This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R1252
Commission Delegated Regulation (EU) No 1252/2014 of 28 May 2014 supplementing Directive 2001/83/EC of the European Parliament and of the Council with regard to principles and guidelines of good manufacturing practice for active substances for medicinal products for human use Text with EEA relevance
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1252/2014 tat- 28 ta' Mejju 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' prinċipji u linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura għas-sustanzi attivi għal prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem Test b'rilevanza għaż-ŻEE
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1252/2014 tat- 28 ta' Mejju 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' prinċipji u linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura għas-sustanzi attivi għal prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem Test b'rilevanza għaż-ŻEE
ĠU L 337, 25.11.2014, pp. 1–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
25.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 337/1 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1252/2014
tat-28 ta' Mejju 2014
li jissupplimenta d-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' prinċipji u linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura għas-sustanzi attivi għal prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (1), u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Is-sustanzi attivi kollha mmanifatturati fl-Unjoni, inklużi s-sustanzi attivi maħsuba għall-esportazzjoni, għandhom jiġu mmanifatturati skont il-prinċipji u l-linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura għas-sustanzi attivi, li fil-preżent huma stabbiliti fil-linji gwida tekniċi dwar il-manifattura ta' sustanzi attivi, ippubblikati mill-Kummissjoni. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti prinċipji u linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura għas-sustanzi attivi f'att legalment vinkolanti. |
|
(2) |
Sabiex jiġi promoss l-użu ta' standards armonizzati fuq livell globali, il-prinċipji u l-linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura għas-sustanzi attivi għandhom jiġu stabbiliti skont il-linji gwida għas-sustanzi attivi stabbiliti mill-Konferenza Internazzjonali dwar l-Armonizzazzjoni tal-Ħtiġiet Tekniċi għar-Reġistrazzjoni ta' Farmaċewtiċi għall-Użu mill-Bniedem. |
|
(3) |
Għandhom jiġu stabbiliti prinċipji u linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura fir-rigward tal-kwistjonijiet, l-operazzjonijiet u l-proċessi kollha li huma fundamentali sabiex tiġi determinata l-kwalità tas-sustanzi attivi, bħall-immaniġjar tal-kwalità, il-persunal, il-bini u t-tagħmir, id-dokumentazzjoni, l-immaniġjar tal-materjali, il-produzzjoni, il-kontrolli tal-kwalità waqt il-proċess, l-imballaġġ, it-tikkettar, il-kontrolli fil-laboratorju, ir-ritorn, l-ilmenti u s-sejħiet lura, l-għoti ta' kuntratti u l-imballaġġ mill-ġdid. Sabiex tiġi assigurata l-konformità ma' dawk il-prinċipji u l-linji gwida, il-manifatturi tas-sustanzi attivi għandhom ikunu meħtieġa li jistabbilixxu u jimplimentaw sistema effettiva għall-immaniġjar tal-kwalità ta' dawk is-sustanzi. |
|
(4) |
Persunal f'kundizzjonijiet mhux sanitarji, li jilbes ilbies mhux adatt jew li jipprattika attivitajiet potenzjalment kontaminanti fiż-żona tal-manifattura jista' jikkomprometti l-kwalità tas-sustanza attiva. Dan għandu jiġi evitat billi jiġu pprattikati drawwiet sanitarji u tajbin għas-saħħa li jkunu xierqa għall-operazzjonijiet tal-manifattura li jsiru. Dawk il-prattiċi għandhom ikunu previsti fis-sistema tal-immaniġjar tal-kwalità stabbilita mill-manifattur tas-sustanza attiva. |
|
(5) |
Sabiex tiġi assigurata kwalità adegwata tas-sustanza attiva, huwa neċessarju li tiġi minimizzata l-kontaminazzjoni u l-kontaminazzjoni kroċjata potenzjali billi jkun meħtieġ l-użu ta' faċilitajiet, proċessi ta' produzzjoni u kontenituri maħsuba għal dan il-għan, kif ukoll kontrolli xierqa tal-kontaminazzjoni. |
