. Vittmi ta' inċidenti jew attakki fis-siti tal-Kummissjoni jirċievu assistenza.
5. Sabiex jipprevjenu u jikkontrollaw ir-riskji għas-sigurtà, il-persunal awtorizzat jista' jwettaq verifiki tal-preċedenti personali ta' persuni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, sabiex jiddetermina jekk l-għoti ta' informazzjoni jew aċċess għas-siti tal-Kummissjoni lil dawn il-persuni jippreżentax theddida għas-sigurtà. Għal dan il-għan, u b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-persunal awtorizzat ikkonċernat jista':
|
(a) |
juża kwalunkwe sors ta' informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, filwaqt li jqis l-affidabbiltà tas-sors tal-informazzjoni; |
|
(b) |
jaċċessal-fajl jew id-dejta tal-persunal fil-pussess tal-Kummissjoni rigward individwi li timpjega jew li tkun beħsiebha timpjega, jew għall-persunal tal-kuntratturi, meta dan ikun dovutament iġġustifikat. |
Artikolu 8
Miżuri ta' sigurtà rigward is-sigurtà fiżika u l-assi
1. Is-sigurtà tal-assi tkun żgurata permezz ta' applikazzjoni ta' miżuri protettivi fiżiċi u tekniċi u l-proċeduri korrispondenti, minn hawn 'il quddiem imsejħa “sigurtà fiżika”, li toħloq sistema b'diversi saffi.
2. Jistgħu jiġu adottati miżuri skont dan l-Artikolu sabiex jiġu protetti persuni jew informazzjoni fil-Kummissjoni kif ukoll biex jiġu protetti l-assi.
3. Is-sigurtà fiżika jkollha dawn l-għanijiet li ġejjin:
|
— |
Il-prevenzjoni ta' atti ta' vjolenza indirizzata kontra l-Membri tal-Kummissjoni jew persuni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni; |
|
— |
Il-prevenzjoni ta' spjunaġġ u spijar fuq informazzjoni sensittiva jew klassifikata; |
|
— |
Il-prevenzjoni ta' serq, atti ta' vandaliżmu, sabutaġġ u għal azzjonijiet vjolenti oħra bil-għan li jagħmlu ħsara jew jeqirdu binjiet u assi tal-Kummissjoni; |
|
— |
Li tippermetti investigazzjoni u inkjesta dwar inċidenti ta' sigurtà inkluż permezz ta' verifiki dwar fajls bir-reġistrazzjoni tal-kontroll tal-aċċess u l-ħruġ, il-kopertura tas-CCTV, reġistrazzjonijiet ta' telefonati u dejta simili kif imsemmi fl-Artikolu 22(2) hawn taħt u sorsi oħra ta' informazzjoni. |
4. Is-sigurtà fiżika tkun tinkludi:
|
— |
politika ta' aċċess applikabbli għal kull persuna jew vettura li jeħtieġu aċċess għal siti tal-Kummissjoni, inklużi postijiet tal-parkeġġ; |
|
— |
sistema ta' kontroll tal-aċċess li tinkludu għassiesa, tagħmir u miżuri tekniċi, sistemi ta' informazzjoni jew kombinazzjoni ta' dawn l-elementi kollha. |
5. Sabiex tkun żgurata s-sigurtà fiżika, jistgħu jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:
|
— |
jiġi rreġistrat id-dħul u l-ħruġ mis-siti tal-Kummissjoni ta' persuni, vetturi, prodotti u tagħmir; |
|
— |
il-kontrolli tal-identità fis-siti tal-Kummissjoni; |
|
— |
spezzjoni ta' vetturi, oġġetti u tagħmir b'mezzi viżwali jew tekniċi; |
|
— |
il-prevenzjoni ta' persuni, vetturi u merkanzija mhux awtorizzati, milli jidħlu f'siti tal-Kummissjoni. |
Artikolu 9
Miżuri ta' sigurtà rigward informazzjoni
1. Is-sigurtà tal-informazzjoni tkopri l-informazzjoni kollha ġestita mill-Kummissjoni.
2. Is-sigurtà tal-informazzjoni, irrispettivament mill-forma tagħha, tibbilanċja t-trasparenza, il-proporzjonalità, ir-responsabbiltà u l-effiċjenza mal-ħtieġa li l-informazzjoni tiġi protetta minn aċċess mhux awtorizzat, użu, żvelar, modifika jew taħsir.
