EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1327

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1327/2014 tat- 12 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta' idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) fil-laħam u fil-prodotti tal-laħam affumikati b'mod tradizzjonali u fil-ħut u fil-prodotti tas-sajd affumikati b'mod tradizzjonali Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 358, 13.12.2014, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1327/oj

13.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 358/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1327/2014

tat-12 ta' Diċembru 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta' idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) fil-laħam u fil-prodotti tal-laħam affumikati b'mod tradizzjonali u fil-ħut u fil-prodotti tas-sajd affumikati b'mod tradizzjonali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jiffissal-livelli massimi tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) fl-ikel, inkluż fil-laħam u fil-prodotti tal-laħam affumikati u fil-ħut u fil-prodotti tas-sajd affumikati.

(2)

Skont dak ir-Regolament, il-livelli massimi ta' PAHs iridu jkunu mingħajr periklu, u baxxi kemm jista' jkun (l-ALARA) imsejsa fuq prattiċi tajba tal-fabbrikazzjoni u tal-biedja/is-sajd. Fl-2011, id-dejta għall-ħut affumikat u għal-laħam affumikat uriet li huma possibbli livelli massimi aktar baxxi. Minkejja dan, f'xi każijiet kien hemm il-bżonn ta' adattament tat-teknoloġija tal-affumikar. Għalhekk, għal-laħam u l-prodotti tal-laħam affumikati u għall-ħut u l-prodotti tas-sajd affumikati, ingħata perjodu ta' tranżizzjoni ta' tliet snin qabel ma jibdew japplikaw il-livelli massimi aktar baxxi mill-1 ta' Settembru 2014.

(3)

Madankollu evidenza riċenti qed turi li, minkejja l-applikazzjoni sa fejn huwa fattibbli ta' prattiki tajba tal-affumikar, il-livelli aktar baxxi ta' PAHs ma jistgħux jintlaħqu f'diversi Stati Membri f'ċerti każijiet ta' laħam u prodotti tal-laħam affumikati b'mod tradizzjonali u ħut u prodotti tas-sajd affumikati b'mod tradizzjonali, minħabba li f'dawk il-każijiet il-prattiki tal-affumikar ma jistgħux jinbidlu mingħajr ma jinbidlu b'mod sinifikanti l-karatteristiċi organolettiċi tal-ikel. Konsegwentement, tali prodotti affumikati b'mod tradizzjonali jgħibu mis-suq u dan iwassal biex jingħalqu ħafna intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

(4)

Għalhekk jixraq li tiġi pprovduta deroga mill-applikazzjoni tal-livelli massimi aktar baxxi ta' PAHs mill-1 ta' Settembru 2014 għal ċerti Stati Membri għal 3 snin għall-produzzjoni u l-konsum lokali tal-laħam u prodotti tal-laħam u/jew tal-ħut u prodotti tas-sajd affumikati b'mod tradizzjonali. Il-livelli massimi attwalment applikabbli għandhom ikomplu japplikaw għal dawk il-prodotti affumikati. Din id-deroga, b'mod ġenerali għandha tkopri l-laħam u l-prodotti tal-laħam u/jew il-ħut u l-prodotti tas-sajd kollha mingħajr ma tagħti l-ismijiet speċifiċi ta' oġġetti tal-ikel.

(5)

L-Istati Membri kkonċernati għandhom ikomplu jissorveljaw il-preżenza tal-PAHs f'dawk il-prodotti u jistabbilixxu programmi li fejn possibbli jimplimentaw prattiki tal-affumikar tajba.

(6)

Fi żmien tliet snin mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, is-sitwazzjoni għandha terġa' tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli, li tista' twassal għal lista aktar limitata u dettaljata ta' laħam u prodotti tal-laħam affumikati u ħut u prodotti tas-sajd affumikati li għalihom imbagħad tista' tingħata deroga għall-produzzjoni u l-konsum lokali mingħajr limitu ta' żmien.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1881/2006

Fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiżdiedu l-paragrafi 6 u 7 li ġejjin:

“6.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 1, l-Irlanda, Spanja, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit jistgħu jawtorizzaw it-tqegħid fis-swieq tagħhom ta' laħam u prodotti tal-laħam affumikati b'mod tradizzjonali fit-territorju tagħhom u maħsuba għall-konsum fit-territorju tagħhom b'livelli ta' PAHs ogħla minn dawk stipulati fil-punt 6.1.4 tal-Anness, kemm-il darba dawk il-prodotti jkunu jikkonformaw mal-livelli massimi applikabbli qabel l-1 ta' Settembru 2014, jiġifieri 5,0 μg/kg għal benżo(a)piren u 30,0 μg/kg għat-total ta' benżo(a)piren, benż(a)antraċen, benżo(b)fluworanten u krisen.

Dawk l-Istati Membri għandhom ikomplu jissorveljaw il-preżenza ta' PAHs fil-laħam affumikat u fil-prodotti tal-laħam affumikati b'mod tradizzjonali u għandhom jistabbilixxu programmi li jimplimentaw prattiki ta' affumikar tajbin fejn hu possibbli, fil-limiti ta' dak li huwa ekonomikament possibbli u dak li huwa possibbli mingħajr ma jitilfu l-karatteristiċi organolettiċi tipiċi ta' dawk il-prodotti.

Fi żmien 3 snin mill-applikazzjoni tar-Regolament, is-sitwazzjoni għandha tiġi vvalutata mill-ġdid, fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli, bil-ħsieb li tiġi stabbilita lista ta' laħam affumikat u prodotti tal-laħam affumikat li għalihom id-deroga għall-produzzjoni u l-konsum lokali għandha titkompla mingħajr limitu ta' żmien.

7.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 1, l-Irlanda, il-Latvja, ir-Rumanija, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit jistgħu jawtorizzaw it-tqegħid fis-swieq tagħhom ta' ħut affumikat u prodotti tas-sajd affumikati b'mod tradizzjonali fit-territorju tagħhom u maħsuba għall-konsum fit-territorju tagħhom b'livelli ta' PAHs ogħla minn dawk stipulati fil-punt 6.1.5 tal-Anness, dejjem jekk dawk il-prodotti affumikati jikkonformaw mal-livelli massimi applikabbli qabel l-1 ta' Settembru 2014, jiġifieri 5,0 μg/kg għal benżo(a)piren u 30,0 μg/kg għat-total ta' benżo(a)piren, benż(a)antraċen, benżo(b)fluworanten u krisen.

Dawn l-Istati Membri għandhom ikomplu jissorveljaw il-preżenza tal-PAHs fil-ħut affumikat u fil-prodotti tas-sajd affumikati b'mod tradizzjonali u għandhom jistabbilixxu programmi li jimplimentaw prattiki ta' affumikar tajba fejn ikun possibbli, fil-limiti ta' dak li huwa ekonomikament fattibbli u dak li huwa possibbli mingħajr ma jitilfu l-karatteristiċi organolettiċi tipiċi ta' dawk il-prodotti.

Fi żmien 3 snin mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, is-sitwazzjoni għandha tiġi vvalutata mill-ġdid, fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli, bil-ħsieb li tiġi stabbilita lista ta' ħut affumikat u prodotti tas-sajd affumikati li għalihom id-deroga għall-produzzjoni u l-konsum lokali għandha titkompla mingħajr limitu ta' żmien.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Settembru 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).


Top