|
(6) |
Huwa importanti ħafna li tiġi evitata l-kontaminazzjoni kroċjata waqt il-produzzjoni ta' sustanzi attivi li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem. Il-kontaminazzjoni ta' prodotti oħra b'sustanzi attivi sensitizzanti ħafna tista' toħloq theddida serja għas-saħħa pubblika billi l-esponiment għal dawn is-sustanzi ħafna drabi jirriżulta fl-iżvilupp ta' sensittività eċċessiva u reazzjonijiet allerġiċi. Għal dik ir-raġuni, il-manifattura ta' dawk is-sustanzi attivi għandha tkun permessa li ssir biss f'żoni ta' produzzjoni separati. L-użu ta' żoni ta' produzzjoni separati jista' jkun neċessarju wkoll għall-produzzjoni ta' sustanzi attivi li jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem minħabba l-qawwa tagħhom jew in-natura infettiva jew tossika tagħhom. Għal dawk is-sustanzi, il-manifattur għandu jwettaq valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ħtieġa ta' żoni ta' produzzjoni separati. |
|
(7) |
Sabiex jiġu faċilitati t-traċċar, l-identifikazzjoni u s-soluzzjoni ta' problemi potenzjali relatati mal-kwalità kif ukoll sabiex tiġi verifikata l-konformità mal-prassi tajba ta' manifattura, il-manifattur għandu jżomm rekords dettaljati bil-miktub tal-proċessi kollha li jwettaq b'rabta mal-manifattura tas-sustanzi attivi, inkluż tad-devjazzjonijiet minn dawk il-proċessi. |
|
(8) |
Sabiex ikun assigurat li l-prodotti mediċinali jkollhom l-istandards xierqa ta' kwalità, sigurtà u effikaċja u sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, il-manifatturi ta' sustanza attiva għandhom jikkomunikaw mingħajr dewmien kwalunkwe tibdil li jista' jaffettwa l-kwalità tas-sustanza attiva lill-manifatturi ta' prodotti mediċinali li jużaw is-sustanza attiva. |
|
(9) |
Huwa neċessarju li jkun hemm fis-seħħ proċeduri xierqa biex jiġu rreġistrati u investigati l-ilmenti relatati mal-kwalità u jitwettqu sejħiet lura tal-prodott sabiex jiġi indirizzat malajr it-tħassib dwar is-sigurtà u jitneħħew mis-suq sustanzi attivi li ma jilħqux l-istandards tal-kwalità jew jippreżentaw theddida serja għas-saħħa pubblika. |
|
(10) |
Meta l-manifattur tas-sustanza attiva jiddelega kwalunkwe parti tal-manifattura lil parti oħra, huwa importanti li jiġu ċċarati bil-miktub ir-responsabbiltajiet ta' dik il-parti l-oħra fir-rigward tal-konformità mal-prattiki tajba tal-manifattura u l-miżuri tal-kwalità, |
|
(11) |
L-applikazzjoni ta' prattiki tajba tal-manifattura għall-proċess tal-imballaġġ mill-ġdid u tat-tikkettar mill-ġdid hija neċessarja sabiex ikun evitat li s-sustanzi attivi jiġu ttkkettati b'mod żbaljat jew jiġu kontaminati fil-proċess, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji u l-linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura għas-sustanzi attivi għal prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, inklużi sustanzi attivi maħsuba għall-esportazzjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“manifattura” tfisser kwalunkwe operazzjoni totali jew parzjali ta' riċeviment tal-materjali, produzzjoni, imballaġġ, imballaġġ mill-ġdid, tikkettar, tikkettar mill-ġdid, kontroll tal-kwalità jew rilaxx tas-sustanzi attivi, u l-kontrolli relatati; |
|
(2) |
“materjal tal-bidu ta' sustanza attiva” tfisser kwalunkwe sustanza li minnha tiġi mmanifatturata jew estratta sustanza attiva; |
|
(3) |
“sustanza intermedja ta' sustanza attiva” tfisser sustanza li tinkiseb matul il-produzzjoni ta' sustanza attiva u li tkun maħsuba għal aktar ipproċessar; |
|
(4) |
“materja prima” tfisser kwalunkwe sustanza, reaġent jew solvent li jkunu maħsubin għall-użu fil-produzzjoni ta' sustanza attiva u li s-sustanza attiva ma tiġix immanifatturata jew estratta direttament minnhom. |
Artikolu 3
Immaniġjar tal-kwalità
1. Il-manifatturi tas-sustanzi attivi (“il-manifattur”) għandhom jistabbilixxu, jiddokumentaw u jimplimentaw sistema effettiva għall-immaniġjar tal-kwalità ta' dawk is-sustanzi matul l-operazzjonijiet tal-manifattura li jwettqu (il-“proċess tal-manifattura”). Is-sistema għandha tipprovdi għall-parteċipazzjoni attiva tal-persunal amministrattiv u tal-manifattura.
