Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1125

    Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1125/2014 tad- 19 ta' Settembru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istandards tekniċi regolatorji marbutin mal-ammont monetarju minimu tal-assigurazzjoni ta' indennizz professjonali jew ma' garanzija komparabbli li għandu jkollhom l-intermedjarji tal-kreditu Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 305, 24.10.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1125/oj

    24.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 305/1


    REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1125/2014

    tad-19 ta' Settembru 2014

    li jissupplimenta d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istandards tekniċi regolatorji marbutin mal-ammont monetarju minimu tal-assigurazzjoni ta' indennizz professjonali jew ma' garanzija komparabbli li għandu jkollhom l-intermedjarji tal-kreditu

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar kuntratti ta' kreditu għall-konsumaturi marbutin ma' proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1), u b'mod partikolari it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(2)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 29(2)(a) tad-Direttiva 2014/17/UE jesiġi li l-intermedjarji tal-kreditu jkollhom assigurazzjoni ta' indennizz professjonali (PII) li tkopri t-territorji li fihom joffru s-servizzi, jew xi garanzija oħra komparabbli għar-responsabbiltà li tirriżulta min-negliġenza professjonali.

    (2)

    Filwaqt li r-rekwiżit li l-intermedjarji tal-kreditu fis-settur ipotekarju jkollhom PII jew garanzija komparabbli huwa rekwiżit regolatorju ġdid fil-livell tal-Unjoni, dan ir-rekwiżit jeżisti fil-livell nazzjonali f'ċerti Stati Membri. Tabilħaqq, dawk il-ġurisdizzjonijiet b'esperjenza fir-rekwiżiti tal-PII juru l-ogħla sehem ta' bejgħ ipotekarju intermedjat madwar l-Unjoni, storja ta' penetrazzjoni sinifikanti fis-suq minn intermedjarji tal-kreditu, u bħala konsegwenza, isegwu wkoll approċċ iktar speċifiku għar-regolamentazzjoni ta' dan is-settur. Għalhekk, ir-regoli tal-Unjoni dwar l-ammont minimu tal-PII jew ta' garanzija komparabbli għandhom ikunu bbażati fuq l-esperjenza ta' dawn il-ġurisdizzjonijiet meta jiġi biex ikun iddeterminat l-approċċ l-aktar adegwat għall-kalkolu ta' dan l-ammont minimu.

    (3)

    Dan l-approċċ ikun adegwat għall-Unjoni kollha kemm hi, inklużi l-ġurisdizzjonijiet bi swieq ipotekarji iżgħar. Ir-raġuni hija li l-pretensjonijiet kontra l-intermedjarji tal-kreditu mhumiex korrelatati mal-ammont sottostanti tal-kreditu ipotekarju, li jista' jvarja ħafna madwar l-Unjoni, iżda jiġu bbażati fuq negliġenza professjonali, fejn il-ħsara li tirriżulta tvarja ħafna inqas.

    (4)

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(2)(a) tad-Direttiva 2014/17/UE jistipula rieżami f'intervalli regolari tal-ammont monetarju minimu tal-assigurazzjoni ta' indennizz professjonali jew ta' garanzija komparabbli. Konsegwentement, jista' jkun possibbli fil-ġejjieni li opzjonijiet jew metodoloġiji oħra jkunu aktar adegwati sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta' dawn l-obbligi għall-intermedjarji tal-kreditu, speċjalment bid-disponibbiltà ta' aktar dejta storika u ta' aktar esperjenza superviżorja marbuta mal-funzjonament tal-assigurazzjoni ta' indennizz professjonali.

    (5)

    Sabiex jiġi stipulat l-ammont monetarju minimu tal-PII jew ta' garanzija komparabbli u sabiex jiġi żgurat approċċ aktar armonizzat fl-Unjoni kollha, tajjeb li jiġi speċifikat l-ammont minimu li għandu jiġi applikat fis-sena għal kull pretensjoni. Id-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistipula r-rekwiżit ta' ammont minimu fis-sena għal kull pretensjoni ta' PII jew ta' garanzija komparabbli. Konsegwentement, il-biċċa l-kbira tal-intermedjarji li jwettqu intermedjazzjoni assigurattiva, u l-assiguraturi tagħhom, huma familjari ma' dan l-approċċ u għalhekk huwa f'loku li tiġi stabbilita sistema simili għall-intermedjarji tal-kreditu. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-Istati Membri li l-liġijiet nazzjonali tagħhom jesiġu assigurazzjoni ta' indennizz professjonali mill-intermedjarji tal-kreditu, jużaw ukoll approċċ bħal dan. Għalhekk, ir-regoli dwar il-PII għall-intermedjarji tal-kreditu għandhom jinkludu wkoll distinzjoni abbażi tas-sena u tal-pretensjoni.

    (6)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

    (7)

    L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu jissejjes dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Konċernati mwaqqaf skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-ammont monetarju minimu tal-assigurazzjoni ta' indennizz professjonali jew ta' garanzija komparabbli meħtieġa li jinżammu minn intermedjarji tal-kreditu kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(2)(a) tad-Direttiva 2014/17/UE jkun:

    (a)

    ta' EUR 460 000 għal kull pretensjoni;

    (b)

    bħala aggregat, EUR 750 000 kull sena kalendarja għall-pretensjonijiet kollha.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Settembru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34.

    (2)  Id-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


    Top