Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0423

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/423 tas- 6 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fis-seba' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Rotterdam fir-rigward tal-emendi fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali

    ĠU L 68, 13.3.2015, p. 48–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/423/oj

    13.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 68/48


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/423

    tas-6 ta' Marzu 2015

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fis-seba' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Rotterdam fir-rigward tal-emendi fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 192 u 207, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni rratifikat il-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta' Rotterdam”) bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE (1).

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jimplimenta l-Konvenzjoni ta' Rotterdam fl-Unjoni.

    (3)

    Sabiex ikun żgurat li l-pajjiżi li jimportaw ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-ħarsien offrut mill-Konvenzjoni ta' Rotterdam, huwa meħtieġ u xieraq li tiġi appoġġata r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għar-Reviżjoni tal-Kimika dwar l-inklużjoni fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam tal-asbestos krisotilu, metammidofos, triklorfon, fentijon (il-formolazzjonijiet b'Volum Ultra Baxx (VUB) b'640 g jew aktar ta' ingredjent attiv/L) u formolazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli jew konċentrat solubbli) li fihom diklorur tal-parakkwat fil-livell ta' 276 g/L jew aktar, li jikkorrispondu għall-jon tal-parakkwat fil-livell ta' 200 g/L jew aktar. Dawn is-sustanzi diġà huma pprojbiti jew ristretti ħafna fl-Unjoni, u għaldaqstant huma suġġetti għal rekwiżiti tal-esportazzjoni li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ taħt il-Konvenzjoni ta' Rotterdam.

    (4)

    Is-seba' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam hija mistennija tieħu deċiżjonijiet dwar l-emendi proposti għall-Anness III. L-Unjoni għandha tappoġġa dawk l-emendi,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fis-seba' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam hija li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali (3) fir-rigward tal-inklużjoni tal-asbestos krisotilu, metammidofos, triklorfon, fentijon (il-formolazzjonijiet b'Volum Ultra Baxx (VUB) b'640 g jew aktar ta' ingredjent attiv/L) u formolazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli jew konċentrat solubbli) li fihom diklorur tal-parakkwat fil-livell ta' 276 g/L jew aktar, li jikkorrispondu għall-jon tal-parakkwat fil-livell ta' 200 g/L jew aktar.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Marzu 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. GERHARDS


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE tal-25 ta' Settembru 2006 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23).

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60).

    (3)  ĠU L 63, 6.3.2003, p. 29.


    Top