Alegeți funcționalitățile experimentale pe care doriți să le testați

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Document 32014R1278

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1278/2014 tal- 1 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 967/2006, (KE) Nru 828/2009, (KE) Nru 891/2009 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 75/2013

    ĠU L 346, 2.12.2014, p. 26-28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Statutul juridic al documentului care este în vigoare

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1278/oj

    2.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 346/26


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1278/2014

    tal-1 ta' Diċembru 2014

    li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 967/2006, (KE) Nru 828/2009, (KE) Nru 891/2009 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 75/2013

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 144(c), 144(j), 178(b), 178(f), 178(h), l-Artikolu 180 u l-Artikoli 182(4) u 192(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jestendi r-reġim tal-kwoti taz-zokkor sat-30 ta' Settembru 2017 u jdaħħal tibdiliet f'dak ir-reġim. Għalhekk, hemm bżonn li jiġu adattati ċertu Regolamenti fis-settur taz-zokkor.

    (2)

    F'ġieħ iċ-ċarezza, hemm bżonn li jiġi emendat l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 (2) sabiex jikkorrispondi eżattament għall-Artikolu 140(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi li zokkor industrijali, isoglukożju industrijali jew l-inulina industrijali għandhom ikunu waslu għand l-utent sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru tas-sena tas-suq ta' wara.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 967/2006 jistabbilixxi sa meta l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni il-kwantitajiet li l-impriżi jittrasferixxu 'l quddiem biex japplikaw l-Artikolu 141 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Fid-dawl tad-dati l-ġodda għall-impriżi biex jinnotifikaw lill-Istati Membri, li jistabbilixxi dak l-Artikolu, għandhom jiġu adattati l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 kif xieraq.

    (4)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 828/2009 (3) jistabbilixxi r-regoli għall-importazzjonijiet tal-prodotti taz-zokkor fl-intestatura tariffarja 1701 bi ftehimiet preferenzjali sas-sena tas-suq 2014/2015. L-Artikolu 4(4) ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi l-lista ta' dokumenti li għandhom jakkumpanjaw l-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-importazzjoni u jistipula li l-liċenzji tal-esportazzjoni jistgħu jinbidlu b'kopji ċċertifikati. Minħabba l-iżviluppi tekniċi u biex jeħfiefu l-proċeduri, f'ċertu kundizzjonijiet, il-liċenzji tal-esportazzjoni għandhom jitħallew jintbagħtu b'mod elettroniku.

    (5)

    Billi l-importazzjonijiet f'ċertu reġimi preferenzjali mhumiex soġġetti għal kwantità limitata tal-kwota, jixraq li fejn jidħlu l-liċenzji għal importazzjonijiet preferenzjali taz-zokkor jitħalla livell abitwali ta' tolleranza li ma jaqbiżx il-5 % ħalli jeħfiefu l-proċeduri doganali.

    (6)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 (4) hu emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (5) billi nbidlu xi kodiċijiet NM applikabbli għaz-zokkor. Il-prodotti li jkopru r-Regolament (KE) Nru 828/2009 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 (6) diġà ngħataw kodiċijiet NM ġodda u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri diġà qed jużawhom fil-prattika. Għalhekk jixraq li jsir aġġustament tekniku tal-kodiċijiet NM imsemmija f'dawk ir-Regolamenti.

    (7)

    Il-Kummissjoni żviluppat sistema tal-informazzjoni li tmexxi d-dokumenti u l-proċeduri b'mod elettroniku fil-proċeduri ta' ħidma interni tagħha stess u fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet involuti fil-politika agrikola komuni. L-obbligi ta' notifika li jistabbilixxi r-Regolament (KE) Nru 828/2009 jistgħu jintlaħqu permezz ta' dik is-sistema f'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (7).

    (8)

    Minħabba l-qagħda tas-suq u l-previżjoni prevalenti f'dak iż-żmien, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 75/2013 (8) ippreveda għan-nuqqas ta' applikazzjoni tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċertu prodotti taz-zokkor sa tmiem is-sena tas-suq 2014/2015. Minħabba l-estensjoni tar-reġim tal-kwoti taz-zokkor u billi t-tbassir tas-suq ma jinbidilx ġmielu sa tmiem ir-reġim tal-kwoti, in-nuqqas ta' applikazzjoni tad-dazji addizzjonali tal-importazzjoni għal dawk il-prodotti taz-zokkor għandu jiġi estiż sat-30 ta' Settembru 2017.