Is-sistema għandha tassigura li s-sustanzi attivi jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-kwalità u l-purità tagħhom stabbiliti skont l-Artikolu 12(1).
Is-sistema għandha tinkludi ġestjoni tar-riskju tal-kwalità.
2. Il-manifattur għandu jaħtar unità tal-kwalità li tkun indipendenti mill-unità tal-produzzjoni u li għandha tkun responsabbli għall-assigurazzjoni tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità.
3. Il-manifattur għandu jwettaq verifiki interni regolari u segwitu fuq is-sejbiet.
Artikolu 4
Persunal
1. Il-manifattur għandu jassigura għadd xieraq ta' persunal li jkollhom il-kwalifiki neċessarji miksuba permezz ta' edukazzjoni, taħriġ jew esperjenza sabiex iwettqu u jissorveljaw il-manifattura tas-sustanzi attivi.
2. Il-persunal għandu jipprattika sanità u iġjene tajba fiż-żona tal-manifattura. Il-persunal ma għandux jaċċessa ż-żona tal-manifattura jekk:
|
(a) |
ikollu marda infettiva jew ikollu feriti miftuħa jew kundizzjonijiet dermatoloġiċi oħra fuq is-superfiċje esposta tal-ġisem li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv il-kwalità u l-purità tas-sustanza attiva; |
|
(b) |
ikun liebes ilbies li jidher maħmuġ, jew li ma jipproteġix is-sustanza attiva minn kontaminazzjoni potenzjali li tkun ġejja mill-persunal, jew li ma jipproteġix il-persunal minn esponiment għal sustanzi attivi li jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem; |
|
(c) |
meta jidħol fiż-żona tal-manifattura, ikun qiegħed iwettaq attivitajiet li jistgħu jikkontaminaw jew jikkompromettu mod ieħor il-kwalità tas-sustanza attiva. |
Artikolu 5
Bini u faċilitajiet
1. Il-bini u l-faċilitajiet użati fil-manifattura tas-sustanzi attivi għandhom ikunu pożizzjonati, imfassla u mibnija biex jaqdu l-operazzjonijiet maħsuba u sabiex jiffaċilitaw it-tindif u l-manutenzjoni filwaqt li jitqies it-tip u l-istadju tal-manifattura li għalihom jintużaw il-bini u l-faċilitajiet.
Il-faċilitajiet u l-fluss tal-materjal u l-persunal minn ġol-faċilitajiet għandhom ikunu mfassla b'mod li jassigura li s-sustanzi u l-materjali differenti jinżammu separati u ma jikkontaminawx lil xulxin.
2. Għandha ssir manutenzjoni u tiswija sewwa fuq il-bini u għandu jinżamm f'kundizzjoni nadifa.
3. Is-sustanzi attivi sensitizzanti ħafna għandhom jiġu prodotti f'żoni ta' produzzjoni separati.
Meta jwettaq operazzjonijiet tal-produzzjoni, il-manifattur għandu jivvaluta l-ħtieġa ta' żoni ta' produzzjoni separati għal sustanzi attivi oħra li jkollhom il-potenzjal li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem minħabba l-qawwa tagħhom jew in-natura infettiva jew tossika tagħhom. Din il-valutazzjoni għandha tevalwa r-riskju għas-saħħa tal-bniedem li jippreżentaw dawk is-sustanzi attivi billi jitqiesu l-qawwa, it-tossiċità, l-infettività u l-proċeduri ta' minimizzazzjoni tar-riskju li jkun hemm fis-seħħ. Il-valutazzjoni għandha tiġi dokumentata bil-miktub.
Fejn il-valutazzjoni turi riskju ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem, is-sustanza attiva għandha tiġi prodotta f'żoni ta' produzzjoni separati.
