Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32014R1144
Regulation (EU) No 1144/2014 of the European Parliament and of the Council of 22 October 2014 on information provision and promotion measures concerning agricultural products implemented in the internal market and in third countries and repealing Council Regulation (EC) No 3/2008
Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008
Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008
ĠU L 317, 4.11.2014, p. 56–70
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Fis-seħħ
4.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 317/56 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1144/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-22 ta’ Ottubru 2014
dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),
Billi:
(1) |
Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (4), l-Unjoni tista’ timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni fis-suq intern u f’pajjiżi terzi għall-prodotti agrikoli u l-metodu tal-produzzjoni tagħhom, kif ukoll għal ċerti prodotti alimentari bbażati fuq prodotti agrikoli. |
(2) |
Meta wieħed iqis l-esperjenza miksuba, u l-iżviluppi fis-settur agrikolu u fis-swieq interni u dawk esterni tal-Unjoni, hemm lok għar-rieżami tal-iskema stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 3/2008 biex dan ikun aktar effikaċi u koerenti. Huwa xieraq għalhekk li jitħassar ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 u li jinbidel b’wieħed ġdid. |
(3) |
L-objettiv ta’ tali azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni huwa li tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur agrikolu tal-Unjoni, biex b’hekk ikun hawn ekwità akbar kemm fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi. B’mod aktar speċifiku, l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom jimmiraw sabiex tiżdied il-kuxjenza tal-konsumaturi dwar il-merti tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u l-metodi ta’ produzzjoni u biex jiżdiedu l-kuxjenza u r-rikonoxximent ta’ skemi ta’ kwalità tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandhom iżidu l-kompetittività u l-konsum ta’ prodotti agrikoli tal-Unjoni, jgħollu l-profil tagħhom kemm ġewwa u barra l-Unjoni u jżidu s-sehem mis-suq ta’ dawk il-prodotti, b’attenzjoni speċjali għal dawk is-swieq f’pajjiżi terzi li għandhom l-ogħla potenzjal għat-tkabbir. Fil-każ ta’ tfixkil serju tas-suq, telf ta’ fiduċja tal-konsumatur jew problemi aktar speċifiċi, dawk l-azzjonijiet għandhom jgħinu biex il-kundizzjonijiet normali tas-suq jerġgħu li kienu. Tali azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom, b’mod utli, jikkomplementaw u jsaħħu l-azzjonijiet implimentati mill-Istati Membri. Sabiex jilħqu l-objettivi tagħhom, l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom ikomplu jiġu implimentati ġewwa u barra l-Unjoni. |
(4) |
Il-miżuri għandhom ukoll jimmiraw għat-tisħih tal-awtentiċità tal-prodotti tal-Unjoni sabiex jitjieb l-għarfien tal-konsumaturi dwar il-kwalitajiet ta’ prodotti ġenwini meta mqabbla ma’ imitazzjonijiet u prodotti foloz; dan se jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-għarfien fl-Unjoni kif ukoll fil-pajjiżi terzi dwar is-simboli, l-indikazzjonijiet u l-abbrevjazzjonijiet li jixhdu l-parteċipazzjoni fl-iskemi Ewropej tal-kwalità stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
(5) |
Wieħed mill-aspetti qawwijin tal-produzzjoni tal-ikel tal-Unjoni jinsab fid-diversità tal-prodotti tagħha u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, li huma marbuta ma’ żoni ġeografiċi differenti u metodi tradizzjonali differenti u li jipprovdu togħmiet uniċi filwaqt li joffru l-varjetà u l-awtentiċità li l-konsumaturi qed ifittxu dejjem aktar, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. |
(6) |
Minbarra informazzjoni dwar il-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodotti agrikoli u alimentari tal-Unjoni, l-azzjonijiet eliġibbli jistgħu jikkomunikaw messaġġi favorevoli għall-konsumatur, u jiffukaw inter alia, fuq in-nutrizzjoni, it-togħma, it-tradizzjoni u l-kultura. |
(7) |
L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni ma għandhomx ikunu orjentati skont marki kummerċjali jew skont l-oriġini. Madankollu, sabiex titjieb il-kwalità u l-effikaċja tad-dimostrazzjonijiet, l-attivitajiet ta’ tidwiq u materjal ta’ informazzjoni u promozzjoni, għandu jkun possibbli li jissemmew il-marki kummerċjali u l-oriġini tal-prodott, sakemm jibqa’ jiġi rispettat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u li l-miżuri ma jkunux immirati lejn l-inkoraġġiment favur il-konsum ta’ prodott fuq il-bażi unika tal-oriġini tiegħu. Barra minn hekk, tali miżuri għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u ma għandhomx iwasslu għal restrizzjoni fil-moviment ħieles ta’ prodotti agrikoli u alimentari bi ksur tal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Għandhom jiġu stipulati regoli speċifiċi dwar il-viżibilità ta’ marki kummerċjali u ta’ oriġini fir-rigward tal-messaġġ ewlieni ta’ kampanja tal-Unjoni. |
(8) |
L-Unjoni tesporta prinċipalment prodotti agrikoli finali, inklużi prodotti agrikoli mhux elenkati fl-Anness I tat-TFUE. Għalhekk il-forniment ta’ informazzjoni u l-miżuri ta’ promozzjoni għandhom jinfetħu biex jinkludu ċerti prodotti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tat-TFUE. Dan ikun konsistenti ma’ skemi oħra tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) bħall-iskemi Ewropej tal-kwalità, li diġà huma miftuħa għal dawn il-prodotti. |
(9) |