3. Is-sigurtà tal-informazzjoni tkun immirata lejn l-protezzjoni ta' kunfidenzjalità, integrità u disponibbiltà.
4. Il-proċessi tal-immaniġġar tar-riskju għalhekk jintużaw biex jiġu kklassifikati l-assi ta' informazzjoni u biex jiġu żviluppati miżuri ta' sigurtà, proċeduri u standards proporzjonati, inklużi miżuri ta' mitigazzjoni.
5. Dawn il-prinċipji ġenerali sottostanti tas-sigurtà tal-informazzjoni jiġu applikati b'mod partikolari għal:
|
(a) |
“Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea” (IKUE) jiġifieri kwalunkwe informazzjoni jew materjal magħżul minn klassifikazzjoni ta' sigurtà tal-UE, li l-iżvelar mhux awtorizzat tiegħu jista' jikkawża gradi differenti ta' preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni Ewropea jew għal Stat Membru wieħed jew aktar; |
|
(b) |
“Informazzjoni sensittiva mhux klassifikata”, jiġifieri informazzjoni jew materjal li l-Kummissjoni trid tipproteġi minħabba obbligi legali stipulati fit-Trattati jew f'atti adottati fl-implimentazzjoni tagħhom, u/jew minħabba s-sensitività tagħhom. Informazzjoni sensittiva mhux klassifikata tinkludi, iżda mhijiex limitata għal, informazzjoni jew materjal kopert mill-obbligu ta' segretezza professjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 339 TFUE, informazzjoni koperta mill-interessi mħarsa mill-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) flimkien mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew dejta personali fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. |
6. Informazzjoni sensittiva mhux klassifikata tkun soġġetta għal regoli dwar l-immaniġġjar u l-ħażna tagħha. Hija tiġi rrilaxxata biss lil dawk l-individwi li għandhom “neċessità ta' għarfien”. Meta jitqies neċessarju għall-protezzjoni effettiva tal-kunfidenzjalità tagħha, hija tiġi identifikata permezz ta' marka tas-sigurtà u struzzjonijiet korrispondenti għat-trattament approvati mid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà. Meta tiġi ttrattata jew maħżuna f'Sistemi ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni, tali informazzjoni tiġi protetta wkoll f'konformità mad-Deċiżjoni (2006) 3602, ir-regoli ta' implimentazzjoni u l-istandards korrispondenti tagħha.
7. Kwalunkwe individwu li jinstab responsabbli li kkomprometta jew tilef IKUE jew informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, li hija identifikata bħala tali fir-regoli tal-ġestjoni u l-ħażna tagħha, jista' jkun soġġett għal azzjoni dixxiplinarja skont ir-Regolamenti tal-Persunal. Din l-azzjoni dixxiplinarja tkun mingħajr preġudizzju għal aktar proċedimenti legali jew kriminali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom u għal rimedji kuntrattwali.
Artikolu 10
Miżuri ta' sigurtà rigward Sistemi ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni
1. Is-Sistemi ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni (“SKI”) kollha użati mill-Kummissjoni jkunu jikkonformaw mal-Politika dwar is-Sigurtà tas-Sistemi tal-Informazzjoni tal-Kummissjoni, kif stipulat fid-Deċiżjoni C (2006) 3602, ir-regoli ta' implimentazzjoni u l-istandards ta' sigurtà korrispondenti tagħha.
2. Is-servizzi tal-Kummissjoni li għandhom, li jimmaniġġaw jew iħaddmu SKI jippermettu li istituzzjonijiet, aġenziji, korpi jew organizzazzjonijiet oħra tal-Unjoni jkollhom aċċess għal dawk is-sistemi biss jekk dawk l-istituzzjonijiet, aġenziji, korpi jew organizzazzjonijiet oħra tal-Unjoni jkunu jistgħu jipprovdu assigurazzjoni raġonevoli li s-sistemi tal-IT tagħhom huma protetti f'livell ekwivalenti għall-Politika dwar is-Sigurtà tas-Sistemi tal-Informazzjoni tal-Kummissjoni, kif stipulat fid-Deċiżjoni C (2006) 3602, ir-regoli ta' implimentazzjoni u l-istandards ta' sigurtà korrispondenti tagħha. Il-Kummissjoni tissorvelja din il-konformità, u f'każ ta' nuqqas serju ta' konformità jew in-nuqqas kontinwu ta' konformità, ikollha d-dritt li tipprojbixxi l-aċċess.