Artikolu 6
Tagħmir
1. It-tagħmir użat fil-manifattura tas-sustanzi attivi għandu jkun iddisinjat, ta' daqs u pożizzjonat b'mod xieraq għall-użu, it-tindif, il-manutenzjoni u, fejn ikun xieraq, għas-sanitizzazzjoni tiegħu.
It-tagħmir għandu jkun mibni u jitħaddem b'mod li l-uċuħ li jiġu f'kuntatt mal-materja prima, il-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva, is-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva jew is-sustanzi attivi ma jbiddlux il-kwalità tal-materja prima, il-materjal tal-bidu tas-sustanza attiva, is-sustanzi intermedji tas-sustanza attiva jew is-sustanzi attivi b'mod li ma jibqgħux jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 12(1).
2. Il-manifattur għandu jistabbilixxi proċeduri bil-miktub għat-tindif tat-tagħmir u l-verifika sussegwenti tal-idoneità tiegħu għall-użu fil-proċess tal-manifattura.
3. It-tagħmir ta' kontroll, użin, kejl, monitoraġġ u ttestjar li jkun essenzjali biex tiġi assigurata l-kwalità tas-sustanza attiva għandu jiġi kkalibrat skont proċeduri bil-miktub u skont skeda stabbilita.
Artikolu 7
Dokumentazzjoni u rekords
1. Il-manifattur għandu jistabbilixxi u jżomm sistema ta' dokumentazzjoni u proċeduri bil-miktub li jkopru l-proċess tal-manifattura.
Id-dokumenti kollha relatati mal-proċess tal-manifattura għandhom jiġu ppreparati, riveduti, approvati u mqassma skont proċeduri bil-miktub.
Il-manifattur għandu jżomm rekords tal-anqas tal-elementi li ġejjin b'rabta mal-proċess tal-manifattura:
|
(1) |
it-tindif u l-użu tat-tagħmir; |
|
(2) |
l-oriġini tal-materja prima, il-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva u s-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva; |
|
(3) |
il-kontrolli fir-rigward tal-materja prima, il-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva u s-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva; |
|
(4) |
l-użu tal-materja prima, il-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva u s-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva; |
|
(5) |
it-tikkettar tas-sustanzi attivi u tal-materjal tal-imballaġġ; |
|
(6) |
l-istruzzjonijiet dwar il-produzzjoni prinċipali; |
|
(7) |
il-produzzjoni u l-kontroll tal-lottijiet; |
|
(8) |
il-kontrolli fil-laboratorju. |
Il-ħruġ, ir-reviżjoni, is-sostituzzjoni u l-irtirar ta' dokumenti relatati mal-proċess tal-manifattura għandhom ikunu kkontrollati, u għandhom jinżammu rekords tar-reviżjoni, is-sostituzzjoni u l-irtirar tagħhom.
2. L-attivitajiet kollha relatati mal-kwalità li jitwettqu matul il-proċess tal-manifattura għandhom jiġu rreġistrati fil-ħin li jitwettqu. Kwalunkwe devjazzjoni mill-proċeduri bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 7(1) għandha tiġi dokumentata u spjegata. Id-devjazzjonijiet li jaffettwaw il-kwalità tas-sustanza attiva jew li jostakolaw lis-sustanza attiva milli tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) għandhom jiġu investigati, u l-investigazzjoni u l-konklużjonijiet tagħha għandhom jiġu dokumentati.
3. Wara li jwettaq l-operazzjonijiet ta' produzzjoni u kontroll, il-manifattur għandu jżomm ir-rekords kollha tal-produzzjoni u kontroll għal tal-anqas sena wara d-data ta' skadenza tal-lott. Għal sustanza attiva b'dati għall-ittestjar mill-ġdid, il-manifattur għandu jżomm rekords għal tal-anqas tliet snin wara li l-lott sħiħ ikun tqiegħed fis-suq.