L-informazzjoni u l-promozzjoni tal-inbejjed tal-Unjoni hija waħda mill-miżuri ewlenin tal-programmi ta’ għajnuna fis-settur tal-inbid.Fir-rigward tal-inbid, huwa biss l-inbid b’denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta, kif ukoll l-inbid li fuqu hemm indikata l-varjetà tal-għenba tal-produzzjoni tal-inbid li għandhom ikunu s-suġġett tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni. Fil-każ ta’ programmi sempliċi, il-programm inkwistjoni għandu jkopri wkoll ma’ prodott agrikolu jew alimentari ieħor. B’mod simili, ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jipprevedi l-promozzjoni ta’ prodotti tas-sajd u l-akkwakultura. Konsegwentement, l-eliġibbiltà ta’ prodotti tas-sajd u l-akkwakultura elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), għall-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni previsti skont din l-iskema għandha tkun limitata esklussivament għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura li huma assoċjati ma’ prodott agrikolu jew prodott tal-ikel ieħor. |
(10) |
Prodotti koperti mill-iskemi ta’ kwalità tal-Unjoni u minn skemi rikonoxxuti mill-Istati Membri għandhom ikunu eliġibbli għall-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni peress tali skemi jipprovdu lill-konsumaturi bil-garanzija dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott jew il-proċess ta’ produzzjoni użat, jiksbu valur miżjud għall-prodotti kkonċernati u jsaħħu l-opportunitajiet tas-suq tagħhom. Bl-istess mod, il-metodu ta’ produzzjoni organika, kif ukoll is-simbolu grafiku għal prodotti agrikoli ta’ kwalità speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi għandhom ikunu eliġibbli għall-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni. |
(11) |
Għall-perjodu 2001-2011, 30 % biss tal-baġit allokat għall-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni intefaq fuq misuri għall-pajjiżi terzi, meta dawk is-swieq joffru potenzjal kbir għat-tkabbir. Għalhekk huma meħtieġa arranġamenti sabiex jinkoraġġixxu għadd akbar ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni favur il-prodotti agrikoli tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi, b’mod partikolari bl-għoti ta’ aktar appoġġ finanzjarju. |
(12) |
Biex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni implimentati, huma għandhom jiġu żviluppati fil-kuntest ta’ programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni. Programmi bħal dawn s’issa ġew sottomessi minnorganizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali. Sabiex jiżdied in-numru tal-azzjonijiet proposti u biex titjieb il-kwalità, il-firxa ta’ benefiċjarji għandha titwessa’ biex tinkludi organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, gruppi u korpi tas-settur agroalimentari li l-objettiv u l-attività tagħhom huma li jipprovdu informazzjoni dwar il-prodotti agrikoli u jippromwovuhom. |
(13) |
L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni kkofinanzjati mill-Unjoni għandhom jiddimostraw dimensjoni speċifika tal-Unjoni. Għal dan il-għan, u sabiex ikun evitat sparpaljar ta’ riżorsi u sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-Ewropa permezz ta’ dawn l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli u ċerti prodotti tal-ikel, jeħtieġ li jiġi stabbilit programm ta’ ħidma li jiddefinixxi l-prijoritajiet strateġiċi għal dawn l-azzjonijiet f’termini ta’ popolazzjonijiet, ta’ prodotti, ta’ skemi jew ta’ swieq fil-mira kif ukoll il-karatteristiċi tal-messaġġi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni li għandhom jingħataw. Il-programm għandu jiġi żviluppat fuq il-bażi tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti skont dan ir-Regolament, u għandu jikkunsidra l-possibilitajiet offruti mis-swieq u l-ħtieġa li l-azzjonijiet implimentati mill-Istati Membri u l-operaturi jiġu kkomplementati u msaħħin, kemm fis-suq intern u f’pajjiżi terzi, sabiex jiġi żgurat li dik il-politika ta’ promozzjoni u informazzjoni tkun koeżiva. Għal dan il-għan, meta tfassal dak il-programm, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Istati Membri u ma’ partijiet interessati rilevanti. |
(14) |
Il-programm ta’ ħidma għandu jipprovdi, inter alia, arranġamenti speċifiċi sabiex issir reazzjoni fl-eventwalità ta’ tfixkil serju tas-suq jew telf ta’ fiduċja tal-konsumatur, jew problemi speċifiċi oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tqis b’mod partikolari l-pożizzjoni predominanti tal-intrapriżi żgħar u medji fis-settur agroalimentari, settur li jibbenefika mill-miżuri eċċezzjonali previsti fl-Artikoli 219, 220 u 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u, għall-miżuri immirati lejn pajjiżi terzi, tal-ftehimiet tal-kummerċ ħieles li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali tal-Unjoni. Meta tfassal dak il-programm, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll l-iżvantaġġi ta’ żoni muntanjużi, il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni. |
(15) |
Sabiex jiġi żgurat li azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni jiġu implimentati b’mod effettiv, dawn għandhom jiġu fdati lil korpi ta’ implimentazzjoni magħżula permezz ta’ proċedura kompetittiva. Madankollu, f’każijiet debitament ġustifikati, organizzazzjonijiet proponenti għandu jkollhom il-possibilità li jimplimentaw direttament ċerti partijiet mill-programm tagħhom. |
(16) |
Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ timplimenta l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni fuq inizjattiva tagħha stess, inklużi missjonijiet ta’ livell għoli, partikolarment bil-ħsieb li dan jikkontribwixxi għall-ftuħ ta’ swieq ġodda. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tmexxi l-kampanji tagħha stess biex tipprovdi rispons fil-pront u effettiv fl-eventwalità ta’ tfixkil serju tas-suq jew telf ta’ fiduċja tal-konsumatur. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-inizjattivi tagħha stess li jippjanaw li jimplimentaw tali kampanji. Approprjazzjonijiet allokati lil programmi sempliċi jew multipli ta’ informazzjoni u promozzjoni ma għandhomx jitnaqqsu fl-eventwalità ta’ azzjoni meħuda mill-Kummissjoni taħt dawk iċ-ċirkostanzi. |
(17) |