Artikolu 11
Analiżi forensika dwar iċ-ċibersigurtà
Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà ikun b'mod partikolari responsabbli għat-twettiq ta' analiżi teknika forensika bil-kooperazzjoni tad-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni b'appoġġ għall-inkjesti ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 13, relatati ma' counterintelligence, l-iżvelar ta' dejta, attakki ċibernetiċi u s-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni.
Artikolu 12
Miżuri ta' sigurtà rigward persuni u oġġetti
1. Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fil-Kummissjoni u għall-prevenzjoni u l-kontroll tar-riskji, il-persunal awtorizzat skont l-Artikolu 5 jista', f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3, jieħu — fost l-oħrajn, waħda jew aktar minn dawn il-miżuri ta' sigurtà:
|
(a) |
is-sigurtà ta' xeni u evidenza, inkluz fajls bir-reġistrazzjoni tal-kontroll tal-aċċess u l-ħruġ, l-immaġnijiet tas-CCTV, f'każ ta' inċidenti jew kondotta li tista' twassal għal proċeduri amministrattivi, dixxiplinarji, ċivili jew kriminali; |
|
(b) |
miżuri limitati li jikkonċernaw persuni li jkunu ta' theddida għas-sigurtà, inkluż li persuni jiġu ordnati jħallu s-siti tal-Kummissjoni, persuni jiġu eskortati barra mis-siti tal-Kummissjoni, il-projbizzjoni ta' persuni milli jidħlu fis-siti tal-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien, dan tal-aħħar definiti skont il-kriterji li għandhom jiġu definiti fir-regoli ta' implimentazzjoni; |
|
(c) |
miżuri limitati li jikkonċernaw oġġetti li huma ta' theddida għas-sigurtà, inkluż it-tneħħija, is-sekwestru u r-rimi ta' oġġetti; |
|
(d) |
tiftix fis-siti tal-Kummissjoni, inklużi l-uffiċċji, li jkunu jinsabu f'dak il-post; |
|
(e) |
tiftix ta' SKI u tagħmir, dejta dwar it-traffiku telefoniku u tat-telekomunikazzjoni, fajls bir-reġistrazzjonijiet, kontijiet tal-utenti, eċċ.; |
|
(f) |
miżuri ta' sigurtà speċifiċi oħra b'effett simili sabiex jimpedixxu jew jikkontrollaw ir-riskji għas-sigurtà, b'mod partikolari fil-kuntest tad-drittijiet tal-Kummissjoni bħala sid il-proprjetà jew bħala impjegatur skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli. |
2. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-membri tal-persunal tad-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, li huma awtorizzati skont l-Artikolu 5, jistgħu jieħdu kwalunkwe miżura urġenti meħtieġa, b'konformità stretta mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 3. Malajr kemm jista' jkun wara li jittieħdu dawn il-miżuri, huma jinfurmaw lid-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà, li jfittex mandat xieraq mid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, li jikkonferma l-miżuri meħuda u jawtorizza kwalunkwe azzjoni oħra meħtieġa kif ukoll ikżomm kuntatt, fejn xieraq mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
3. Miżuri ta' sigurtà skont dan l-Artikolu jiġu dokumentati fiż-żmien li jkunu ttieħdu jew, fil-każ ta' riskju immedjat jew sitwazzjoni ta' kriżi, f'perjodu ta' żmien raġonevoli wara li jittieħdu. F'dan il-każ, id-dokumentazzjoni trid tinkludi wkoll l-elementi li fuqhom tkun ġiet ibbażata l-istima rigward l-eżistenza ta' riskju immedjat jew sitwazzjoni ta' kriżi. Id-dokumentazzjoni tista' tkun konċiża, iżda trid tkun ikkostitwita b'tali mod li tippermetti lill-persuna soġġetta għall-miżura li teżerċita d-drittijiet tagħha ta' difiża u ta' protezzjoni tad-dejta personali skont ir-Regolament Nru 45/2001, u tippermetti skrutinju tal-legalità tal-miżura. L-ebda informazzjoni dwar miżuri ta' sigurtà speċifiċi indirizzati lil membru tal-persunal ma tkun parti minn fajl tal-persunal tal-persuna.
4. Meta tieħu miżuri ta' sigurtà skont il-punt (b), il-Kummissjoni barra minn hekk tiggarantixxi li l-individwu kkonċernat jingħata l-opportunità li jagħmel kuntatt ma' avukat jew persuna ta' fiduċja tiegħu u jinġieb għall attenzjoni tiegħu d-dritt li jagħmel rikors lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.
