EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1307

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1307/2014 tat- 8 ta' Diċembru 2014 li jiddefinixxi l-kriterji u l-firxiet ġeografiċi ta' artijiet bil-ħaxix ta' bijodiversità għolja għall-finijiet tal-Artikolu 7b(3)(c) tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropea u l-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u l-Artikolu 17(3)(c) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropea u l-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

ĠU L 351, 9.12.2014, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1307/oj

9.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 351/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1307/2014

tat-8 ta' Diċembru 2014

li jiddefinixxi l-kriterji u l-firxiet ġeografiċi ta' artijiet bil-ħaxix ta' bijodiversità għolja għall-finijiet tal-Artikolu 7b(3)(c) tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropea u l-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u l-Artikolu 17(3)(c) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropea u l-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (1), kif emendata bid-Direttiva 2009/30/KE (2), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7b(3)(c) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (3), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(3)(c) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE jistipulaw li l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jistgħu jingħaddu biss fil-miri stabbiliti u l-operaturi ekonomiċi jistgħu jibbenefikaw biss minn appoġġ pubbliku jekk ikunu konformi mal-kriterji tas-sostenibbiltà stipulati f'dawk id-Direttivi. Bħala parti minn din l-iskema, il-bijofjuwils u l-bijolikwidi jistgħu jingħaddu biss fil-miri jew jibbenefikaw mill-appoġġ pubbliku f'każ li ma jkunux magħmula minn materja prima miksuba minn art li f'Jannar tal-2008 jew wara kienet art bil-ħaxix b'bijodiversità għolja, għajr fil-każ ta' artijiet bil-ħaxix b'bijodiversità għolja mhux naturali li għalihom tkun ingħatat xhieda li l-ħsad tal-materja prima huwa meħtieġ biex jiġi mħares l-istatus tal-art bil-ħaxix.

(2)

L-Artikolu 17(3)(c) l-aħħar paragrafu tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Artikolu 7b(3)(c) l-aħħar paragrafu tad-Direttiva 98/70/KE jitolbu lill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-kriterji u l-firxiet ġeografiċi biex jiġi ddeterminat liema artijiet bil-ħaxix jikkwalifikaw bħala artijiet bil-ħaxix b'bijodiversità għolja koperti mill-Artikolu 7b(3)(c) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artilkolu 17(3)(c) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(3)

L-artijiet bil-ħaxix li għandhom bijodiversità għolja jvarjaw fost iż-żoni klimatiċi u jistgħu jinkludu fost oħrajn xagħrijiet, għelieqi, mergħat, savani, steppi, artijiet neqsin mix-xita u prateriji b'bijodiversità għolja. Dawn iż-żoni jiżviluppaw karatteristiċi distinti pereżempju rigward il-grad ta' siġar u l-intensità tar-ragħa u l-ħart. Għall-finijiet tal-Artikolu 7b(3)(c) tad-Direttiva98/70/KE u l-Artikolu 17(3)(c) tad-Direttiva 2009/28/KE, huwa għaldaqstant xieraq li tintuża definizzjoni wiesgħa ta' art bil-ħaxix.

(4)

Id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE jiddistingwu bejn art bil-ħaxix ta' bijodiversità għolja naturali u mhux naturali u jipprovdu definizzjonijiet ta' dawn it-tnejn. Huwa għalhekk xieraq li jiġu inklużi kriterji operattivi f'dawn id-definizzjonijiet. Huwa xieraq, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, li l-artijiet degradati jiġu kkunsidrati bħala mfaqqra fir-rigward tal-bijodiversità.

(5)

Il-konformità mal-Artikolu 7b(3)(c) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 17(3)(c) tad-Direttiva 2009/28/KE hija vverifikata skont l-Artikolu 7c(1) u (3) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(6)

Informazzjoni komprensiva dwar firxiet ġeografiċi ta' artijiet bil-ħaxix b'bijodiversità għolja mhix disponibbli f'livell internazzjonali. Għalhekk, dan ir-Regolament jipprovdi l-firxiet ġeografiċi ta' bijodiversità għolja biss li għalihom l-informazzjoni hija diġà disponibbli.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal- Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u l-Bijolikwidi stabbilit mill-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2009/28/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 7b(3)(c) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 17(3)(c) tad-Direttiva 2009/28/KE għandhom jiġu applikati l-kriterji li ġejjin:

(1)