Lil hinn mil-limiti tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni, jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa u tikkoordina servizzi ta’ appoġġ tekniku fil-livell tal-Unjoni bil-għan li tgħin lill-operaturi jieħdu sehem fi programmi kofinanzjati, biex iwettqu kampanji effiċjenti jew biex jiżviluppaw l-attivitajiet tal-esportazzjoni tagħhom. Dawk is-servizzi għandhom b’ mod partikolari jinkludu l-forniment ta’ linji gwida biex benefiċjarji potenzjali jikkonformaw mar-regoli u l-proċeduri relatati ma’ din il-politika. |
(18) |
L-isforzi ta’ promozzjoni tal-prodotti tal-Unjoni fis-swieq tal-pajjiżi terzi kultant jiġu preġudikati mill-kompetizzjoni li jiffaċċjaw ta’ imitazzjonijiet u prodotti foloz. Is-servizzi ta’ appoġġ tekniku żviluppati mill-Kummissjoni jinkludu pariri għas-settur fir-rigward tal-protezzjoni ta’ prodotti tal-Unjoni minn prattiki ta’ imitazzjoni u ta’ falsifikazzjoni. |
(19) |
Is-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju tal-PAK hija prijorità importanti għall-Unjoni. Tali approċċ għandu jiġi applikat ukoll għal dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-prinċipji ta’ tmexxija amministrattiva tal-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni għandhom jiġu riveduti bil-għan li jiġu semplifikati u li jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li japplikaw il-preżentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-għażla ta’ proposti għal programmi. Il-Kummissjoni, madankollu, għandha tiżgura li l-Istati Membri jirċievu informazzjoni fil-ħin dwar il-programmi kollha proposti u magħżula. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi b’mod partikolari n-numru ta’ proposti rċevuti, l-Istati Membri u s-setturi kkonċernati, u l-eżitu tal-valutazzjoni ta’ dawk il-proposti. |
(20) |
Il-kooperazzjoni bejn atturi ekonomiċi ta’ Stati Membri differenti tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-valur miżjud tal-Unjoni u għall-viżibbiltà akbar tad-diversità tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni. Minkejja l-prijorità mogħtija lil programmi li ġew żviluppati b’mod konġunt bejn l-organizzazzjonijiet proponenti fi Stati Membri differenti, fil-perjodu 2001-2011 tali programmi kienu responsabbli biss għal 16 % tal-baġit allokat għal azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni. Konsegwentement, arranġamenti ġodda għandhom jiġu introdotti, partikolarment fir-rigward tal-ġestjoni ta’ programmi multipli, sabiex jingħelbu l-ostakli eżistenti għall-implimentazzjoni tagħhom. |
(21) |
Jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-kriterji tal-finanzjament ta’ azzjonijiet. Bħala regola ġenerali, sabiex jiġi żgurat li organizzazzjonijiet proponenti interessati jieħdu f’idejhom is-sehem tagħhom ta’ responsabbiltà, l-Unjoni għandha tkopri biss parti mill-ispejjeż tal-programmi. Madankollu, ċerti spejjeż amministrattivi u tal-persunal, li mhumiex marbuta mal-implimentazzjoni tal-PAK, jiffurmaw parti integrali ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni u għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni. |
(22) |
Kull miżura għandha tkun suġġetta għal monitoraġġ u evalwazzjoni sabiex tittejjeb il-kwalità tagħha u tingħata prova tal-kisbiet tagħha. F’dan il-kuntest għandha tiġi ddeterminata lista ta’ indikaturi, u l-impatt tal-politika tal-promozzjoni għandu jiġi vvalutat mill-Kummissjoni b’rabta mal-objettivi strateġiċi tagħha. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni għal din il-politika li jkun konsistenti mal-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni komuni tal-PAK. |
(23) |
Sabiex ikunu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Dan l-għoti ta’ setgħa għandu jkopri, b’suppliment għal-lista fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, il-kriterja biex tkun iddeterminata l-eliġibilità tal-organizzazzjonijiet proponenti, il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura kompetittiva għall-għażla ta’ korpi implimentattivi, il-kundizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw l-eliġibbiltà fir-rigward ta’ programmi sempliċi, tal-ispejjeż ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni, tal-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal u d-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mir-Regolament (KE) Nru 3/2008 għal dan ir-Regolament. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet adatti waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u adatta ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(24) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ regoli dettaljati dwar il-viżibbiltà ta’ marki kummerċjali waqt dimostrazzjonijiet ta’ prodotti jew attivitajiet ta’ tidwiq u fuq materjal ta’ informazzjoni u promozzjoni u dwar il-viżibbiltà tal-oriġini ta’ prodotti fuq materjal ta’ informazzjoni u promozzjoni; il-programmi ta’ ħidma annwali; l-għażla ta’ programmi sempliċi; regoli dettaljati li bihom organizzazzjoni proponenti tista’ tkun awtorizzata timplementa ċerti partijiet ta’ programm sempliċi hija nnifisha; l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll ta’ programmi sempliċi; ir-regoli li jikkonċernaw il-konklużjoni ta’ kuntratti għall-implimentazzjoni ta’ programmi sempliċi magħżula skont dan ir-Regolament; u l-qafas komuni għall-valutazzjoni tal-impatt tal-programmi kif ukoll sistema ta’ indikaturi. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). |
(25) |
Minħabba r-rabtiet li jeżistu bejn il-politika ta’ promozzjoni u l-istrumenti l-oħra tal-PAK, u meta titqies il-garanzija pluriennali tal-finanzjament mill-Unjoni u l-konċentrazzjoni tagħha fuq prijoritajiet definiti b’mod ċar, l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni,l-Unjoni tista’ għalhekk tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistipula l-kundizzjonijiet li taħthom l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli u ċerti prodotti alimentari bbażati fuq prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern jew f’pajjiżi terzi (“azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni’), jistgħu jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, kollha kemm huma jew parzjalment.
