EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1317

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1317/2014 tal- 11 ta' Diċembru 2014 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 355, 12.12.2014, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1317/oj

12.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 355/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1317/2014

tal-11 ta' Diċembru 2014

dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 497(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi evitat tfixkil għas-swieq finanzjarji internazzjonali u l-istituzzjonijiet jiġu ppenalizzati billi jiġu soġġetti għal rekwiżiti ogħla ta' fondi proprji waqt il-proċessi ta' awtorizzazzjoni u r-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali eżistenti (“CCPs”), l-Artikolu 497(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 stabbilixxa perjodu tranżitorju li matulu l-kontropartijiet ċentrali kollha li istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni jikklerjaw it-tranżazzjonijiet magħhom se jitqiesu bħala kontropartijiet ċentrali kwalifikanti (“QCCPs”).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 emenda wkoll ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward ta' ċerti inputs għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji ta' istituzzjonijiet għal skoperturi għal CCPs. Għaldaqstant, l-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jeħtieġ li ċerti CCPs jirrappurtaw, għal perjodu limitat ta' żmien, l-ammont totali tal-marġni inizjali li huma jkunu rċevew mill-membri tal-ikklerjar tagħhom. Dan il-perjodu tranżitorju jirrifletti dak il-perjodu stipulat fl-Artikolu 497 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(3)

Kemm il-perjodu tranżitorju għar-rekwiżiti ta' fondi proprji stabbilit fl-Artikolu 497(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif ukoll il-perjodu tranżitorju għar-rapportar ta' marġni inizjali stipulat fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 89 (5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 kienu previsti li jiskadu fil-15 ta' Ġunju 2014.

(4)

L-Artikolu 497(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex f'ċirkostanzi eċċezzjonali tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex il-perjodu tranżitorju jiġi estiż b'sitt xhur. Din l-estensjoni għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 591/2014 (3) diġà estenda dawn il-perjodi tranżitorji b'sitt xhur, sal-15 ta' Diċembru 2014.

(5)

Il-proċess ta' awtorizzazzjoni għas-CCPs eżistenti stabbiliti fl-Unjoni ilu għaddej iżda mhux se jitlesta sal-15 ta' Diċembru 2014. Rigward is-CCPs stabbiliti f'pajjiżi terzi li diġà applikaw għar-rikonoxximent, għalissa ma ngħata l-ebda rikonoxximent lil dawn is-CCPs. Estensjoni ulterjuri tal-perjodu tranżitorju għalhekk se tippermetti lill-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew is-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra mill-Unjoni) biex jevitaw żieda sinifikanti fir-rekwiżiti ta' fondi proprji tagħhom minħabba n-nuqqas ta' CCPs rikonoxxuti stabbiliti f'kull wieħed minn dawk il-pajjiżi terzi rilevanti u tipprovdi, b'mod vijabbli u aċċessibli, it-tip speċifiku ta' servizzi tal-ikklerjar li jeħtieġu dawk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Filwaqt li żieda bħal din tista' tkun biss temporanja, din tista' potenzjalment twassal għall-irtirar tagħhom bħala parteċipanti diretti f'dawk is-CCPs u għalhekk tikkawża tfixkil fis-swieq li joperaw fihom dawk is-CCPs. Estensjoni ulterjuri ta' sitt xhur tal-perjodi tranżitorji, jiġifieri sal-15 ta' Ġunju 2015, hija għalhekk meħtieġa.

(6)

Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Banek Ewropej,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-perjodi ta' 15-il xahar imsemmija fl-Artikolu 497(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, rispettivament, kif diġà estiżi skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 591/2014, jiġu estiżi b'sitt xhur oħra.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 591/2014 tat-3 ta' Ġunju 2014 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 31).


Top