Artikolu 13
Inkjesti
1. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 86 u l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u għal xi arranġament speċjali bejn il-Kummissjoni u s-SEAE, bħall-arranġament speċjali ffirmat fit-28 ta' Mejju 2014 bejn id-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar id-dmir ta' diliġenza lejn il-persunal tal-Kummissjoni li jinsab f'Delegazzjonijiet tal-Unjoni, jistgħu jsiru inkjesti dwar is-sigurtà:
|
(a) |
fil-każ ta' inċidenti li jaffettwaw is-sigurtà fil-Kummissjoni, inklużi suspetti ta' reati kriminali; |
|
(b) |
fil-każ ta' żvelar, trattament ħażin jew kompromess potenzjali ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, IKUE jew Informazzjoni tal-Euratom Ikklassifikata; |
|
(c) |
fil-kuntest mill-counterintelligence u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; |
|
(d) |
fil-każ ta' inċidenti ċibernetiċi serfji. |
2. Id-deċiżjoni biex issir inkjesta dwar is-sigurtà tittieħed mid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà li jkun ukoll id-destinatarju tar-rapport ta' inkjesta.
3. Inkjesti ta' sigurtà jitwettqu biss minn membri tal-persunal apposta fid-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, debitament awtorizzati f'konformità mal-Artikolu 5.
4. Il-persunal awtorizzat jeżerċita s-setgħat ta' inkjesti dwar is-sigurtà b'mod indipendenti, kif speċifikat fil-mandat u jkollu s-setgħat elenkati fl-Artikolu 12.
5. Il-persunal awtorizzat li jkollu l-kompetenza biex iwettaq inkjesti dwar is-sigurtà jista' jiġbor informazzjoni mis-sorsi kollha disponibbli relatati ma' kwalunkwe reat amministrattiv jew kriminali mwettqa fis-siti tal-Kummissjoni jew li jinvolvu l-persuni msemmija fl-Artikolu 2(3) kemm bħala vittma kif ukoll bħala l-awtur ta' reati bħal dawn.
6. Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jinfurma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jew kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat, fejn xieraq, u b'mod partikolari jekk l-inkjesta tat lok għal indikazzjonijiet ta' att kriminali li jkunu ġew imwettqa. F'dan il-kuntest, id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jista', fejn hu xieraq jew meħtieġ, jipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti jew kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat.
7. Fil-każ ta' inċidenti ċibernetiċi serji d-Direttorat Ġenerali għall-Informatika jikkollabora mill-qrib mad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà biex jipprovdi appoġġ għall-kwistjonijiet tekniċi kollha. Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jiddeċiedi, f'konsultazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Informatika, meta huwa xieraq li jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ospitanti jew kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat. Għal dak li hu appoġġ għal istituzzjonijiet u aġenziji oħra tal-UE li jistgħu jiġu affettwati jsir użu mis-servizzi ta' koordinazzjoni rigward inċidenti tal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej (“CERT-UE”).
8. L-inkjesti ta' sigurtà jiġu ddokumentati.
Artikolu 14
Id-delineazzjoni tal-kompetenzi fir-rigward tal-inkjesti dwar is-sigurtà u tipi oħra ta' investigazzjonijiet
1. Meta d-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà imexxi investigazzjonijiet ta' sigurtà, kif imsemmi fl-Artikolu 13, u jekk dawn l-inkjesti jaqgħu fil-kompetenzi tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), jew l-Uffiċċju tal-Investigazzjoni u Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC), huwa jikkomunika ma' dawn il-korpi f'daqqa bil-għan li, b'mod partikolari, ma jiġux kompromessi passi li jittieħdu aktar tard kemm mill-OLAF kif ukoll mill-IDOC. Fejn xieraq, id-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jistieden lill-OLAF jew lill-IDOC sabiex ikunu involuti fl-investigazzjoni.
2. L-inkjesti dwar is-sigurtà, kif imsemmi fl-Artikolu 13, ikunu mingħajr ħsara għas-setgħat tal-OLAF u tal-IDOC kif stabbiliti fir-regoli li jirregolaw dawk il-korpi. Id-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jista' jintalab jagħti assistenza teknika għal investigazzjonijiet mibdija mill-OLAF jew mill-IDOC.