Artikolu 2
Objettivi ġenerali u speċifiċi tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni
1. L-objettiv ġenerali tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni huwa li tissaħħaħ il-kompetittività tas-setttur agrikolu tal-Unjoni.
2. L-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni huma:
(a) |
żieda fil-kuxjenza dwar il-merti tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u l-istandards għoljin applikabbli għall-metodi ta’ produzzjoni fl-Unjoni; |
(b) |
żieda fil-kompetittività u l-konsum ta’ prodotti agrikoli tal-Unjoni u ċerti prodotti agrikoli u sabiex jogħla l-profil tagħhom kemm ġewwa u barra l-Unjoni; |
(c) |
żieda fil-kuxjenza u r-rikonoxximent ta’ skemi ta’ kwalità tal-Unjoni; |
(d) |
żieda tas-sehem tas-suq tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u ċerti prodotti tal-ikel, b’attenzjoni speċifika għal dawk is-swieq f’pajjiżi terzi li għandhom l-ogħla potenzjal ta’ tkabbir; |
(e) |
l-istabbiliment mill-ġdid tal-kundizzjonijiet normali tas-suq f’każ ta’ taqlib serju fis-suq, telf tal-fiduċja tal-konsumatur jew problemi speċifiċi oħra. |
Artikolu 3
Deskrizzjoni tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni
L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom jimmiraw sabiex:
(a) |
jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi tal-produzzjoni agrikola fl-Unjoni, partikolarment f’termini ta’ sikurezza tal-ikel, tat-traċċjabilità, tal-awtentiċità, tat-tikkettjar, tal-aspetti nutrittivi u tas-saħħa, tal-benesseri tal-annimali, tar-rispett għall-ambjent u s-sostenibilità, u l-karatteristiċi tal-prodotti agrikoli u alimentari, b’mod partikolari f’termini ta’ kwalità, togħma, diversità jew tradizzjonijiet tagħhom; |
(b) |
sensibilizzazzjoni dwar l-awtentiċità ta’ denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini Ewropea, indikazzjoni ġeografika protetta u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti. |
Dawn il-miżuri għandhom jikkonsistu b’ mod partikolari f’ħidma ta’ relazzjonijiet pubbliċi u kampanji ta’ informazzjoni u jistgħu jieħdu l-forma wkoll ta’ parteċipazzjoni f’avvenimenti, fieri u eżibizzjonijiet ta’ importanza nazzjonali, Ewropea u internazzjonali.
Artikolu 4
Karatteristiċi tal-azzjonijiet
1. L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni mhumiex orjentati skont marki kummerċjali. Madankollu, għandu jkun possibli għall-marki kummerċjali tal-prodotti li jkunu viżibbli matul dimostrazzjonijiet jew avvenimenti ta’ tidwiq tal-prodotti u fuq l-informazzjoni u l-materjal promozzjonali, sakemm il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jkun rispettat u n-natura ġenerali mhux orjentata lejn il-marka kummerċjali tal-miżuri, ma tinbidilx. Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għandu japplika u jiżgura trattament u aċċess ugwali għall-marki kummerċjali kollha tal-organizzazzjonijiet proponenti u trattament ugwali għall-Istati Membri. Kull marka kummerċjali għandha tkun ugwalment viżibbli u l-preżentazzjoni grafika tagħha għandha tuża format iżgħar mill-messaġġ prinċipali tal-kampanja tal-Unjoni. Bosta marki kummerċjali għandhom jiġu esposti, minbarra f’ċirkostanzi debitament ġustifikati li jappartjenu għas-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri.
2. L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni ma għandhomx ikunu orjentati lejn l-oriġini. Tali azzjonijiet ma għandhomx ikollhom l-għan li jinkoraġġixxul-konsum ta’ prodott abbażi biss tal-oriġini tiegħu. Madankollu, l-oriġini ta’ prodotti tista’ tkun viżibbli fuq informazzjoni u materjal promozzjonali, suġġett għar-regoli li ġejjin:
(a) |
fis-suq intern, il-preżenza ta’ indikazzjoni tal-oriġini dejjem għandha tkun sekondarja f’relazzjoni mal-messaġġ ewlieni tal-kampanja tal-Unjoni. |
(b) |
fil-pajjiżi terzi, il-preżenza ta’ indikazzjoni tal-oriġini tista’ tkun fl-istess livell bħall-messaġġ ewlieni tal-kampanja tal-Unjoni. |
(c) |
għal prodotti rikonoxxuti taħt l-iskemi ta’ kwalità msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 5(4), l-oriġini reġistrata fid-denominazzjoni tista’ tissemma mingħajr ebda restrizzjoni. |
3. Il-Kummissjoni għandha taddotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dettaljati dwar:
(a) |
il-viżibbiltà ta’ marki kummerċjali waqt dimostrazzjonijiet jew avvenimenti ta’ tidwiq u fuq materjal ta’ informazzjoni u promozzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, kif ukoll kundizzjonijiet uniformi li bihom marka kummerċjali unika tista’ tintwera; u, |
(b) |
il-viżibbiltà tal-oriġini ta’ prodotti fuq materjal ta’ informazzjoni u promozzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2. |
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).