Artikolu 8
Immaniġjar tal-materjali
1. Il-manifattur għandu jkollu fis-seħħ proċeduri bil-miktub sabiex jassigura l-kwalità tal-materjal li jidħol, li jkopru l-elementi li ġejjin:
|
(1) |
ir-riċeviment; |
|
(2) |
l-identifikazzjoni; |
|
(3) |
il-kwarantina; |
|
(4) |
il-ħażna; |
|
(5) |
l-immaniġġjar; |
|
(6) |
it-teħid tal-kampjuni; |
|
(7) |
l-ittestjar; |
|
(8) |
l-approvazzjoni; |
|
(9) |
iċ-ċaħda. |
2. Il-manifattur għandu jkollu fis-seħħ sistema sabiex jevalwa l-fornituri ta' materjal kritiku.
Artikolu 9
Produzzjoni u kontroll waqt il-proċess
1. L-operazzjonijiet tal-produzzjoni għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli sabiex jiġi mmonitorjat u aġġustat il-proċess tal-produzzjoni jew biex jiġi vverifikat li s-sustanza attiva tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kwalità u l-purità skont l-Artikolu 12(1). L-operazzjonijiet tal-produzzjoni li jkunu kritiċi sabiex jiġi assigurat li s-sustanza attiva tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) għandhom jitwettqu taħt is-superviżjoni viżwali ta' persunal kwalifikat jew ikunu soġġetti għal kontroll ekwivalenti.
2. L-użin u l-kejl tal-materja prima u tal-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva għandu jkun preċiż u għandu jitwettaq b'mod li ma jaffettwax l-idoneità għall-użu tagħhom.
3. L-operazzjonijiet tal-produzzjoni, inkluża kwalunkwe operazzjoni wara l-purifikazzjoni tas-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva jew tas-sustanza attiva, għandhom jitwettqu b'mod li l-materja prima, il-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva, is-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva u s-sustanzi attivi ma jkunux jistgħu jiġu kkontaminati minn materjali oħra.
Artikolu 10
Imballaġġ u tikkettar
1. Il-kontenituri għandhom jipprovdu protezzjoni adegwata kontra d-deterjorament jew il-kontaminazzjoni tas-sustanza attiva mill-mument li tiġi ppakkjata s-sustanza attiva sal-mument li tintuża fil-manifattura ta' prodotti mediċinali.
2. Il-ħażna, l-istampar u l-użu tat-tikketti fuq l-imballaġġ tas-sustanzi attivi għandhom ikunu kkontrollati. It-tikketti għandhom jinkludu l-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi assigurata l-kwalità tas-sustanza attiva.
Artikolu 11
Tqegħid fis-suq
Sustanza attiva għandha titqiegħed fis-suq biss wara li tkun ġiet rilaxxata għall-bejgħ mill-unità responsabbli mill-kwalità.
Artikolu 12
Kontrolli fil-laboratorju
1. Il-manifattur għandu jistabbilixxi speċifikazzjonijiet għall-kwalità u l-purità tas-sustanzi attivi li jimmanifattura u għall-materja prima, il-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva u s-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva użati f'dak il-proċess.
2. Għandhom jitwettqu testijiet fil-laboratorju sabiex tiġi verifikata l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija f'paragrafu 1.
Il-manifattur għandu joħroġ ċertifikati tal-analiżi għal kull lott ta' sustanza attiva fuq talba ta':
|
(a) |
l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru; |
|
(b) |
manifatturi ta' sustanzi attivi forniti direttament jew indirettament mas-sustanza attiva għall-iskop ta' aktar ipproċessar, imballaġġ, imballaġġ mill-ġdid, tikkettar jew tikkettar mill-ġdid tas-sustanza attiva; |
|
(c) |
distributuri u sensara ta' sustanzi attivi; |
|
(d) |
manifatturi ta' prodotti mediċinali forniti direttament jew indirettament mas-sustanza attiva. |
3. Il-manifattur għandu jimmonitorja l-istabbiltà tas-sustanza attiva permezz ta' studji dwar l-istabbilità. Id-dati għall-iskadenza jew l-ittestjar mill-ġdid tas-sustanzi attivi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta' evalwazzjoni tad-dejta miksuba mill-istudji dwar l-istabbiltà. Kampjuni tas-sustanza attiva identifikati b'mod xieraq għandhom jinżammu skont pjan għat-teħid tal-kampjuni li jiġi stabbilit fuq il-bażi taż-żmien kemm iddum tajba s-sustanza attiva.