3. Id-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà jista' jintalab biex jassisti lill-aġenti tal-OLAF meta jidħlu fis-siti tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(5) u 4(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), sabiex jiġu ffaċilitati l-kompiti tagħhom. Id-Direttorat tas-Sigurtà jinforma b'dawn it-talbiet għall-assistenza lis-Segretarju Ġenerali u lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jew, jekk tali investigazzjoni ssir fis-siti tal-Kummissjoni li jkunu okkupati mill-Membri tagħha jew mis-Segretarju Ġenerali, il-President tal-Kummissjoni u l-Kummissarju responsabbli għar-Riżorsi Umani.
4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, meta jkun hemm il-possibbiltà li każ jaqa' kemm taħt il-kompetenza tad-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà kif ukoll tal-IDOC, id-Direttorat tas-Sigurtà, meta jirrapporta lid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani f'konformità mal-Artikolu 13, fl-aktar stadju bikri possibbli jagħti parir jekk hemmx raġunijiet li jiġġustifikaw li l-IDOC ikun involut. Jiġi kkunsidrat li ntlaħaq dan l-istadju meta theddida immedjata għas-sigurtà tkun intemmet. Id-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jiddieċiedi dwar il-kwistjoni.
5. Meta jkun hemm il-possibbiltà li każ jaqa' kemm taħt il-kompetenza tad-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà u l-OLAF, id-Direttorat tas-Sigurtà mingħajr dewmien jirrapporta lid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà u jinforma lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF fl-aktar stadju bikri possibbli. Jiġi kkunsidrat li ntlaħaq dan l-istadju meta theddida immedjata għas-sigurtà tkun intemmet.
Artikolu 15
Spezzjonijiet tas-sigurtà
1. Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà iwettaq spezzjonijiet tas-sigurtà sabiex jiġi vverifikat li s-servizzi tal-Kummissjoni u individwi huma konformi ma' din id-Deċiżjoni u r-regoli ta' implimentazzjoni tagħha u biex meta jitqies li jkun meħtieġ jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet.
2. Fejn xieraq, id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà iwettaq spezzjonijiet tas-sigurtà jew monitoraġġ tas-sigurtà jew żjarat ta' valutazzjoni biex jiġi vverifikat jekk is-sigurtà tal-persunal tal-Kummissjoni, tal-assi u tal-informazzjoni li jaqgħu fir-responsabbiltà ta' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, aġenziji jew korpi, Stati Membri, Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, hijiex protetta b'mod xieraq f'konformità mar-regoli, regolamenti u standards ta' sigurtà li huma mill-inqas ekwivalenti għal dawk tal-Kummissjoni. Fejn xieraq u fi spirtu ta' kooperazzjoni tajba bejn l-amministrazzjonijiet, dawn l-ispezzjonijiet tas-sigurtà jkunu jinkludu wkoll spezzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-iskambju ta' informazzjoni kklassifikata ma' istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħra tal-Unjoni, ma' Stati Membri jew ma' Stati terzi jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.
3. Dan l-Artikolu jiġi implimentat, mutatis mutandis, għall-persunal tal-Kummissjoni f'Delegazzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr ħsara għal kull arranġament speċjali bejn il-Kummissjoni u s-SEAE, bħalma hu l-arranġament speċjali ffirmat fit-28 ta' Mejju 2014 bejn il-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Siġurtà tal-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar id-dmir ta' diliġenza lejn il-persunal tal-Kummissjoni li jinsab f'Delegazzjonijiet tal-Unjoni.
Artikolu 16
Stati ta' Twissija u l-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi
1. Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà huwa responsabbli biex jiddaħħlu fis-seħħ miżuri ta' stat ta' twissija xierqa b'antiċipazzjoni jew rispons għal theddidiet u inċidenti li jkollhom impatt fuq il-Kummissjoni jew għal miżuri meħtieġa għall-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi.
2. Il-miżuri ta' stat ta' twissija msemmija fil-paragrafu 1 ikunu korrispondenti għal-livell ta' theddid għas-sigurtà. Il-livelli ta' stat ta' twissija jiġu definit f'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi kompetenti ta' istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni, u tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li jospitaw is-siti tal-Kummissjoni.
3. Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jkun il-punt ta' kuntatt għall-istati ta' twissija u l-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi.
KAPITOLU 4
ORGANIZZAZZJONI
Artikolu 17
Ir-responsabbiltajiet ġenerali tas-servizzi tal-Kummissjoni
1. Ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni msemmija f'din id-Deċiżjoni jitħaddmu mid-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà taħt l-awtorità u r-responsabbiltà tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għas-sigurtà.