Artikolu 5
Prodotti u skemi eliġibbli
1. Il-prodotti li ġejjin jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni jistgħu jkopru l-prodotti li ġejjin:
(a) |
il-prodotti elenkati fl-Anness I tat-TFUE, eskluż it-tabakk; |
(b) |
il-prodotti elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament; |
(c) |
xorb spirituż (spirti tax-xorb) b’indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). |
2. Il-Kummmissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 22, sabiex tieħu kont tal-iżviluppi fis-suq, billi tissupplimenta l-lista fl-Anness I ta’ dan ir-Regulation tiġi supplementata biż-żieda ta’ prodotti tal-ikel f’dik il-lista.
3. Minkejja l-paragrafu 1,
(a) |
l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni jistgħu jkopru biss l-inbid b’denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta, kif ukoll l-inbid li fuqu hemm indikata l-varjetà tal-għenba tal-produzzjoni tal-inbid; fil-każ ta’ programmi sempliċi msemmija fl-Artikolu 6(3), il-programm inkwistjoni għandu jkopri wkoll prodotti oħra msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1; |
(b) |
fir-rigward tal-ispirti tax-xorb kif imsemmi fil- punt (c) tal-paragrafu 1, l-inbid kif imsemmi fil- punt (a) ta’ dan il-paragrafu u l-birra, l-azzjonijiet li jimmiraw lejn is-suq intern għandom ikunu limitati biex jgħarrfu lill-konsumaturi dwar l-iskemi stabbiliti fil-paragrafu 4 u l-konsum responsabbli ta’ dan ix-xorb. |
(c) |
il-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura elenkati fl-Anness I tar-Regulation (UE) Nru 1379/2013 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni biss jekk prodotti oħra kif imsemmi fil-paragrafu 1 ikunu koperti wkoll mill-programm inkwistjoni. |
4. L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni jistgħu jkopru l-iskemi li ġejjin:
(a) |
l-iskemi tal-kwalità stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 u l-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013; |
(b) |
il-metodu ta’ produzzjoni organika kif definit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (11); |
(c) |
is-simbolu grafiku tal-prodotti agrikoli ta’ kwalità li huma speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi kif msemmi fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12); |
(d) |
l-iskemi ta’ kwalità msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). |
KAPITOLU II
IMPLIMENTAZZJONI TAL-AZZJONIJIET TA’ INFORMAZZJONI U TA’ PROMOZZJONI
TAQSIMA 1
Dispożizzjonijiet komuni
Artikolu 6
Tipi ta’ azzjonijiet
1. L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom jieħdu l-forma ta’:
(a) |
programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni (“programmi”) u |
(b) |
il-miżuri fuq l-inizjattivi tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 9. |
2. Il-programmi għandhom jikkonsistu f’sett koerenti ta’ operazzjonijiet u għandhom jiġu implimentati tul perjodu ta’ mill-inqas sena iżda mhux iktar minn tliet snin.
3. Programmi sempliċi, li aktar dettalji madwarhom huma previsti fit-Taqsima 2 ta’ din il-Kapitolu, jistgħu jiġu mressqa minn organizzazzjoni proponenti waħda jew aktar, kif imsemmi fil-punti (a), (c) jew (d) tal-Artikolu 7(1), li għandhom ikunu kollha minn Stat Membru wieħed.
4. Programmi multipli, li aktar dettalji dwarhom huma previsti fit-Taqsima 3 ta’ din il-Kapitolu, jistgħu jiġu sottomessi minn:
(a) |
tal-anqas żewġ organizzazzjonijiet proponenti imsemmija fil-punti (a), (c) jew (d) tal-Artikolu 7(1) li kollha għandhom ikunu minn tal-anqas żewġ Stati Membri; jew |
(b) |
organizzazzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 7(1). |
Artikolu 7
L-entitajiet proponenti
1. Programm jista’ jiġi propost minn:
(a) |
organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali stabbiliti fi Stat Membru u rappreżentanti tas-settur jew setturi kkonċernat(i) f’dak l-Istat Membru, u b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet interprofessjonali msemmija fl-Artikolu 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-gruppi kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, sakemm ikunu rappreżentattivi għall-isem protett skont ir-Regolament tal-aħħar u li huwa kopert b’dak il- -programm; |
(b) |
organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali tal-Unjoni rappreżentattivi tas-settur jew setturi kkonċernat(i) fil-livell tal-Unjoni; |
(c) |
organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, kif definiti fl-Artikoli 152 u 156 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ġew rikonoxxuti minn Stat Membru. |
(d) |
korpi tas-settur agroalimentari li l-objettiv u l-attività tagħhom huma li jipprovdu informazzjoni dwar, u li jippromwovu prodotti agrikoli u li jkunu ġew inkarigati, mill-Istat Membru kkonċernat, b’missjoni ta’ servizz pubbliku f’dan il-qasam iddefinit b’mod ċar; dawk il-korpi għandhom ikunu ġew stabbiliti legalment fl-Istat Membru inkwistjoni tal-inqas sentejn qabel id-data tas-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(2). |
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikoli 22, li jistipulaw kundizzjonijiet speċifiċi li bihom kull organizzazzjoni, grupp u korpi proponenti msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jressaq programm. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom, b’mod partikolari, jiggarantixxu li dawk l-organizzazzjonijiet, gruppi u korpi huma rappreżentattivi u li l-programm ikun fuq skala sinifikanti.