    (9)

    Għaldaqstant għandhom jiġu emendati r-Regolamenti (KE) Nru 967/2006, (KE) Nru 828/2009, (KE) Nru 891/2009 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 75/2013 kif xieraq.

    (10)

    Il-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma tax opinjoni saż-żmien stabbilit mill-president tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi fir-Regolament (KE) Nru 967/2006

    Ir-Regolament (KE) Nru 967/2006 hu emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 4(1), il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

    “(a)

    ikunu waslu għand proċessur sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru tas-sena tas-suq ta' wara, ħalli jintużaw fil-manifattura tal-prodotti li jissemmew fl-Anness;”

    .

    (2)

    Fl-Artikolu 17, il-punti (a) u (b) jinbidlu b'dan li ġej:

    “(a)

    mhux aktar tard mill-15 ta' Settembru, il-kwantitajiet taz-zokkor mill-pitravi, il-ġulepp tal-inulina u z-zokkor tal-kannamieli mis-sena tas-suq attwali li jridu jiġu trasferiti 'l quddiem għas-sena tas-suq li jmiss;”

    .

    Artikolu 2

    Emendi fir-Regolament (KE) Nru 828/2009

    Ir-Regolament (KE) Nru 828/2009 hu emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 4 hu emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 4 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Minflok l-oriġinali li jappoġġaw l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni, jistgħu jitressqu kopji elettroniċi jew bil-feks tal-liċenzi tal-esportazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu jew tal-kopji ċċertifikati msemmija fit-tieni subparagrafu, diment li dawn l-oriġinali jressaqhom l-applikant lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri waqt l-approvazzjoni doganali tal-liċenzja tal-importazzjoni qabel l-approvazzjoni doganali tal-prodotti koperti mil-liċenzja tal-importazzjoni maħruġa abbażi tal-kopji elettroniċi jew bil-feks.”

    ;

    (b)

    Fil-paragrafu 6, “dokument” għandha tinbidel bil-kelmiet “dokument oriġinali, elettroniku, jew bil-feks”;

    (c)

    Jiżdied dan il-paragrafu 7:

    “7.   L-Artikolu 48(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 376/2008 ma għandux japplika meta l-kwantità taz-zokkor importat skont dan ir-Regolament tkun akbar b'mhux aktar minn 5 % tal-kwantità msemmija fil-liċenzja tal-importazzjoni. Il-kwantità addizzjonali għandha titqies li tkun ġiet importata skont dik il-liċenzja.”

    .

    (2)

    L-Artikolu 8 hu emendat kif ġej:

    (a)

    Fl-ewwel paragrafu, il-kodiċi NM “1701 11 10” jinbidel bi “1701 13 10, 1701 14 10”,

    (b)

    Fit-tieni paragrafu, il-kodiċi NM “1701 11 90” jinbidel bi “1701 13 90, 1701 14 90”.

    (3)

    Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 6 jinbidel b'dan li ġej:

    “6.   In-notifiki msemmija f'dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (*).

    (*)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).”"

    .

    Artikolu 3

    Emendi fir-Regolament (KE) Nru 891/2009

    Ir-Regolament (KE) Nru 891/2009 hu emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 13(1), il-kodiċi NM “1701 11 90” jinbidel bi “1701 13 90, 1701 14 90”;

    (2)

    Fl-Anness I, il-Parti I, il-kodiċi NM “1701 11 10” jinbidel bi “1701 13 10, 1701 14 10”.

    Artikolu 4

    Emenda fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 75/2013

    Fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 75/2013, “it-30 ta' Settembru 2015” tinbidel bi “it-30 ta' Settembru 2017”.

    Artikolu 5

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Diċembru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (ĠU L 176, 30.6.2006, p. 22).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 828/2009 tal-10 ta' Settembru 2009 li jistpula r-regoli ddettaljati ta' applikazzjoni għas-snin tas-suq 2009/2010 sal-2014/2015 għall-importazzjoni u r-raffinar tal-prodotti taz-zokkor li jinsabu taħt l-intestatura tariffarja 1701 taħt ftehimiet preferenzjali. (ĠU L 240, 11.9.2009, p. 14).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas-27 ta' Settembru 2011 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 282, 28.10.2011, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 tal-25 ta' Settembru 2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (ĠU L 254, 26.9.2009, p. 82).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).

    (8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 75/2013 tal-25 ta' Jannar 2013 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 951/2006 fir-rigward tal-applikazzjoni ta' prezzijiet rappreżentattivi u dazji addizzjonali tal-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 892/2012 li jistabbilixxi l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2012/2013 (ĠU L 26, 26.1.2013, p. 19).


    Sus