2. L-arranġamenti speċifiċi rigward iċ-ċibersigurtà huma definiti fid-Deċiżjoni (2006) 3602.
3. Ir-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u r-regoli implimentattivi tagħha u għall-konformità minn jum għal jum jistgħu jiġu ddelegati lil dipartimenti oħra tal-Kummissjoni, kull meta d-deċentralizzazzjoni tat-twassil tas-sigurtà tfisser aktar effiċjenza, iffrankar ta' riżorsi u ħin, pereżempju minħabba l-lokazzjoni ġeografika tas-servizzi kkonċernati.
4. Fejn japplika l-paragrafu 3, id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, u fejn ikun xieraq, id-Direttur Ġenerali tal-Informatika, jikkonkludu arranġamenti ma' servizzi individwali tal-Kummissjoni li jistabbilixxu b'mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki ta' sigurtà.
Artikolu 18
Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà
1. Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà b'mod partikolari jkun responsabbli:
|
(1) |
għall-iżvilupp tal-politika ta' sigurtà tal-Kummissjoni, tar-regoli ta' implimentazzjoni u l-avviżi ta' sigurtà; |
|
(2) |
għall-ġbir ta' informazzjoni bil-għan li ssir stima tat-theddid u r-riskji għas-sigurtà u dwar il-kwistjonijiet kollha li jista' jkollhom impatt fuq is-sigurtà fil-Kummissjoni; |
|
(3) |
biex jipprovdi sorveljanza elettronika u protezzjoni lis-siti kollha tal-Kummissjoni, billi jikkunsidra l-valutazzjonijiet tat-theddid u l-evidenza rigward attivitajiet mhux awtorizzati kontra l-interessi tal-Kummissjoni; |
|
(4) |
biex jipprovdi servizz ta' emerġenza 24siegħa/7 ijiem għas-servizzi u l-persunal tal-Kummissjoni għal kwalunkwe kwistjoni relatata mas-sikurezza u s-sigurtà; |
|
(5) |
għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà li għandhom l-għan li jtaffu r-riskji għas-sigurtà u għall-iżvilupp u l-manutenzjoni xierqa tas-SKI biex tkopri l-ħtiġijiet operattivi tagħha, b'mod partikolari fl-oqsma ta' kontroll tal-aċċess fiżiku, l-amministrazzjoni ta' awtorizzazzjonijiet ta' sigurtà u t-trattament ta' informazzjoni sensittiva u klassifikata tal-UE; |
|
(6) |
biex jissensibilizza, jorganizza eżerċizzji u taħriġ u jipprovdi taħriġ u konsulenza dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mas-sigurtà fil-Kummissjoni, bil-ħsieb tal-promozzjoni ta' kultura ta' sigurtà u jinħoloq grupp ta' persunal imħarreġ kif jixraq fi kwistjonijiet ta' sigurtà. |
2. Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u r-responsabbiltajiet ta' servizzi oħra tal-Kummissjoni, jiżgura kollegament estern:
|
(1) |
mad-dipartimenti tas-sigurtà tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-Unjoni fuq kwistjonijiet dwar is-sigurtà tal-persuni, l-assi u l-informazzjoni fil-Kummissjoni; |
|
(2) |
ma' servizzi tas-sigurtà, intelligence u tal-valutazzjoni tat-theddid, inklużi l-awtoritajiet tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri, tal-pajjiżi terzi u tal-organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali dwar kwistjonijiet li jaffettwaw is-sigurtà tal-persuni, l-assi u l-informazzjoni fil-Kummissjoni; |
|
(3) |
mal-pulizija u servizzi oħra ta' emerġenza rigward il-kwistjonijiet kollha ta' rutina u ta' emerġenza li jolqtu s-sigurtà tal-Kummissjoni; |
|
(4) |
mal-awtoritajiet ta' sigurtà tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, ta' aġenziji u korpi, tal-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi fil-qasam tar-rispons għal attakki ċibernetiċi b'impatt potenzjali fuq is-sigurtà fil-Kummissjoni; |
|
(5) |
dwar it-twassil, il-valutazzjoni u t-tqassim ta' intelligence rigward theddid minn attivitajiet terroristiċi u spjunaġġ li għandhom impatt fuq is-sigurtà fil-Kummissjoni; |
|
(6) |
rigward kwistjonijiet li jirrigwardaw informazzjoni klassifikata, kif hemm speċifikat aktar fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (14). |
3. Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà huwa responsabbli għat-trażmissjoni sigura ta' informazzjoni mwettqa skont dan l-Artikolu, inkluż it-trażmissjoni ta' dejta personali.