“art bil-ħaxix” tfisser ekosistemi terrestri dominati minn veġetazzjoni ta' ebraċej jew arbuxxelli għal mill-inqas ħames snin kontinwi. Din tinkludi widien u mergħat b'għelejjel tat-tiben imma teskludi art kultivata għal produzzjoni ta' għelejjel oħrajn u għelejjel li jkunu temporanjament imserrħa. Barra minn hekk, teskludi wkoll żoni msaġġra kontinwament kif definit fl-Artikolu 17(4)(b) tad-Direttiva 2009/28/KE sakemm dawn ma jkunux sistemi agroforestarji li jinkludu sistemi tal-użu tal-art fejn is-siġar jiġu amministrati flimkien ma' għelejjel jew sistemi ta' produzzjoni tal-annimali f'kuntesti agrikoli. Id-dominanza tal-veġetazzjoni tal-erbaċej jew l-arbuxxelli tfisser li l-kopertura tal-art konġunta tagħhom hija akbar mill-kopertura tal-għatja tas-siġar.

(2)

“intervent uman” tfisser ragħa, ħrit, tqattigħ, ħsad jew ħruq ġestit.

(3)

“art bil-ħaxix naturali b'bijodiversità għolja” tfisser art bil-ħaxix li:

(a)

tibqa' art bil-ħaxix fin-nuqqas ta' intervent uman; u

(b)

żżomm il-kompożizzjoni tal-ispeċijiet naturali u l-karatteristiċi u l-proċessi ekoloġiċi.

(4)

“art bil-ħaxix mhux naturali b'bijodiversità għolja” tfisser art bil-ħaxix li:

(a)

ma tibqax art bil-ħaxix fin-nuqqas ta' intervent uman; u

(b)

mhijiex degradata, jiġifieri mhix ikkaratterizzata minn telf tal-bijodiversità fit-tul pereżempju wara ragħa eċċessiv, minħabba ħsara mekkanika lill-veġetazzjoni, l-erożjoni tal-ħamrija jew it-telfien tal-kwalità tal-ħamrija; u

(c)

hija rikka fl-ispeċijiet, jiġifieri hija:

(i)

ħabitat ta' importanza sinifikanti għal speċijiet kritikament perikolati, perikolati jew vulnerabbli kif ikklassifikati skont il-Lista l-Ħamra tal-Ispeċijiet fil-Periklu tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura jew listi oħra b'għan simili għal xi speċijiet jew ħabitati stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew rikonoxxuti minn awtorità nazzjonali kompetenti fil-pajjiż tal-oriġini tal-materja prima; jew

(ii)

ħabitat ta' importanza sinfikanti għal speċijiet endemiċi jew b'firxa ristretta; jew

(iii)

ħabitat ta' importanza sinifikanti għal diversità ġenetika intraspeċi; jew

(iv)

ħabitat ta' importanza sinifikanti għal konċentrazzjonijiet globalment sinifikanti ta' speċijiet migratorji jew kongregatorji; jew

(v)

ekosistema sinifikanti f'livell reġjonali jew nazzjonali jew mhedda ferm jew unika.

Artikolu 2

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 artijiet bil-ħaxix f'dawn l-firxiet ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea għandhom dejjem jitqiesu bħala art bil-ħaxix b'bijodiversità għolja:

(1)

ħabitats elenkati fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (4);

(2)

ħabitats ta' importanza sinifikanti għal speċijiet ta' annimali u pjanti ta' interess għall-Unjoni elenkati fl-Anness II u IV tad-Direttiva 92/43/KEE;

(3)

ħabitats ta' importanza sinifikanti għal speċijiet ta' għasafar salvaġġi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

Art bil-ħaxix b'bijodiversità għolja fl-Unjoni Ewropea mhix limitata għall-firxiet ġeografiċi msemmija taħt (1), (2) u (3) ta' dan l-Artikolu. Artijiet bil-ħaxix oħrajn jistgħu jissodisfaw il-kriterji għal art bil-ħaxix b'bijodiversità għolja stabbiliti fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Fejn tingħata xhieda li l-ħsad tal-materja prima huwa meħtieġ biex jiġi ppriżervat l-istatus ta' art bil-ħaxix, ma għandha għalfejn tiġi pprovduta l-ebda xhieda oħra li turi l-konformità mal-Artikolu 7b(3)(c)(ii) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 17(3)(c)(ii) tad-Direttiva 2009/28/KE.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Ottubru 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

(2)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 88.

(3)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(4)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(5)  ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.


Top