Artikolu 8
Programm ta’ ħidma annwali
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jistipulawgħal kull sena, programm ta’ ħidma annwali li jistabbilixxi l-għanijiet operazzjonali li għandhom jiġu segwiti, il-prijoritajiet operazzjonali, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta’ implimentazzjoni u l-ammont totali tal-pjan ta’ finanzjament. Dak il-programm ta’ ħidma annwali, u b’mod partikolari, il-prijoritajiet operazzjonali tiegħu, għandhom jirrispettaw l-għanijiet speċifiċi spjegati fl-Artikolu 2. B’mod partikolari, il-programm għandu jipprovdi għal arranġamenti temporanji speċifiċi għal reazzjoni għal tfixkil serju fis-suq, telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi jew problemi speċifiċi oħra kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 2(2). Dan għandu jinkludi wkoll il-kriterji prinċipali għall-evalwazzjoni, deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammonti allokati għal kull tip ta’ azzjoni, skeda indikattiva tal-implimentazzjoni u, fil-każ tal-għotjiet, ir-rata massima ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni msemmi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).
2. Il-programm ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi implimentat, għal programmi sempliċi u għal dawk multipli, permezz tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ sejħiet għal proposti skont it-Titolu VI tal-Parti I tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).
Artikolu 9
Azzjonijiet bl-inizjattiva tal-Kummissjoni
1. Il-Kummissjoni tista’ timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni kif deskritti fl-Artikolu 3, inklużi kampanji fil-każ ta’ tfixkil serju tas-suq, telf tal-fiduċja tal-konsumaturi jew problemi speċifiċi oħra msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 2(2). Dawn l-azzjonijiet jistgħu b’mod partikolari jieħdu l-forma ta’ missjonijiet ta’ livell għoli, parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali u f’esponimenti ta’ importanza internazzjonali, bil-ħolqien ta’ stands jew operazzjonijiet maħsuba biex jippromwovu r-reputazzjoni tal-prodotti tal-Unjoni.
2. Il-Kummissjoni tiżviluppa s-servizzi ta’ appoġġ tekniku, b’mod partikolari bil-ħsieb li:
(a) |
tinkoraġġixxi s-sensibiliżżazzjoni dwar swieq differenti, inkluż permezz ta’ laqgħat ta’ ħidma esploratorji; |
(b) |
żżomm netwerk professjonali dinamiku madwar politika ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni, inkluż l-għoti ta’ parir lis-settur dwar it-theddida tal-prodotti ta’ imitazzjoni u foloz f’pajjiżi terzi; u |
(c) |
ttejjeb l-għarfien dwar regoli tal-Unjoni li jikkonċernaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni. |
Artikolu 10
Projbizzjoni ta’ finanzjament doppju
L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni finanzjati skont dan ir-Regolament m’għandhom jirċievu l-ebda finanzjament ieħor taħt il-baġit tal-Unjoni.
TAQSIMA 2
Implimentazzjoni u ġestjoni ta’ programmi sempliċi
Artikolu 11
Għażla ta’ programmi sempliċi
1. Il-Kummissjoni għandha tevalwa u tagħżel proposti għal programmi sempliċi li tirċievi b’ risposta għal-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(2). Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22 li jistipula l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-eliġibbiltà fir-rigward ta’ programmi sempliċi.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jiddeterminaw il-programmi sempliċi magħżula, kwalunkwe it-tibdiliet li għandhom isiru lilhom, u dwar korrispondenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).
Artikolu 12
Informazzjoni dwar l-għażla ta’ programmi sempliċi
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23, u b’hekk lill-Istati Membri, informazzjoni f’waqtha dwar il-programmi kollha proposti jew magħżula.
Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tipprovdi:
(a) |
informazzjoni dwar l-għadd ta’ proposti milqugħa, l-Istati Membri li fihom l-organizzazzjonijiet proponenti huma stabbiliti, is-setturi involutiu s-suq jew swieq immirat(i); |
(b) |
informazzjoni dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni tal-valutazzjoni tal-proposti u deskrizzjoni sommarja tagħhom. |
Artikolu 13
Korpi inkarigati mill-implimentazzjoni tal-programmi sempliċi
1. Wara li tkun twettqet kif xieraq proċedura kompetittiva, l-organizzazzjoni proponenti għandha tagħżel il-korpi li se jimplimentaw programmi sempliċi magħżula bil-ħsieb, b’mod partikolari, li jiġi żgurat li l-azzjonijiet jiġu implimentati b’mod effikaċi.
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22 li jistipula l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura kompetittiva għas-selezzjoni tal-korpi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.
2. B’ deroga mill-paragrafu 1, organizzazzjoni proponenti tista’ timplimenta ċerti partijiet ta’ programm hi stess, suġġett għal kundizzjonijiet relatati mal-esperjenza tal-organizzazzjoni proponenti fl-implimentazzjoni ta’ tali azzjonijiet, il-kost ta’ tali azzjonijiet fir-rigward tar-rati normali tas-suq u s-sehem tal-kost totali li hu rappreżentat mill-parti tal-programm implimentata mill-organizzazzjoni proponenti.
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dettaljati li taħthom l-organizzazzjoni proponenti tista’ tiġi awtorizzata timplimenta ċerti partijiet tal-programm hija stess. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).
Artikolu 14
Implimentazzjoni, monitoraġġ u kontroll tal-programmi sempliċi
1. L-Istati Membri kkonċernati huma responsabbli għat-twettiq tajjeb tal-programmi sempliċi magħżula msemmija skont l-Artikolu 11, kif ukoll għall-pagamenti relatati. L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li l-materjal ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni li jiġi prodott fil-kuntest tal-programmi msemmija jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll u r-regoli li jikkonċernaw il-konklużjoni ta’ kuntratti għall-implimentazzjoni tal-programmi sempliċi magħżula skont dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tal-programmi sempliċi u għandhom jissorveljaw u jikkontrollaw dawn il-programmi skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u skont l-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont il-paragrafu 1.
Artikolu 15
Dispożizzjonijiet finanzjarji relatati mal-programmi sempliċi
1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi sempliċi fis-suq intern għandha tkun ta’ 70 % tan-nefqa eliġibbli. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi sempliċi f’pajjiżi terzi għandha tkun ta’ 80 % tan-nefqa eliġibbli. In-nefqa li tibqa’ titħallas esklussivament mill-organizzazzjonijiet proponenti.
2. Il-perċentwali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżdiedu għal 85 % fil-każ ta’ tfixkil serju fis-suq, telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi jew problemi speċifiċi oħra msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 2(2).
3. Bħala deroga mill-paragrafi 1 u 2, għall-organizzazzjonijiet proponenti stabbiliti fl-Istati Membri li fl-1 ta’ Jannar 2014 jew wara dik id-data jkunu benefiċjarji ta’ appoġġ finanzjarju skont l-Artikoli 136 u 143 tat-TFUE, il-perċentwali msemmija fil-paragrafu 1, għandhom ikunu ta’ 75 % u 85 % rispettivament, u l-preċentaġġ imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun ta’ 90 %.
L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal dawk il-programmi li tkun ittieħdet deċiżjoni dwarhom mill-Kummissjoni qabel id-data li minnha l-Istat Membru kkonċernat ma jkomplix jirċievi tali appoġġ finanzjarju.
4. L-istudji sabiex jiġu evalwati r-riżultati tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni skont il-qafas komuni msemmi fl-Artikolu 25 huma eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni bil-kundizzjonijiet simili għal dawk li jirregolaw il-programm sempliċi inkwistjoni.
5. L-Unjoni tiffinanzja għalkollox l-ispejjeż ta’ konsulenza marbuta mal-għażla tal-programmi skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
6. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-programmi sempliċi, l-organizzazzjonijiet proponenti għandhom jipprovdu garanziji.
7. L-Unjoni għandha tiffinanzja azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni implimentati permezz tal-programmi sempliċi skont il-punt (c) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
8. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22, dwar il-kondizzjonijiet speċifiċi li skonthom l-ispejjeż tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni u, fejn meħtieġ, l-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal huma eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni.
TAQSIMA 3
Implimentazzjoni u ġestjoni tal-programmi multipli u tal-azzjonijiet implimentati bl-inizjattiva tal-kummissjoni
Artikolu 16
Tipi ta’ finanzjament
1. Il-finanzjament jista’ jieħu wieħed jew aktar mill-forom li jiddisponi għalihom ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u b’mod partikolari dan jikkonsist fi:
(a) |
għotjiet għall-programmi multi; |
(b) |
swieq għall-azzjonijiet bl-inizjattiva tal-Kummissjoni. |
2. Il-finanzjament mill-Unjoni ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni implimentati abbażi tal-programmi multipli jew bl-inizjattiva tal-Kummissjoni jsir skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
Artikolu 17
Evalwazzjoni tal-programmi multipli
Il-proposti għal programmi multipli huma evalwati u magħżula fuq il-bażi tal-kriterji imħabbra fis-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(2).
Artikolu 18
Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programmi multipli
Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23, u b’hekk lill-Istati Membri informazzjoni f’waqtha dwar il-programmi kollha li jiġu proposti u magħżula.
Artikolu 19
Dispożizzjonijiet finanzjarji relatati mal-programmi multipli
1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi multipli għandha tkun ta’ 80 % tan-nefqa eliġibbli. In-nefqa li tibqa’ titħallas esklussivament mill-organizzazzjonijiet proponenti.
2. Il-perċentwal imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiżdied għal 85 % fil-każ ta’ tfixkil serju fis-suq, telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi jew problemi speċifiċi oħra msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 2(2).
3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, għall-organizzazzjonijiet proponenti stabbiliti fl-Istati Membri li fl-1 ta’ Jannar 2014 jew wara dik id-data jkunu benefiċjarji ta’ appoġġ finanzjarju skont l-Artikoli 136 u 143 tat-TFUE, il-perċentwali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu ta’ 85 %, u ta’ 90 % rispettivament.
L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal dawk il-programmi li tkun ittieħdet deċiżjoni dwarhom mill-Kummissjoni qabel id-data li minnha l-Istat Membru kkonċernat ma jkomplix jirċievi tali appoġġ finanzjarju.
Artikolu 20
L-akkwist għal azzjonijiet implimentati bl-inizjattiva tal-Kummissjoni
Kwalunkwe akkwist effettwat mill-Kummissjoni f’isimha stess jew flimkien ma’ Stati Membri huwa soġġett għar-regoli dwar l-akkwist stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (16).
Artikolu 21
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Union
1. Il-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont din it-taqsima, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu mħarsa bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, b’kontrolli effikaċi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti li jkunu tħallsu bi żball u, fejn xieraq, b’penali amministrattivi u finanzjarji effikaċi, proporzjonali u dissważivi.
2. Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri jkollhom is-setgħa li jawditjaw, abbażi tad-dokumenti u fuq il-post, fir-rigward tal-benefiċjarji kollha tal-għotja, kuntratturi u subkuntratturi li jkunu rċevew il-fondi tal-Unjoni.
3. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (18) sabiex jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew ma’ deċiżjoni ta’ għotja jew ma’ kuntratt iffinanzjat mill-Unjoni.
4. Bla preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ programm taħt dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditjar u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
TAQSIMA 1
Delega ta’ setgħat u dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni
Artikolu 22
L-eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 5(2), 7(2), 11(1), 13(1), 15(8) u 29(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-24 ta' Novembru 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 5(2), 7(2), 11(1), 13(1), 15(8) u 29(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-publikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data oħra li tkun speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att ta’ delega, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att ta’ delega adottat skont dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 23
Kumitat
1. Il-Kummissjoni hija assistita mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bl-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dak il-kumitat huwa kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
TAQSIMA 2
Konsultazzjoni, valutazzjoni u rappurtar
Artikolu 24
Konsultazzjoni
Fil-qafas tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-grupp għad-djalogu ċivili fuq il-kwalita’ u l-promozzjoni stabbilti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE (19).
Artikolu 25
Qafas komuni għall-valutazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet
B’mod koerenti mal-qafas komuni ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-politika agrikola komuni provdut fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Kummissjoni, għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-qafas komuni għall-valutazzjoni tal-impatt tal-programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni ffinanzjati skont dan ir-Regolament, kif ukoll sistema ta’ indikaturi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni huma adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).
Il-partijiet kollha kkonċernati jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-tagħrif u l-informazzjoni kollha neċessarji biex tkun tista’ ssir il-valutazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet.
Artikolu 26
Rapport
1. Sal-31 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport interim dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak ir- rapport interim għandu jinkludi r-rata tal-utilizzazzjoni fl-Istati Membri differenti, flimkien ma’ kwalunkwe proposta xierqa.
2. Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpannjat minn proposti xierqa, skont il-każ.
TAQSIMA 3
Għajnuna mill-istat, tħassir, dispożizzjonijiet tranżitorji, dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni
Artikolu 27
Għajnuna mill-Istat
B’deroga mill-Artikolu 211(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u mill-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 (20), kif ukoll bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 TFUE, tal-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE ma għandhomx japplikaw għall-pagamenti li jsiru mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament u skont id-dispożizzjonijiet tagħha, u lanqas ma għandhom japplikaw għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jkunu ġejjin minn dħul parafiskali, minn kontribuzzjonijiet mandatarji jew strumenti finanzjarji oħra tal-Istati Membri, fil-każ ta’ programmi eliġibbli għall-appoġġ tal-Unjoni li l-Kummissjoni tkun għażlet f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 28
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 huwa mħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni mniżżla fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 29
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 għandu jkompli japplika għal dawk l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni li għalihom il-Kummissjoni tkun iddeċidiet il-finanzjament qabel l-1 ta’ Diċembru 2015.
2. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti ta’ delega f’konformita mal-Artikolu 22 biex tiżgura t-tranżizzjoni bejn l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 3/2008 u dan ir-Regolament.
Artikolu 30
Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2015.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Ottubru 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
B. DELLA VEDOVA
(1) Opinjoni tat-30 ta’ April 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tat-2 ta’ April 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2014.
(4) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1).
(5) Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).
(6) Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond tas-Sajd Ewropew Marittimu u li jħassar Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).
(7) Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).
(8) Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti agrikoli u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347,20.12.2013, p. 671).
(9) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(10) Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).
(11) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).
(12) Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23).
(13) Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).
(14) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(15) Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78 (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(16) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).
(17) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(18) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar kontrolli u spezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi tal-Komunitajiet Ewropej mill-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, fuq il-post 15.11.1996, p. 2).
(19) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE tas-16 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi qafas għal djalogu ċivili fi kwistjonijiet koperti bil-politika agrikola komuni u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/391/KE (ĠU L 338, 17.12.2013, p. 115).
(20) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 tal-24 ta’ Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli (ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7).
ANNESS I
Il-prodotti msemmija fil-punt (b) tal-artikolu 5(1)
(a) |
birra, |
(b) |
ċikkulata u prodotti derivati, |
(c) |
prodotti ta’ ħobż, għaġina, kejkijiet, ħlewwiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnara, |
(d) |
xorb minn estratti tal-pjanti, |
(e) |
għaġin, |
(f) |
melħ, |
(g) |
gomma u reżina naturali, |
(h) |
pasta tal-mustarda, |
(i) |
qamħirrum ħelu (zea mays var. saccharata), |
(j) |
qoton. |
ANNESS II
It-Tabella ta’ Korrelazzjoni
msemmija fl-Artikolu 28
Regolament (KE) Nru 3/2008 |
Dan ir-Regolament |
L-Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu |
L-Artikolu 1 |
L-Artikolu 1(1), it-tieni subparagrafu |
Il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) |
L-Artikolu 1(2) |
L-Artikolu 4(1) u (2) |
LArtikolu 2 |
L-Artikolu 3 |
L-Artikoli 3 u 4 |
L-Artikolu 5 |
L-Artikolu 5 |
L-Artikolu 8 |
L-Artikolu 6(1) |
L-Artikolu 7 |
L-Artikolu 6(2) |
— |
L-Artikolu 7 |
— |
L-Artikolu 8 |
L-Artikoli 11, 12 u 17 |
L-Artikolu 9 |
— |
L-Artikolu 10 |
L-Artikolu 9 |
L-Artikolu 11 |
L-Artikolu 13 |
L-Artikolu 12(1) |
— |
L-Artikolu 12(2) |
L-Artikolu 14 |
L-Artikolu 13(1) |
L-Artikolu 6(1)(b) |
L-Artikolu 13(2), l-ewwel subparagrafu |
L-Artikoli 15(1), 15(2) u 15(3) u l-Artikolu 19 |
L-Artikolu 13(2), it-tieni subparagrafu |
— |
L-Artikolu 13(2), it-tielet subparagrafu |
— |
L-Artikolu 13(3), (4) u (5) |
— |
L-Artikolu 13(6) |
L-Artikolu 27 |
L-Artikolu 14 |
L-Artikolu 15(5), 15(7) u l-Artikolu 16(2) |
L-Artikoli 15 u 16 |
L-Artikoli 4(3), 5(2), 7(2), 8(1), 11, 13, 14(1), 15(8), 22, 23, 25 u 29 |
L-Artikolu 17 |
L-Artikolu 24 |
L-Artikolu 18 |
L-Artikolu 26 |
L-Artikolu 19 |
L-Artikolu 28 |
L-Artikolu 20 |
L-Artikolu 30 |