Artikolu 19
Il-Grupp ta' Esperti għas-Sigurtà tal-Kummissjoni (ComSEG)
Jiġi stabbilit Grupp ta' Esperti għas-Sigurtà tal-Kummissjoni, b'mandat li jagħti pariri lill-Kummissjoni, fejn xieraq, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-politika tas-sigurtà interna tagħha u b'mod aktar partikolari dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.
Artikolu 20
Uffiċjali għas-Sigurtà Lokali (LSOs)
1. Kull dipartiment jew Kabinett tal-Kummissjoni jaħtar Uffiċjal tas-Sigurtà Lokali (Local Security Officer — LSO), li jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta' kuntatt bejn is-servizz tiegħu u d-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mas-sigurtà fil-Kummissjoni. Fejn xieraq jista' jinħatar viċi LSO wieħed jew aktar. L-LSO jkun uffiċjal jew aġent temporanju.
2. Bħala l-punt ta' kuntatt ewlieni tad-dipartiment jew Kabinett tiegħu fl-Kummissjoni dwar is-sigurtà, l-LSO, f'intervalli regolari, jirrapporta lid-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà u lill-ġerarkija tiegħu dwar kwistjonijiet ta' sigurtà li jinvolvu lid-dipartiment tiegħu fil-Kummissjoni u, minnufih, dwar kwalunkwe inċident ta' sigurtà, inkluż dawk fejn l-IKUE jew informazzjoni sensittiva mhux klassifikata jistgħu jkunu ġew kompromessi.
3. Għal kwistjonijiet relatati mas-sigurtà ta' sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni, L-LSO jżomm kuntatt mal-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Informatika Lokali (Local Informatics Security Officer -LISO) tad-dipartiment tiegħu fil-Kummissjoni, li r-rwol u r-responsabbiltajiet tiegħu huma stabbiliti fid-Deċiżjoni C (2006) 3602.
4. Huwa jikkontribwixxi għal attivitajiet ta' taħriġ u sensibilizzazzjoni tas-sigurtà billi jindirizza l-bżonnijiet speċifiċi tal-persunal, il-kuntratturi u individwi oħra li jaħdmu taħt l-awtorità tad-dipartiment tiegħu fil-Kummissjoni.
5. L-LSO jista' jiġi assenjat kompiti speċifiċi f'każijiet ta' riskji kbar jew immedjati għas-sigurtà jew ta' emerġenzi fuq talba tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà. Id-Direttur Ġenerali jew id-Direttur tar-Riżorsi Umani tad-Direttorat Ġenerali lokali tal-LSO jiġi mgħarraf b'dawn il-kompiti speċifiċi mid-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà.
6. Ir-responsabbiltajiet tal-LSO jkunu mingħajr preġudizzju għar-rwol u r-responsabbiltajiet assenjati lill-Uffiċjali tas-Sigurtà tal-Informatika Lokali (LISOs), il-Maniġers tas-Saħħa u s-Sikurezza, l-Uffiċjali tal-Kontroll tar-Reġistri (Registry Control Officers — RCOs) jew kwalunkwe funzjoni oħra li timplika responsabbiltajiet relatati mas-sigurtà jew is-sikurezza. L-LSO jżomm kuntatt magħhom sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti u konsistenti lejn is-sigurtà u fluss effiċjenti ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà fil-Kummissjoni.
7. L-LSO jkollu aċċess dirett għal Direttur Ġenerali jew il-Kap tas-Servizz tiegħu, filwaqt li jinforma lill-ġerarkija diretta tiegħu. Huwa jkollu awtorizzazzjoni ta' sigurtà biex jaċċessal-IKUE, tal-inqas sal-livell ta' SECRET UE/EU SECRET.
8. Sabiex jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki, id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jorganizza konferenza għall-LSOs mill-inqas darbtejn fis-sena. L-attendenza tal-LSOs f'dawn il-konferenzi hija obbligatorja.
KAPITOLU 5
IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 21
Regoli ta' implimentazzjoni u avviżi ta' sigurtà
1. Kif meħtieġ, l-adozzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ser tkun s-suġġett ta' deċiżjoni tal-għoti ta' setgħa tal-Kummissjoni favur il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet ta' sigurtà, f'konformità sħiħa mar-regoli ta' proċedura interni.
2. Wara li jingħata s-setgħa b'segwitu għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq, il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà jista' jiżviluppa l-avviżi ta' sigurtà li jistabbilixxu linji gwida ta' sigurtà u l-aħjar prattiki fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu.
3. Il-Kummissjoni tista' tiddelega l-kompiti msemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu lid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà permezz ta' deċiżjoni ta' delega, f'konformità sħiħa mar-regoli ta' proċedura interni.
KAPITOLU 6
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U MIXXELLANJI
Artikolu 22
L-ipproċessar ta' dejta personali
1. Il-Kummissjoni tipproċessa d-dejta personali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.
2. Minkejja l-miżuri diġà fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u nnotifikati lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (15), kwalunkwe miżura skont din id-Deċiżjoni li tinvolvi l-ipproċessar ta' dejta personali, bħal dik li tirrigwarda r-reġistru tal-aċċess u l-ħruġ, ir-reġistrazzjonijiet b'CCTV, ir-reġistrazzjonijiet tat-telefonati lill-uffiċċji tas-servizz jew iċ-ċentri tad-dispaċċ u dejta simili, li huma meħtieġa għal raġunijiet ta' sigurtà jew ta' rispons għall-kriżijiet, ikunu soġġetti għal regoli ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 21, li jistabbilixxi salvagwardji xierqa għas-suġġetti tad-dejta.
3. Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà huwa responsabbli għas-sigurtà ta' kwalunkwe pproċessar ta' dejta personali li jsir fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni.
4. Dawn ir-regoli u proċeduri ta' implimentazzjoni jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Dejta u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Artikolu 23
Trasparenza
Din id-Deċiżjoni u r-regoli implimentattivi tagħha jinġiebu għall-attenzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni u tal-individwi kollha li japplikaw għalihom.
Artikolu 24
Revoka tad-Deċiżjonijiet preċedenti
Id-Deċiżjoni C(94) 2129 hija mħassra.
Artikolu 25
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) Ara “ Arrangement entre le Gouvernement belge et le Parlement européen, le Conseil, la Commission, le Comité économique et social européen, le Comité des régions, la Banque européenne d'investissement en matière de sécurité ” (Arranġament bejn il-Gvern Belġjan u l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Bank Ewropew tal-Investiment dwar is-sigurtà) tal-31 ta' Diċembru 2004, l-“ Accord de sécurité signé entre la Commission et le Gouvernement luxembourgeois ” (Il-ftehim dwar is-sigurtà bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Lussemburgiż) tal-20 ta' Jannar 2007, u l-“ Accordo tra il Governo Italiano e la Commissione europea dell' energia atomica (Euratom) per l'istituzione di un Centro Comune di Ricerche nucleari di competenza generale ” (il-Ftehim bejn il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea tal-Enerġija Atomika (euratom) għat-twaqqif ta' Ċentru Konġunt ta' Riċerka Nukleari b'kompetenza ġenerali) tat-22 ta' Lulju 1959.
(2) DPO-914.2, DPO-93.7, DPO-153.3, DPO-870.3, DPO-2831.2, DPO-1162.4, DPO-151.3, DPO-3302.1, DPO-508.6, DPO-2638.3, DPO-544.2, DPO-498.2, DPO-2692.2, DPO-2823.2.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (94) 2129 tat-8 ta' Settembru 1994 dwar il-kompiti tal-Uffiċċju tas-Sigurtà.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta, (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (Ir-Regolamenti tal-Istaff) (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).
(6) Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà 2013/C 190/01 tad-19 ta' April 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU C 190, 29.6.2013, p. 1).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/47/KE, KEFA, Euratom tat-23 ta' Jannar 2002 li temenda r-Regoli ta' Proċedura tagħha (ĠU L 21, 24.1.2002, p. 23) flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tad-dokumenti.
(8) Id- Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/563/KE, Euratom tas-7 ta' Lulju 2004 li temenda r-Regoli ta' Proċedura tagħha (ĠU L 251, 27.7.2004, p. 9) flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar id-dokumenti elettroniċi u diġitalizzati.
(9) C (2006) 1623 tal-21 ta' April 2006 li tistabbilixxi politika armonizzata fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għal persunal kollu tal-Kummissjoni Ewropea.
(10) C (2006) 3602 tas-16 ta' Awwissu 2006 dwar is-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni użati mill-Kummissjoni Ewropea.
(11) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(12) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43)
(13) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(14) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ara l-paġna 53 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(15) DPO-914.2, DPO-93.7, DPO-153.3, DPO-870.3, DPO-2831.2, DPO-1162.4, DPO-151.3, DPO-3302.1, DPO-508.6, DPO-2638.3, DPO-544.2, DPO-498.2, DPO-2692.2, DPO-2823.2.