Artikolu 13
Validazzjoni
Il-manifattur għandu jistabbilixxi u jimplimenta politika ta' validazzjoni għal dawk il-proċessi u l-proċeduri li jkunu kritiċi sabiex jiġi assigurat li s-sustanza attiva tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-kwalità u l-purità stabbiliti skont l-Artikolu 12(1).
Artikolu 14
Kontroll tal-bidliet
1. Il-manifattur għandu jevalwa l-impatt potenzjali fuq il-kwalità tas-sustanza attiva, ta' kwalunkwe bidla fil-proċess tal-manifattura li tista' taffettwa l-produzzjoni u l-kontroll tas-sustanza attiva, qabel ma jimplimenta dawk il-bidliet.
2. Ma għandhomx jiġu implimentati bidliet fil-proċess tal-manifattura li jaffettwaw b'mod negattiv il-kwalità tas-sustanza attiva.
3. Il-manifattur ta' sustanza attiva għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-manifatturi tal-prodotti mediċinali li lilhom huwa jipprovdi s-sustanza attiva, dwar kwalunkwe tibdil fil-proċess tal-manifattura li jista' jaffettwa l-kwalità tas-sustanza attiva.
Artikolu 15
Rifjut u ritorn
1. Il-lottijiet ta' sustanzi attivi u sustanzi intermedji ta' sustanzi attivi li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 12(1) għandhom jiġu rifjutati, tikkettati bħala tali u jitpoġġew fi kwarantina.
2. Il-manifattur li jerġa' jipproċessa jew jerġa' jaħdem lottijiet rifjutati ta' sustanza attiva li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet, jew jirkupra materja prima u solventi għall-użu mill-ġdid fil-proċess tal-manifattura, għandu jsegwi l-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 7(1) u għandu jwettaq kontrolli xierqa biex jassigura li:
|
(a) |
is-sustanza attiva pproċessata mill-ġdid jew maħduma mill-ġdid tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 12(1); |
|
(b) |
il-materja prima u s-solventi rkuprati jkunu adatti għall-użu maħsub tagħhom fil-proċess tal-manifattura. |
3. Is-sustanzi attivi ritornati għandhom jiġu identifikati bħala tali u jitpoġġew fi kwarantina.
Artikolu 16
Ilmenti u sejħiet lura
1. Il-manifattur għandu jirreġistra u jinvestiga l-ilmenti kollha relatati mal-kwalità.
2. Il-manifattur għandu jistabbilixxi proċeduri għas-sejħa lura ta' sustanzi attivi mis-suq.
3. F'każ li s-sustanza attiva msejħa lura toħloq riskju serju għas-saħħa pubblika, il-manifattur għandu jinforma mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti.
Artikolu 17
Manifattura b'kuntratt
1. Operazzjoni tal-manifattura jew operazzjoni marbuta magħha li trid titwettaq f'isem il-manifattur tas-sustanza attiva minn parti oħra (“il-manifattur b'kuntratt”) għandha tkun is-suġġett ta' kuntratt bil-miktub.
Il-kuntratt għandu jiddefinixxi b'mod ċar ir-responsabbiltajiet tal-manifattur b'kuntratt fir-rigward tal-prassi tajba ta' manifattura.
2. Il-manifattur tas-sustanza attiva għandu jikkontrolla li l-operazzjonijiet imwettqa minn manifattur b'kuntratt jikkonformaw mal-prassi tajba ta' manifattura.
3. Operazzjoni tal-manifattura jew operazzjoni marbuta magħha li tkun ġiet iddelegata lil manifattur b'kuntratt ma għandhiex tiġi subkuntrattata lil parti terza mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-manifattur tas-sustanza attiva.
Artikolu 18
Imballaġġ mill-ġdid
Fejn is-sustanza attiva tiġi ppakkjata mill-ġdid minn manifattur f'kontenitur li jvarja mill-kontenitur oriġinali fir-rigward tal-volum tiegħu, jew il-materjal li jkun magħmul minnu, jew l-opaċità tiegħu għad-dawl, huwa għandu jwettaq studji tal-istabbiltà fuq is-sustanza attiva u jassenja data ta' skadenza jew tal-ittestjar mill-ġdid għaliha fuq il-bażi ta' dawk l-istudji.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-25 ta' Mejju 2015.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Mejju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO